Bil-filmat: Hector Bruno b’appell dwar Karmenu Fino – L-anzjan li ġie nieqes minn San Vinċenz

Bil-filmat: Hector Bruno b’appell dwar Karmenu Fino – L-anzjan li ġie nieqes minn San Vinċenz

Ftit sigħat qabel għeluq it-63 sena tiegħu, permezz ta’ filmat fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Hector Bruno għamel appell dwar Karmenu Fino, l-anzjan ta’ 83 sena li ġie nieqes minn San Vinċenz de Paul fit-28 ta’ Ġunju.

Hector appella lis-segwaċi tiegħu biex kull min għandu xi kamra mwarrba jew xi għalqa diżabitata, li mhux kulħadd jista’ jidħol fiha, imur jiċċekkja spiss il-post biex jekk Karmenu jkun daħal hemm, jinstab.

Huwa qal li l-familja u l-pulizija ma jistgħux jaqbdu u jidħlu fi proprjetà privata, għaldaqstant qed jagħmel dan l-appell bit-tama li l-anzjani jinstab.

Posted by Hector Bruno on Tuesday, July 5, 2022

Dan ir-ritratt juri lil Karmenu Fino dakinhar li ġie rrappurtat nieqes.

Kull min għandu xi informazzjoni dwar Karmenu Fino, huwa ġentilment mitlub jagħmel kuntatt mal-Pulizija permezz ta’ messenger, jew iċempel, anke b’mod anonimu, fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.

Filwaqt li ningħaqdu ma’ Hector fl-appell tiegħu, f’isem it-tim ta’ skoperta.net, nawguraw lil Hector f’jum għeluq sninu.

Awguri Hector!

Ara: Il-Papa jieqaf isellem koppja li kienet għadha kif iżżewġet

Ara: Il-Papa jieqaf isellem koppja li kienet għadha kif iżżewġet

Waqt li kien sejjer lura lejn ir-Rabat wara l-laqgħa ta’ talb fis-Santwarju ta’ Pinu f’Għawdex, il-Papa Franġisku waqaf bil-karozza privata tiegħu u sellem lill-koppja li kienet għadha kif iżżewġet.

Ernest Vella, il-vidjogragrafu li kien qed jaħdem fil-ġurnata tant speċjali għall-koppja, tella’ filmat fuq il-midja soċjali li juri lill-Papa joħroġ idejh biex isellem lill-koppja hekk kif il-karozza privata tiegħu waqfet quddiemhom.

Ċertament li l-koppja se jibqgħu jgħożżu dan il-mument memorabbli f’ġurnata tant sinifikanti għalihom

Mit-Tnejn li ġej se jitneħħew aktar restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19

Mit-Tnejn li ġej se jitneħħew aktar restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19

Aktar kmieni llum, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej sal-bidu tas-sajf se jitneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 li qiegħdin fis-seħħ.

Filwaqt li fakkar l-aħbar li mill-aħħar ta’ April u bidu ta’ Mejju se jkunu jistgħu jibdew isiru l-festi fil-bliet u l-irħula b’mod responsabbli imma wkoll b’mod li jixbah ħafna lil dak li konna mdorrijin bih fis-snin li għaddew, kif ukoll l-aħbar li l-Karnival se jsir f’Mejju bl-istess mod, il-Ministru Chris Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej 7 ta’ Frar se jiġi estiż il-ħin tal-viżitaturi fl-isptar Mater Dei.

Minn nhar it-Tnejn ukoll se titneħħa l-miżura tal-ammont ta’ nies miġbura f’residenza privata. Sal-lum kien limitat sa 4 households, issa se titneħħa kompletament.

Ħabbar ukoll li mit-Tnejn li ġej il-Gvern Malti se jibda jagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim mill-Ġordan u l-Maldivi.

