Select Page
X’taf dwar il-festa ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ?

X’taf dwar il-festa ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ?

San Filippu ta’ Agira

Ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ huwa wieħed mill-irħula l-qodma f’Malta.

Fis-sena 1436, l-Isqof Senatore de Mello isemmi lil Ħaż-Żebbuġ bħala wieħed mill-għaxar irħula li diġà kienu stabbiliti.

Il-knisja hija mibnija fuq pjanta ta’ Tumas Dingli.

Il-vara ta’ San Filep hija tal-fidda u nħadmet ġewwa Ruma minn Luigi Fontana u qabel ġiet Malta kien berikha l-Papa.

Ikel u xorb relatat ma’ dan iż-żmien li tista’ u ma tistax tagħti lill-annimali domestiċi tiegħek

Ikel u xorb relatat ma’ dan iż-żmien li tista’ u ma tistax tagħti lill-annimali domestiċi tiegħek

Fost ħafna, l-ikel u xorb jagħmlu parti kbira minn dan iż-żmien ta’ festi.

Hija xi ħaġa naturali li nkunu nixtiequ naqsmu t-tjubija tal-ikel u x-xorb li ngawdu f’dan iż-żmien mal-klieb u l-qtates tagħna għax bħala membri tal-familja tagħna nkunu rriduhom igawdu magħna, iżda ħafna drabi dak li jkun mingħalina li qed nagħtuhom biex igawdu, fir-realtà jkun qed jagħmlilhom il-ħsara.

Iva, anke l-iktar ikel bnin u sustanzjuż jista’ jikkawża ħsara lill-klieb u l-qtates, għalhekk importanti li noqogħdu attenti x’nagħtuhom u x’inħallu f’postijiet li jistgħu jilħquh faċilment.

Dawn huma ftit mill-ikel u xorb li tista’ u ma tistax tagħti lill-kelb u l-qattus tiegħek:

Għadam tat-tjur

L-għadam tat-tjur, partikolarment tad-dundjan, waħda mill-ikliet tradizzjonali ta’ dan iż-żmien, misjur, jista’ jikkawża ħsara kbira lill-annimali domestiċi. Jekk jittieklu, jistgħu jinferxu u jtaqqbu l-istonku jew l-imsaren tal-annimal. Għalhekk huwa importanti li żżomm l-għadam fejn ma jilħquhomx. Min-naħa l-oħra, il-laħam tas-sider tad-dundjan u tat-tiġieġ, u laħam abjad ieħor mingħajr għadam u ġilda huwa tajjeb għall-annimali domestiċi tiegħek. Idealment il-laħam ikun mgħolli, mingħajr melħ u bżar, u mingħajr tip ta’ zalza.

Ġilda tad-dundjan

Ħafna ikel ta’ dan iż-żmien, bħall-ġilda tad-dundjan u gravy, huwa għoli fix-xaħam u diffiċli għall-annimali domestiċi biex jiddiġerixxu. Dawn it-tipi ta’ ikel jistgħu jikkawżaw marda ta’ ħafna wġigħ magħrufa bħala pankreatite, li twassal ukoll għal rimettar, dijarea u dgħjufija. Jekk m’intix se tikolha, ara li tpoġġiha f’post fejn ma jiħaqhiex il-kelb tiegħek u tarmiha eżatt wara li tkun kilt.

Basal

Il-basal iżid it-togħma delizzjuża għal ħafna platti fl-ikliet ta’ dan iż-żmien, iżda għall-qtates u l-klieb, dawn, flimkien mal-kurrat u t-tewm, jistgħu jikkawżaw anemija, problemi gastrointestinali u żieda fir-rata tal-qalb.

Iċ-ċikkulata

Iċ-ċikkulata tista’ tikkawża aċċessjonijiet u saħansitra tkun fatali għall-annimali domestiċi. Iċ-ċikkulata skura, li n-nies spiss jużaw għad-deżerti tal-ħelu ta’ dan iż-żmien, hija aktar tossika għall-annimali domestiċi miċ-ċikkulata tal-ħalib jew bajda. L-ingredjenti tossiċi jinkludu l-kaffeina u teobromina, kimika li tinsab fil-pjanta tal-kakaw. Kun żgur li żżomm iċ-ċikkulata tiegħek f’post sigur mill-annimali domestiċi.

