Select Page
Mil-lum l-infermiera se jibdew jilbsu l-iswed minflok l-uniformi

Mil-lum l-infermiera se jibdew jilbsu l-iswed minflok l-uniformi

Mil-lum, l-infermiera u l-qwiebel se jibdew jilbsu l-iswed minflok l-uniformi tas-soltu.

Dan ħabbru l-President tal-MUMN Paul Pace, fejn irrefera għal dan il-jum bħala ġurnata sewda għalihom, wara li kif qal hu, il-Ministru tas-Saħħa għażel li jmur il-Qorti biex jitwaqqfu d-direttivi mill-unjin minflok jitkellem magħhom dwar il-problemi li għaddejjin minnhom.

Fost kwistjonijiet oħrajn, l-MUMN ilha tipprova tiġbed l-attenzjoni dwar l-istress in-nuqqas ta’ infermiera u qwiebel li qed jikkawża ħafna stress u problemi minħabba li ħafna drabi xogħol ta’ sitta min-nies qed ikollu jinqasam bejn tnejn.

Qatt ħsibt kemm jinħela ikel kuljum u x’tista’ tagħmel biex taħli inqas? – Loriana Mazzonello

Qatt ħsibt kemm jinħela ikel kuljum u x’tista’ tagħmel biex taħli inqas? – Loriana Mazzonello

Il-ħela tal-ikel hija waħda mill-problemi ċentrali għal xi wħud mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja d-dinja llum, inklużi l-ġuħ u l-faqar, it-tibdil fil-klima, is-saħħa, u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura u l-oċeani.

L-ikel fil-miżbliet jipproduċi varjetà ta’ gassijiet li huma perikolużi għall-klima, apparti minn hekk l-ħela tal-ikel hija wkoll enerġija moħlija u ħin mitluf matul il-proċess ta’ tkabbir u kultivazzjoni.

Stop Food Waste Day ġiet imnedija fl-2017 minn Compass Group PLC – waħda mill-ikbar kumpaniji fid-dinja li toffri servizz tal-ikel. Dan il-grupp jistieden lil konsumaturi u influencers biex fis-27 ta’ April 2022, jaħdmu flimkien biex iqajmu iktar għarfien, jispiraw għall-bidla u jedukaw iktar lin-nies fuq il-problema tal-ħela tal-ikel.

Skont is-sit elettroniku ta’ STOP FOOD WASTE DAY;

33% tal-ikel prodott globalment jintilef jew jinħela kull sena;
25% ta’ l-ikel moħli globalment jista’ jitma’ lis-795 miljun ruħ fid-dinja kollha li huma sottonutriti;
8% tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra kull sena huma dovuti għal telf u ħela tal-ikel.

X’tista’ tagħmel biex int ukoll tiċċelebra dan il-jum?

Inti tista’ taghmel il-parti tiegħek billi:

  • Tfittex riċetti fuq kif l-aħjar tagħmel użu mill-fdalijiet tal-ikel – tista’ tfittex xi riċetti mis-sit ta’ Stop Food Waste Day. F’dan is-sit wieħed jista’ jsib, fost l-oħrajn, riċetti fuq x’tista’ ssajjar bil-qxur tal-karotti u bil-qxur tal-banana. Il-qxur tal-banana huma mimlijin nutrijenti importanti fosthom il-vitamini B6 u B12. Fuq is-sit hemm ukoll ktieb tat-tisjir li tista’ tara online mingħajr ħlas.
  • Qabel tmur tixtri m’għand tal-ħanut agħmel lista biex ma tixtrix ikel żejjed.
  • Issajjar biss kemm tikkonsuma l-familja tiegħek f’ikla waħda.
  • Tiffriża l-fdalijiet tal-ikel u meta tagħmel dan neħħi l-arja sabiex l-ikel idum iktar frisk.
  • Tagħmel kompost bil-fdalijiet tal-ikel

Jeħtieġ li nagħtu iktar attenzjoni l-konsum u l-ħela tal-ikel, speċjalment f’dawn iż-żminijiet fejn il-bidla fil-klima hija problema allarmanti. Għalkemm dawn huma bidliet żgħar, li wieħed jista’ jpoġġi fil-prattika fil-ħajja ta’ kuljum tagħna, huma xorta passi żgħar li jgħinu fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali u jnaqqsu wkoll sustanzi li jniġġsu u huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-pjaneta.

L-importanza li tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek waqt pandemija – Danica Ann Cassar

L-importanza li tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek waqt pandemija – Danica Ann Cassar

Fil-klinika qed niltaqa’ ma’ ħafna problemi tas-saħħa mentali relatati ma’ ansjetà u telf ta’ direzzjoni bħala riżultat mill-pandemija.

Ilna kważi sentejn għaddejjin mill-pandemija u bħala umani qed insibuha diffiċli kultant inkomplu nissieltu mal-ħajja minħabba l-inċertezzi li qed ngħixu fihom. Hemm min jgħid imnalla ġiet dil-pandemija ghax ħadt pawża u hemm min il-pandemija ħaditlu lil xi ħadd li jgħożż jew qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq. Kollha qed nesperjenzaw il-pandemija b’mod uniku u differenti u għalhekk huwa tajjeb li nitkellmu dwar dak li ghaddejjin minnu.