Mill-14 ta’ Frar, dawk il-persuni li jkollhom ċertifikat tat-tilqim validu u jkunu ġejjin minn pajjiż li huwa kklassifikat bħala dark red, il-perjodu ta’ kwarantina li jeħtieġu li jagħmlu se jonqos minn 14 għal 10 ijiem.

Il-kwarantina ta’ dawk li jkunu ġejjin minn barra biex jaħdmu f’Malta u għad m’għandhomx permess ta’ residenza f’Malta issa tista’ tibda ssir f’residenza fissa minflok f’lukanda. Il-lukanda se tkun qed tintuża biss għal dawk li jiġu Malta għal perjodu qasir u m’għandhomx residenza fissa.

B’effett immedjat, it-tfal kollha ta’ bejn il-5 u l-11-il sena li jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim biż-żewġ dożi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr il-ħtieġa tat-test tal-PCR.

Ħabbar ukoll li mill-21 ta’ Frar se tiġi indirizzata l-mod ta’ kif issir il-kwarantina. Jekk is-sitwazzjoni attwali tibqa’, il-kwarantina ta’ dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn 7 għal ħamest ijiem.

Dan se jkun japplika wkoll għal tfal li jkunu mlaqqma u jkollhom lil xi ħadd pożittiv fil-klassi.

Mill-1 t’April, in-numru ta’ persuni bilqiegħda f’tieġ se jibqa’ l-istess, dak ta’ 500 persuna mlaqqma kompletament iżda se jkun jista’ jsir ukoll b’persuni bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna mlaqqma kompletament.

Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra kif inhi issa, fix-xhur li ġejjin se jkomplu jitneħħew aktar restrizzjonijiet fuq avvenimenti organizzati u night clubs.

Il-Ministru Chris Fearne fakkar li minn nhar it-Tnejn li ġej iċ-ċertifikat tat-tilqim mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

Nitkellmu ma’ Lynn Aquilina

Lynn, għidilna ftit dwarek. Min hi Lynn Aquilina?

Mela Lynn hi mara ta’ 31 sena li tħobb il-ħajja u tħobb tgħix. Jien persuna sensittiva, nisma’ u nosserva ħafna. Inħobb nesperjenza affarijiet ġodda, anke jekk ġieli nibża’ jew nippanikkja ħafna għax inħalli l-ħsibijiet jiġru bija! Nemmen li kieku, ma ppruvajtx u ma nippruvax affarijiet u esperjenzi ġodda ma niltaqax ma’ nies ġodda li jgħinuni biex kemm jista’ jkun dejjem noħroġ l-aħjar tiegħi u ma neħilx mal-limitu tad-diżabilità fiżika li għandi. Minkejja dan kollu li għidt, inħoss li għadni ma nafx ma nafx min jien, għax kuljum ninbidel u niskopri ħaġa ġdida fija li ma kontx naf qabel.

Il-kapaċità tiegħek li tesprimi ruħek b’mod tajjeb ħafna u profond permezz tal-kitba, hija xi ħaġa li wieħed ma jistax ma jinnutax dwarek. Kif nibtet il-passjoni tiegħek tal-kitba, u x’libertà tagħtik?

Il-passjoni tal-kitba tmur lura għal meta kont fir-raba’ sena tal-primarja. Niftakar, l-għalliema kienet taqralna kuljum mill-kotba ta’ Trevor Zahra. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem għidt li rrid insir bħal dan l-awtur bravu ħafna. Qrajt il-kotba kollha tiegħu għax jaffaxxinani kif jiżvolġi l-istejjer tiegħu bi kliem sempliċi u b’ritmu mexxej. Insomma f’kelma waħda sar l-idolu tiegħi, tant li fis-sekondarja meta kien ikollna komponiment kont nipprova nuża’ l-istil ta’ kitba tiegħu. L-għalliema kienu qaluli li għandi talent, imma bqajt ma ħadtux bis-serjetà sakemm spiċċajt mis-sekondarja.