Diversi tipi ta’ ġewż

Il-ġewż tal-makadamja, li huma ingredjent komuni fil-ħelu u gallettini ta’ dan iż-żmien u anki bħala appetizers, kif ukoll il-pistaċċi, jistgħu jkunu tossiċi għall-klieb. Dan għaliex l-ammont ta’ xaħam li għandhom jista’ jikkawża pankreatite. Barra minn hekk, il-makadamja allegatament fiha tossina mhux magħrufa li tista’ tirriżulta f’sintomi newroloġiċi. Filwaqt li l-avvelenament jista’ mhux dejjem ikun faċli biex jinstab f’annimali domestiċi, sinjali ta’ twissija kliniċi jinkludu dipressjoni, dgħjufija, rimettar, rogħda, ebusija fil-ġogi u nuqqas ta’ koordinazzjoni.

Għeneb u żbib

Fl-1989, database ta’ tossiċità kompjuterizzata għenet lill-veterinarji jidentifikaw l-għeneb u ż-żbib bħala l-kawża ta’ insuffiċjenza tal-kliewi fil-klieb. L-għeneb u ż-żbib, huma tossiċi għall-qtates u l-klieb. Għalhekk importanti li żżomm kwalunkwe deżerta jew platter li jkun fihom żbib jew għeneb ‘il bogħod mill-qattus u l-kelb tiegħek.

Għaġina bil-ħmira

Dawk li jħobbu jaħmu partikolarment f’dan iż-żmien iridu joqogħdu attenti mill-għaġina mhux moħmija peress li jekk tittiekel mill-annimali tiegħek tista’ tespandi fl-istonku tiegħu u tirriżulta f’rimettar, uġigħ addominali qawwi u nefħa.. Jekk tissuspetta li l-kelb tiegħek ħa xi biċċa għaġina mhux moħmija, ċempel lill-veterinarju tiegħek kemm jista’ jkun malajr.

Noċemuskata (Nutmeg)

Dan il-ħwawar popolari, komunament użat għal xi torta tal-qara ħamra u patata ħelwa, qatt m’għandu jingħata lill-annimali domestiċi tiegħek. Dan il-ħwawar jista’ jikkawża aċċessjonijiet, rogħda u problemi oħra. F’każijiet severi ġew irrappurtati anke mewt. Min-naħa l-oħra, il-qara ħamra plejn u l-patata ħelwa huma tajbin għall-annimali domestiċi tiegħek, għalhekk tista’ twarrab ftit biex tagħtihom qabel ma żżid ingredjenti oħra.

Ħalib

Minħabba li l-annimali domestiċi m’għandhomx ammont sinifikanti ta’ lactase (l-enzima li tkisser il-lattożju fil-ħalib), il-ħalib u prodotti oħra tal-ħalib jistgħu jikkawżaw dijarea jew taqlib diġestiv ieħor li jista’ jwassal għal deidrazzjoni. Oqgħod attent li tillimita l-ammont ta’ prodotti tal-ħalib li jieklu l-annimali domestiċi tiegħek bħala parti minn ikel ieħor li tista’ tagħtihom.

Il-kafè

Kull min iħobb il-kafè jaqbel li m’hemm xejn bħal tazza kafè wara l-pranzu f’lejl kiesaħ. Madanakollu, il-kafè huwa ħażin ħafna għall-klieb, qtates u annimali domestiċi oħra. Il-kaffeina tista’ tqanqal aċċessjonijiet u ritmi anormali tal-qalb fl-annimali domestiċi, u xi kultant tista’ tkun fatali. Xorb ieħor bil-kaffeina, bħal te u luminata wkoll mhumiex tajbin għalihom.

