Abner Aquilina: Ried ikollu x’jaqsam ma’ ġisem mejjet

Abner Aquilina: Ried ikollu x’jaqsam ma’ ġisem mejjet

Ilbieraħ kompla jinstema’ l-każ ta’ Abner Aquilina, ġuvni ta’ 20 sena, mixli bil-qtil ta’ Paulina Dembska.

Il-psikjatri li eżaminaw lil Abner Aquilina, fost oħrajn, qalu li mhux biss ried li jkollu x’jaqsam ma’ Paulina iżda anki ma’ ġisem mejjet.

Ikkonfermaw ukoll li huwa kellu biżżejjed sens biex jifhem il-proċeduri tal-ġustizzja għax hu stess fehem il-gravità tar-reat.

Kuntistabbli kif ukoll esperti forensiċi taw ukoll ix-xhieda tagħhom dwar dak li raw u dak li ħareġ mill-investigazzjonijiet tagħhom.

Xehed ukoll raġel li jgħix San Ġiljan, fejn qal li waqt li kien miexi ra persuna qisha qed tagħmel il-pushups taħt ħajt iżda mbagħad seta’ jara sieq oħra u nduna li l-persuna ma kinitx qed tagħmel pushups.

Intqal ukoll li mill-body cams tal-pulizija, Aquilina deher wiċċu mal-kamera jitlob maħfra presidenzjali.

L-eks President tal-Brażil jgħid li Zelenskyy huwa responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna daqs Putin

L-eks President tal-Brażil jgħid li Zelenskyy huwa responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna daqs Putin

L-eks President Brażiljan Lula Inacio da Silva qal lill-magażin TIME li l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy huwa responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna daqs il-President Russu Vladimir Putin.

Huwa sostna li minkejja li l-President Zelenskyy jiġi mfaħħar u jingħata standing ovations mill-parlamentari Ewropej, huwa responsabbli għall-gwerra daqs Putin għax skont hu fil-gwerra ma jkunx hemm persuna waħda biss ħatja.

Meta tkellem ma’ TIME f’intervista biex jimmarka t-tnedija tas-7 ta’ Mejju tal-kandidatura tiegħu għat-tielet terminu presidenzjali, Da Silva qal li Putin ma kellux jinvadi l-Ukrajna, iżda t-tort huwa wkoll tal-Istati Uniti, in-NATO u l-Unjoni Ewropea.

Saħaq li l-Ewropej ma kellhomx jaċċettaw li l-Ukrajna tissieħeb fl-UE.

Da Silva kompla billi sejjaħ l-imġiba ta’ Zelenskyy bħala “kemxejn stramba,” u semma d-dehriet frekwenti fuq it-televiżjoni tal-President Ukren.

Huwa qal li minflok jindirizza l-parlament tar-Renju Unit, il-parlament Ġermaniż, il-parlament Franċiż, il-parlament Taljan, bħallikieku qed jagħmel kampanja politika, għandu jkun fuq il-mejda tan-negozjati.

Emmanuel Macron jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza

Emmanuel Macron jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza

Emmanuel Macron rebaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza, filwaqt li rnexxielu wkoll jegħleb sfida storika mill-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen waqt il-votazzjoni ta’ nhar il-Ħadd.

Macron ħa 58.5% tal-voti tal-Ħadd, u b’hekk sar l-ewwel mexxej Franċiż li ġie elett mill-ġdid f’20 sena.

Hu u Le Pen għaddew għar-runoff wara li spiċċaw fl-ewwel u fit-tieni post, rispettivament, fost 12-il kandidat li ħarġu fl-ewwel rawnd fl-10 ta’ April.

Filwaqt li l-elezzjoni kienet rematch tar-runoff presidenzjali Franċiża tal-2017, għal ħafna mill-Ewropa, din l-elezzjoni kienet waħda ta’ tħassib għaliex ir-riżultat kien se jiddetermina kif se tiġi affettwata r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea.

Presidenza ta’ Le Pen kienet tibdel b’mod fundamentali r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea u mal-Punent, fi żmien meta l-Unjoni Ewropea u l-alleati tagħha jiddependu fuq Pariġi biex jieħdu rwol ewlieni biex jiffaċċjaw xi wħud mill-akbar sfidi tad-dinja, b’mod partikolari preżentament, il-gwerra fl-Ukrajna.

U għalkemm Macron rebaħ fuq il-viżjoni ta’ Le Pen għal bidla radikali, il-41.5% tan-nies li vvutaw għaliha poġġew lil-lemin estrem Franċiż eqreb lejn il-presidenza minn qatt qabel.

Ħafna minn dawk li ma kinux sodisfatti bl-aħħar żewġ kandidati baqgħu d-dar. Ir-rata ta’ astensjoni tal-votanti għar-runoff kienet ta’ 28%, skont il-Ministeru tal-Intern Franċiż, l-ogħla f’aktar minn 50 sena, skont il-midja Franċiża. Fil-fatt, aktar votanti astjenew milli vvutaw għal Le Pen.

Għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet kienu ferm inqas minn dawk ta’ wara r-rebħa ta’ Macron fl-2017, il-partitarji tiegħu nġabru fuq Champs de Mars, quddiem it-Torri Eiffel fiċ-ċentru ta’ Pariġi, jiċċelebraw ir-riżultat fejn hu ta d-diskors tiegħu u ndaqq ukoll l-innu Ewropew, komunement imsejjaħ “Ode to Joy.”