Kont spiċċajt inqatta’ ħafna ħin id-dar, fija kien hemm vojt u monotonija kbira tant li waqajt f’dipressjoni. Imbagħad wara ħafna insistenza mingħand ħabibti ħarbixt l-istorja tiegħi. Minn hemm ma ħaristx lura, kuljum nikteb xi ħaġa, anki jekk tkun sentenza waħda biss. Bil-kitba, jien nista’ mmur u nimraħ kullimkien. Tilliberani għax meta nikteb jien ninsa għal ftit il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi u nidħol f’dinja oħra. Dinja fejn l-ispirtu tiegħi jtir ‘il fuq mingħajr ma jwaqqfu ħadd.

X’definizzjoni għandha d-diżabilità għalik personali?

Għalija d-definizzjoni tad-diżabilità tvarja ħafna. Skont iċ-ċirkostanzi li nkun fihom u l-burdati li jkolli. Ikun hemm ġranet fejn inħossni qisni għandi ġgant jgħaffeġ fuqi u rrid inkompli bil-ġurnata tiegħi, bih idur miegħi kullimkien. Drabi oħra lanqas biss taffettwani li jien b’diżabilità, għax inkun qed inħossni tajba fija nnifsi. Imma jien inħobb nara l-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi bħala gaġġa li ssakkarni milli nagħmel dak li nixtieq. Għalkemm dejjem nipprova nsib mezzi kif indur ma’ din il-gaġġa, ġismi, biex fl-aħħar xorta nagħmel dak li nixtieq.

Kemm-il darba titkellem dwar l-intimità u s-sesswalità. L-ewwel nett, int personali kif tiddistingwi bejn dawn it-tnejn?

L-intimità u s-sesswalità huma konnessi u relatati ħafna ma’ xulxin, imma mhumiex l-istess. Għalija l-intimità hi u sseħħ kull meta nagħżel li nara lill-persuna l-oħra mhux bl-għajnejn fiżiċi tiegħi, iżda bl-għajnejn ta’ ruħi. Dawn l-għajnejn li jaraw il-bżonnijiet l-aktar profondi tal-oħrajn biex hekk nitqanqal minn ġewwa ħalli mhux biss ngħinhom, iżda mmur pass oltre minn hekk, insir naf l-istorja tagħhom u nitwaħħad magħhom, mhux għall-pjaċiri tiegħi, imma għax jinteressani u nħobb verament lill-oħrajn.

Is-sesswalità, imbagħad hi dak kollu li jagħmilni l-mara li jien. L-ewwel aspett tas-sesswalità jistedinni biex jien inħobb, nirrispetta u nkun konxja tas-sbuħija tal-feminilità tiegħi. Imbagħad għalija, l-att sesswali jikkumplimenta u jgħaqqad is-sbuħija tiegħi, ma’ dik ta’ ħaddieħor biex nikber fl-għarfien li ma nistax ngħix mingħajr ma nħobb verament biex nagħti ħajja lill-ieħor u eventwalment jista’ jkun hemm lok ta’ ħolqien ta’ ħajja wkoll.

Mill-perspettiva tiegħek, x’inhuma l-isfidi li trid tiffaċċja b’mod kontinwu fejn jidħlu l-intimità u s-sesswalità? X’inhuma n-nuqqasijiet li tħoss l-aktar bħala mara?

Fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità, l-intimità u s-sesswalità għadhom tabù. Personalment din ir-realtà ttaqqalni ħafna għax ikolli ngħixha waħdi, naħbi l-bżonnijiet, ix-xewqat u l-emozzjonijiet naturali tiegħi. Ngħixha waħdi fis-skiet għax inħoss li s-soċjetà inġenerali ma tqishomx dawn il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità u ma tiddistingwix bejn intimità u sesswalità. Jista’ jkun li persuna b’diżabilità tkun trid biss l-intimità, din tinkludi tgħanniq, karezzi, tmellis fix-xagħar, tpoġġi fuq xi ħadd eċċ.