Alkoħol

Minħabba li huma tipikament iżgħar min-nies, l-annimali domestiċi m’għandhomx għalfejn jieħdu ħafna alkoħol biex jagħmlilhom ħażin b’mod perikoluż. Żomm dawk it-tazzi tal-inbid ‘il bogħod mill-annimali domestiċi kollha biex tevita kwalunkwe kwistjoni.

Ikel ieħor li huwa tajjeb għall-annimali domestiċi tiegħek huma:

Is-salamun, karrotti, piżelli, tuffieħ, banana, cranberries.

Għalkemm il-klieb jistgħu jieklu l-ikel imsemmi hawn fuq, ftakar li kull tip ta’ treat, kemm ikel minn tagħna kif ukoll tal-klieb, għandhom jagħmlu biss 10 fil-mija tal-konsum ta’ kaloriji tagħhom ta’ kuljum. Id-90 fil-mija l-oħra għandhom jiġu minn ikel tal-klieb b’dieta bilanċjata.

M’għandekx tagħti lill-kelb tiegħek ħafna ikel ġdid f’daqqa lanqas, anki jekk ikel bħad-dundjan u l-karrotti huwa sikur, wisq ikel ġdid f’daqqa jista’ jirriżulta f’taqlib tal-istonku.

Dak kien! (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Dak kien! (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

L-ewwel darba li ltqajt magħha, kont sirt inħobbha mill-ewwel.
Fior.
Kienet l-isbaħ mara li qatt kont rajt. Kellha dak kollu li xtaqt; figura perfetta, wiċċ ta’ anġlu u karattru taz-zokkor. X’ridt aktar minn hekk?
Kienet saret id-dinja tiegħi. Qabel, ftit li xejn kont nagħti kas romantiċiżmu. Jiena kont persuna kemxejn riservat, kultant saħansitra xi ftit stramb.
Iżda minn meta kont iltqajt ma’ Fior, kont bdejt nixtri l-ħwejjeġ, nirranġa ruħi, neħodha tiekol fl-aqwa ristoranti u nixtrilha dak kollu li xtaqet qalbha.
U jien……..
Jien kont naraha kuntenta miegħi.
Wara xi sentejn li konna ilna noħorġu ma’ xulxin u ninħabbu, mort f’ħanut tal-aqwa ġojjelli u xtrajtilha l-isbaħ ċurkett li laqat lil għajnejja. U biex inkun għidt kollox, lil buti ukoll. Skont sid il-ħanut, peress illi kien djamant ta’ veru, biċ-ċertifikat, xħin kont tħares lejh, kont tara ħafna kuluri assortiti inemnmu u jitħalltu flimkien. Ippruvajt nara dawn il-kuluri, iżda jiena ftit li xejn kont nifhem. Kuluri ma rajtx. Imma xorta xtrajtu. L-importanti kien li lil Fior inżommha kuntenta. U tfajla bħal dik kien jixirqilha l-aqwa mod biex nitlobha tkun marti.
Malli staqsejtha biex tiżżewwiġni, għalkemm kelli qalbi tħabbat mija mija għax bżajt li tgħidli le, aċċettat bil-qalb. Mhux talli aċċettat, iżda talli tant qabdet fija li għal ftit ma qalbitnix lura mill-pożizzjoni li kont qiegħed fiha!
Iltqajt ma’ ommha u missierha. U mal-ewwel daqqa t’għajn, donnhom anke huma, ħadu grazzja miegħi.
Kultant kont nieqaf naħseb waħdi. U kont nammetti. Kont ferħan. Kont l-iżjed bniedem ferħan tad-dinja. Minn meta żżewwiġt lil imħabbti Fior, id-dinja kienet tidher iżjed ikkulurita, iżjed sabiħa. Forsi minħabba l-fatt li l-kuluri taċ-ċurkett kien beda jirrifletti fl-abbissi ta’ moħħi. Jew forsi għax Fior kienet il-mara ideali għalija.
Kont inħobbha tabilħaqq.
Mhux hekk biss, kont iffissat fuqha.
Peress illi jiena kelli xogħol tajjeb, dak ta’ perit, xtrajt għalqa kbira fit-tarf tar-raħal fejn kont pożittiv li kien hemm veduta li ssaħħrek, fejn kont ċert li kienet se togħġobha. Għamilt pjanta u bnejt waħda mill-isbaħ djar li qatt eżistew f’Malta.
Forsi wieħed s’hawn jibda jgħid li ħajti kienet perfetta.
Iva, kienet.
Iżda ma tantx damet.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Croton? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Croton? – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanti tal-Croton jeħtieġu dawl qawwi u indirett. Ma jħobbux dawl tax-xemx dirett. Il-kuluri vibranti tagħhom jiddependu fuq dawl qawwi.