Fid-diskors tar-rebħa tiegħu, Macron wiegħed li jkun il-president ta’ kulħadd. Imbagħad irringrazzja lill-partitarji tiegħu u rrikonoxxa li ħafna, bħal fl-2017, ivvutawlu sempliċement biex jiżguraw li l-lemin estrem ma jingħatax il-poter.

Macron qal li t-tieni mandat tiegħu mhux se jkun kontinwazzjoni tal-ewwel tiegħu, billi jimpenja ruħu li jindirizza l-problemi attwali kollha ta’ Franza. Huwa ndirizza wkoll lil dawk li appoġġjaw direttament lil Le Pen, u qal li hu, bħala president, irid isib tweġiba għar-“rabja u n-nuqqas ta’ qbil” li wassluhom biex jivvutaw għal-lemin estrem.

Le Pen tat diskors ta’ konċessjoni fi żmien nofs siegħa wara l-ewwel riżultat, u tkellmet mas-sostenituri tagħha miġbura f’Bois de Boulogne fil-Punent ta’ Pariġi.

Minkejja li tilfet l-elezzjoni, Le Pen irrikonoxxiet il-fatt li l-lemin estrem qatt ma mar daqshekk tajjeb f’elezzjoni presidenzjali. Hija sejħet ir-riżultat bħala “storiku” u bħala “rebħa brillanti” li poġġiet lill-partit politiku tagħha, National Rally, “f’pożizzjoni eċċellenti” għall-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju.
“Il-logħba għadha ma spiċċatx,” qalet.

Roberta Metsola tirbaħ it-tellieqa għall-kandidatura Presidenzjali tal-PE

Roberta Metsola tirbaħ it-tellieqa għall-kandidatura Presidenzjali tal-PE

Ilbieraħ, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola rebħet it-tellieqa biex tkun kandidata għall-elezzjoni Presidenzjali tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Popolari Ewropew, fis-17 ta’ Jannar.

Iż-żewġ kandidati MPEs l-oħra kienu l-Awstrijak Othmar Karas u l-Olandiża Esther de Lange.

Hija kisbet 112-il vot minn 174 membru li vvutaw.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lil Roberta Metsola tar-riżultat prestiġjuż u qal li Roberta għamlet isem għaliha u għal pajjiżna billi ddefendiet il-valuri Ewropej tal-libertà, il-verità u l-ġustizzja.

Bosta oħrajn esprimew fuq il-midja soċjali l-awguri tagħhom għal Roberta, fosthom Dr Lawrence Gonzi, Dr Simon Busuttil u David Casa.

F’intervista li saret fuq TVAM, li jixxandar fuq TVMNews+, Roberta Metsola qalet li jekk tkun eletta f’Jannar hija se tkun l-ewwel President mara fl-aħħar 20 sena u l-ewwel waħda minn pajjiż żgħir.

Hija qalet li se tkun kawta imma tinsab ottimista li tista’ tagħmel dak li ilha tagħmel minn meta kienet eletta, tibni l-pontijiet ma’ kull min hu lest li jaħdem għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kollha.

Dettalji li ma kontx taf dwar il-gallarija tal-Palazz Presidenzjali…

Dettalji li ma kontx taf dwar il-gallarija tal-Palazz Presidenzjali…

Il-gallarija tal-Palazz Presidenzjali jew aħjar tal-Palazz tal-Gran Mastru hija waħda mill-ikbar gallariji li nsibu fil-Mediterran. Din insibuha fuq il-ġnub u tkompli fil-faċċata tal-palazz fuq iż-żewġ naħat tiegħu. Is-saljaturi tagħha huma magħmulin minn injam u stukko u oħrajn huma skolpiti fil-ġebel. Fihom naraw l-istremma tal-Ordni ta’ San Ġwann u oħrajn l-istemma ta’ xi Gran Mastri. L-oħrajn għandhom disinn verament interessanti.

L-iktar waħda li tispikka hija dik li naraw fil-kantuniera bejn Triq l-Arċisqof u Pjazza San Ġorġ. Din is-saljatura partikolari tiġbed l-attenzjoni għall-forma kurjuża li fiha. Hawn naraw żewġ figuri li jinsabu wieħed fuq spallejn l-ieħor b’idejhom miftuħin. Taħthom naraw wiċċ grottesk li huwa influwenzat mill-maskli drammatiċi tal-Greċja l-antika. Dawn il-maskli kienu u għadhom jissimbolizzaw it-Teatru. Dawn kienu jsiru l-iktar biex ibiegħdu l-għajn u kull saram mir-residenti li kienu joqogħdu f’dak il-bini fejn ikunu. Il-figura ta’ fuq qiegħda tgħajjeb b’ilsienha lil min iħares lejn il-gallarija.  

Din is-saljatura kienet interpretata kemm-il darba li setgħet saret biex tissimbolizza l-bluha tal-Karnival li fi żmien il-Kavallieri kien jilħaq il-qofol tiegħu f’din il-pjazza. Iżda l-aktar teorija plawsibbli hija li din saret hekk biex tkun tista’ tbiegħed l-għajn ħażina mill-istess bini. Din il-ħaġa hija preżenti ħafna fil-kultura antika speċjalment fl-Amerika t’Isfel u fl-Asja Ċentrali li meta bniedem jgħajjeb b’ilsienu jkun qiegħed ibiegħed l-għajn ħażina. 

Enable Notifications OK No thanks