L-akbar nuqqas li naħseb li hawn hu li persuni b’diżabilità ma jitkellmux biżżejjed fuq dawn il-bżonnijiet tagħhom fil-pubbliku. Allura, imbagħad ovvja li n-nies t’hemm barra ma jistgħux ikunu jafu vera xi nħossu aħna, jistgħu biss jispekulaw!

X’inhuma x-xewqat tiegħek f’dan ir-rigward? X’tixtieq li jsir?

Nixtieq li aktar nies ma jinħasdux u ma jibżgħux meta nesprimi dawn il-bżonnijiet li għandi. Ħeq, jien bniedma tad-demm u l-laħam bħal kulħadd! Hemm bżonn li jsiru aktar diskussjonijiet edukattivi fuq dan is-suġġett fuq it-televixin u l-midja soċjali.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar is-servizzi ta’ sex workers għal persuni b’diżabilità?

Naqbel li jkun hawn is-servizz ta’ sex workers, iva għaliex le. Basta dan ikun regolat u jkun hemm persuni mħarrġa sew kif jiffaċċjaw u jittrattaw persuni b’diżabilità, l-aktar meta dawn ikunu vulnerabbli.

Jekk dan it-tip ta’ servizz jiġi legalizzat f’Malta, tikkunsidra li tagħmel użu minnu int personali?

Mistoqsija diffiċli din! Kieku mmur żgur imma mhux għas-sess, l-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hu li niskopri lil ġismi, għax minħabba li ma nużax idi sew ma nistax inkun intima miegħi nnifsi. Minħabba f’hekk f’dan l-aspett inħoss li għadni tifla u mhux mara. Allura nitlob l-għajnuna tas-sex worker biex nagħmel dan, rigward jekk nagħmilx is-sess ma’ sex worker illum bħalissa ngħid le. U ngħid le, għax nixtieq relazzjoni u s-sess waħdu narah bla sens mhux komplut, qisni mort ikla u qbiżt fid-deżerta mill-ewwel. Is-sess mingħajr relazzjoni u intimità nħoss li jitlef l-iskop u s-sbuħija tiegħu.

Liema mentalità tas-soċjetà ġenerali tħoss li hemm bżonn tinbidel l-aktar? U int, xi tħoss li tista’ tagħmel, jew x’qed tagħmel biex tagħti sehmek għal din il-bidla?

Thank God il-mentalità tas-soċjetà inġenerali lejna l-persuni b’diżabilità tjiebet ħafna, l-aktar fl-oqsma tal-aċċessibiltà u l-edukazzjoni għalkemm bħal f’kollox baqa’ xi jsir. Biss l-iżjed setturi li narahom baqgħu lura huma tax-xogħol u s-sesswalità. Mhux ħa noqgħod nirrepeti dwar is-suġġett tas-sesswalità, biss ma nafx għala persuna toqgħod lura milli turi affezzjoni lejn persuna b’diżabilità. Forsi jista’ jkun li dak li jkun joqgħod lura għax ma jkunx irid li l-persuna b’diżabilità tiggranfa miegħu bħal qarnita u tifhmu li jrid relazzjoni magħha, ma nafx eżatt. Biss ma fiha xejn ħażin billi tgħannaq u tikkarezza lil persuna b’diżabilità. L-importanti li jkun hemm komunikazzjoni ċara u diretta fuq l-emozzjonijiet taż-żewġ persuni kkonċernati.

Fil-qasam tax-xogħol, hi ħaġa frustranti ħafna li aħna l-persuni b’diżabilità jkollna l-kwalifiċi kollha meħtieġa u ma nsibux xogħol għas-sempliċi raġuni li min iħaddem ma jemminx fina. Min-naħa tiegħi, nieħu kull opportunità biex nitkellem fuq id-diżabilita’. Fil-fatt ħloqt grupp fuq Facebook jismu ‘People with Cerebral Palsy in Malta’. Fih inqajjem kuxjenza fuq dawn is-suġġetti u oħrajn li jolqtu lilna direttament bħala nies b’diżabilità.