Fis-sajf żommhom niedja u naqqas id-drabi li ssawqihom fix-xitwa.

Ħamrija tal-qsari msaffija tajjeb hija perfetta għal dawn il-pjanti.

Uża fertilizzant li jinħall bil-mod jew inkella likwidu matul l-istaġun tat-tkabbir.

Il-partijiet kollha tal-pjanti tal-Croton huma tossiċi għall-bnedmin u l-annimali domestiċi. Jistgħu jkunu irritanti għall-ġilda, allura l-aħjar li tilbes ingwanti meta tkun qed tneħħi l-weraq jew taqta’ minnha. Jekk tiġi inġerita fi kwantitajiet kbar tista’ tirriżulta f’taqlib fl-istonku, dijarea u aktar.. Annimali domestiċi li jkunu avvelenati jistgħu jidhru għajjenin jew irritabbli.

Biddel il-pot fir-rebbiegħa meta jkun meħtieġ iżda dejjem uża pot ta’ daqs wieħed biss akbar mill-pot li tkun qiegħda fiha l-pjanta.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Clivia? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Clivia? – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanti tal-Clivia huma nattivi għall-Afrika t’isfel u saru pjuttost popolari ma’ dawk li jħobbu l-pjanti.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pjanti huma mkabbra bħala pjanti tad-dar, f’postijiet adattati jistgħu jitkabbru anki barra. Madanakollu għandhom jiddaħħlu ġewwa għax-xitwa.

L-attrazzjoni għall-dawn il-pjanti tinstab fil-blanzuni partikolari tagħhom, li jvarjaw fil-kulur minn oranġjo ċar għal aħmar. Il-fjuri fragranti tagħhom għandhom il-forma ta’ t-tromba, huma simili għal dawk tal-Amaryllis iżda żgħar. B’differenza mill-Amaryllis, il-pjanti tal-Clivia jżommu l-weraq tagħhom is-sena kollha.

Il-pjanta tal-Clivia teħtieġ dawl qawwi u indirett imma l-ebda xemx diretta. Xemx diretta taħraq il-weraq u teqred il-fjuri. Matul is-sajf, tagħmel tajjeb li toħroġha barra sakemm iżżommha fid-dell.

Matul ir-rebbiegħa u s-sajf, saqqiha sewwa u mbagħad ħalli 50% tal-ħamrija ta’ fuq tinxef qabel ma terġa’ ssaqqiha. Naqqas milli ssaqqiha fil-ħarifa, u fix-xitwa ħalli l-ħamrija tinxef sew qabel ma ssaqqiha.

Ladarba l-pjanta tal-Clivia tiegħek tkun spiċċat tiffjorixxi, ġeneralment fil-bidu tas-sajf, uża fertilizzant tal-pjanti ta’ ġewwa. Qatt m’għandek tiffertilizza matul l-4-6 ġimgħat fix-xitwa meta l-pjanta tkun qed tistrieħ. Wara l-pjanta tkun straħet, uża fertilizzant b’ħafna potassju biex tgħin lill-pjanta tiffjorixxi.

Umdità medja tad-dar hija adegwata għall-Clivia.

Din il-pjanta hija tossika ħafna għall-annimali domestiċi.

Il-Clivia tiffjorixxi l-aħjar meta tkun f’pot żgħira. Biddlilha l-pot kull tlieta jew erba’ snin. Jekk il-pjanta tkun tidher tqila ħafna mill-parti ta’ fuq u qed tegħleb, uża pot tqila u twila biex tipprovdi stabbiltà.

Enable Notifications OK No thanks