Is-saħħa mentali u persuni b’diżabilità. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Nemmen li s-saħħa mentali tal-persuni b’diżabilità trid tkun kemm jista’ jkun dejjem fl-aħjar forma possibbli. Għax diġà hu piż kbir li wieħed iġorr il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħu kuljum bil-konsegwenzi u l-kumplikazzjonijiet kollha li dawn iġibu magħhom. Għalija li nkun mentalment b’saħħti hi xi ħaġa li ma nistax ngħaddi mingħajrha għax inkella ma nkunx nista’ nkampa mal-ostakli tad-diżabilità. Apparti minn hekk, tgħallimt u qed nitgħallem kif it-toqol tal-ħajja ta’ kuljum naqsmu ma’ dawk il-persuni li jien nafda biex dan il-piż ma jagħlaqnix fija nnifsi biex nipprova nkun pożittiva.

Inkun korretta jekk ngħid li int persuna reliġjuża ħafna? X’differenza jagħmel dan il-fatt fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek?

Jien ma ngħidx li jien persuna reliġjuża għax għalkemm nieħu sehem fil-quddies kważi kuljum, hemm xi affarijiet fil-knisja li jien ma naqbilx magħhom. Imma ngħid li jien persuna li nħaddan il-fidi Kattolika. Iva, għalija l-fidi f’Ġesù hi kollox, għax bil-fidi jien kapaċi ngħix din it-tbatija tad-diżabilità bit-tama u bi skop li din ma tkunx kollha għalxejn. Anzi nħoss li Alla jrid u għandu sejħa partikolari permezz tad-diżabilità u jridni nwassal imħabbtu permezz tal-istess diżabilità.

Taħseb li l-Knisja Kattolika għadha tħares u tirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” u “speċjali”?

Iva, sfortunatament din il-mentalità tal-‘anġli u speċjali’ ilha magħna minn meta twaqqfet id-Dar tal-Providenza. Diffiċli ħafna tneħħi din il-mentalità, l-aktar għaliex huma ftit dawk il-persuni b’diżabilità li jinvolvu ruħhom fi gruppi taż-żgħażagħ bħali, li hi ħasra għax kull persuna għandha x’toffri. Nixtieq nara aktar nies b’diżabilità jinvolvu ruħhom fil-knisja biex ngħaddu l-messaġġ li aħna mhux karità biss irridu imma għandna x’nagħtu ukoll.

Naf li int taħdem. X’inhu x-xogħol tiegħek? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fid-dinja tax-xogħol?

Jien ilni naħdem għal dawn l-aħħar 4 snin bħala data inputer ma’ kumpanija privata. Ix-xogħol lili tani d-dinjità li jistħoqqli u fejn qabel kont nistħi u naħrab mill-mistoqsija meta jistaqsuni x’nagħmel, issa m’għadnix. Peresss li naħdem dejjem mid-dar, nixtieq li jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-impjegati wiċċ imb’wiċċ, imma overall għal qalbi ħafna li japprezzaw xogħli.

Lynn, ma nistax ma nsemmilekx il-ħbiberija speċjali li ċertament hija importanti ħafna għalik. Xi jfisser għalik David? X’differenza jagħmel f’ħajtek u x’jagħmel il-ħbiberija tagħkom speċjali?

Inħossni mbierka ħafna li għandi ħabib bħal David. Għandi ħafna ħbieb u kollha jgħinuni ħafna, min b’mod u min b’ieħor, imma David jispikka fosthom kollha. Konna ltqajna mill-grupp tal-LAND, grupp għall-persuni b’diżabilità biex jissoċjalizzaw u hu kien ġie magħna bħala volontier. Imbagħad sirna ħbieb tal-qalb madwar 4 snin ilu meta kont għaddejja minn żmien diffiċli. Minn dakinhar sal-lum dejjem sibtu hemm għalija. Għamilna minn kollox flimkien, morna l-Olanda u ħa ħsiebi hu, immorru weekend breaks, iniżżilni l-baħar waħdu eċċ eċċ.

Niftakar darba qalli, li hu jrid jgħinni nagħmel dak li nħoss ġewwa fija, imma li ma nkunx nista’ noħorġu fuq barra minħabba d-diżabilità. Għalija, David huwa ħija li m’għandix, tant għandna ħbiberija intima bejnietna li min ma jafx li David miżżewweġ jaħseb li qiegħdin flimkien! Daqshekk hi speċjali l-ħbiberija tagħna u nittama li tibqa’.

Għidilna ftit dwar il-kotba li ktibt s’issa. Minn fejn ġiet l-idea u l-ispirazzjoni għalihom? Hemm pjan għal ktieb ieħor?

Mela, l-ewwel ktieb tiegħi jismu ‘Namra’ hu ġabra tal-ħsibijiet u l-poeżiji tal-bidu nett tal-kitba tiegħi u t-tieni ktieb jismu ‘Tiżwiqa’. ‘Tiżwiqa’ jikkonsisti f’10 novelli qosra soċjo-reliġjużi. Kollox jispirani jien, l-aktar l-esperjenzi li ngħaddi minnhom jien u persuni viċin tiegħi. Issa bdejt nikteb rumanz, forsi nippubblikah ‘il quddiem.

Għandek xi ħolm li tixtieq twettaq?

Jien persuna li ngħix ġurnata b’ġurnata, kull opportunità li tħabbatli l-bieb neħodha, però ma nippjanax ħafna għal quddiem għax jekk ma jirnexxilix inwettaq dak li jkolli f’moħħi naqa’ ħażin ħafna. Li nixtieq li nerġa’ nsiefer u nagħmel aktar avventuri partikolarment ma’ David.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek?

Nixtieq nirringrazzjakom għax permezz ta’ din l-intervista erġajt skoprejt affarijiet fija nnifsi li kont insejt.

Lynn se tkun ukoll qed tikkontribwixxi b’mod regolari fuq skoperta.net!

Ronaldo jgħid li mhux veru li l-ambizzjoni tiegħu hi li jkollu aktar blalen tad-deheb minn Messi

Ronaldo jgħid li mhux veru li l-ambizzjoni tiegħu hi li jkollu aktar blalen tad-deheb minn Messi

Cristiano Ronaldo jgħid li l-editur ta’ France Football Pascal Ferré gideb meta qal li l-attakkant Portugiż qallu bl-ambizzjoni tiegħu li jirtira b’aktar blalen tad-deheb minn Lionel Messi

Ferré, li jorganizza l-premjijiet, tkellem mal-gazzetta New York Times qabel iċ-ċerimonja ta’ din is-sena fejn ġie rrappurtat li żvela informazzjoni minn konverżazzjoni privata ma’ Ronaldo.

Skont in-New York Times, Ferré sostna li Ronaldo qallu li l-unika ambizzjoni li għandu hi li jirtira b’aktar blalen tad-deheb minn Messi.

B’reazzjoni għal dan, Ronaldo qal li Pascal Ferré gideb, u li uża ismu biex jippromwovi lilu nnifsu u biex jippromwovi l-pubblikazzjoni li jaħdem għaliha.

Żied jgħid li huwa dejjem jirbaħ għalih innifsu, għall-klabbs li jirrappreżenta u għal min iħobbu, u mhux jirbaħ kontra xi ħadd. Qal ukoll li l-akbar ambizzjoni tal-karriera tiegħu hija li jħalli ismu miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-futbol dinji.

Enable Notifications OK No thanks