Bil-vaċċin primarjament qed nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna li hija importantissima. Però għad m’għandniex xi ħaġa bħal vaċċin li tipproteġina għas-saħħa mentali tagħna. Minħabba ċerti esperjenzi ta’ iżolazzjoni, biża’ u inċertezza li għaddejna minnhom wassal li tmajna is-saħħa mentali tagħna. Hemm min għandu trawma u għadu għaddej minnha tort tal-pandemija. Hemm min qed isibha diffiċli jqum filgħodu u jmur ix-xogħol. Hemm min qed iħoss l-ansjetà u ma jafx minn fejn hi ġejja. Dawn jistgħu jkunu sintomi għaliex wieħed ikun għaddej minn bidla. L-ebda bidla mhi faċli.

Ħaġa importantissima li rridu nagħmlu biex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna hi li nirrealizzaw minn xiex għaddejjin u nitolbu għas-sapport. Dan jista’ jkun billi nitkellmu ma’ xi ħadd li jifhimna u jagħtina xi parir, xi ħadd tal-familja, kollegi jew ħbieb. Meta nitkellmu ma’ xi ħadd, speċjalment jekk huwa xi ħadd professjonali jista’ jservi ta’ gwida ta’ kif nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna u nirregolarizzaw l-emozzjonijiet tagħna.

Kultant tkun xi ftit diffiċli li nafdaw lil ħaddiehor bil-problemi u l-ħsibijiet tagħna għax forsi nibżgħu li ma jifhmuniex. Propju minħabba l-importanza tas-sapport soċjali u professjonali qed jinħolqu gruppi żgħar ta’ terapija onlajn fejn inti tista tikseb is-sapport mill-kumdità ta’ darek. L-għan ta’ dawn il-gruppi hu li jkun hemm spazju fejn tista’ titkellem u tiftaħ qalbek ma’ counsellor u tiltaqa’ ma’ nies li għaddejjin minn sitwazzjoni simili. Kultant li nkunu nafu li m’aħniex waħedna tgħin ħafna wkoll.

Issieħeb ma’ dawn il-gruppi billi tikkuntattja lil Willingness fuq 79291817 jew fuq info@willingness.com.mt biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek aħjar.

Il-Papa Franġisku jappella lill-ġenituri biex ma jikkundannawx lil uliedhom b’orjentazzjonijiet sesswali differenti

Il-Papa Franġisku jappella lill-ġenituri biex ma jikkundannawx lil uliedhom b’orjentazzjonijiet sesswali differenti

Il-Papa Franġisku appella lill-ġenituri biex qatt ma jikkundannaw lil uliedhom.

Fl-udjenza ġenerali tiegħu tas-26 ta’ Jannar fis-Sala Pawlu VI tal-Vatikan, il-Papa appella lill-ġenituri biex jitolbu lil San Ġużepp għall-għajnuna, inklużi dawk li wliedhom huma b’orjentazzjonijiet sesswali differenti.

Huwa kien qed jitkellem dwar l-uġigħ li jista’ jkollhom il-ġenituri meta jiffaċċjaw il-problemi ta’ wliedhom, skont hu fosthom dawk il-ġenituri li wliedhom huma b’orjentazzjonijiet sesswali differenti.

Dan qed jiġi meqjus bħala pass ieħor mill-Papa Franġisku b’intenzjoni ta’ turija ta’ sapport lejn persuni li huma parti mill-komunità LGBTIQ+.

Saħaq li l-ġenituri għandhom jissapportjaw lil uliedhom u ma jinħbewx wara attitudni ta’ kundanna.

Il-katekiżmu Kattoliku jgħid li l-atti omosesswali huma “intrinsikament diżordinati” u s-sena l-oħra l-Papa Franġisku approva digriet li jipprojbixxi lill-qassisin milli jżewġu koppji omosesswali, li ddikjara li Alla “ma jistax ibierek id-dnub.”

Madanakollu, il-Papa Franġisku esprima l-appoġġ tiegħu għal-liġijiet tal-unjoni ċivili għall-koppji tal-istess sess f’diversi okkażjonijiet.

Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Poġġa t-telefon lura f’postu b’idu tirtogħod mhux ftit.
It-tbissima li kellu fuq fommu kienet tirrifletti mument ta’ sodisfazzjon personali.
Fl-aħħar!
Fl-aħħar kien se jpattihielha!
Kien ilu maħruq. Kien ilu jġemma’ fl-istonku!
U kien propju dak il-ħin li resaq lejn it-tieqa mdaqqsa li kellu fil-kamra tas-salott tal-appartament ċkejken li kien isejjaħ daru u qagħad għal mument iħares lejn il-veduta ta’ blokok kbar mibnija bil-konkos li kellu eżatt faċċata. Hekk biss kien jara. Bini. Aktar bini. U saħansitra aktar bini.
Ħa nifs twil u ħass il-pulmun jimtela’ bis-sodisfazzjon.
Kien ilu jberren kif kellu jsibha. Kif kellu jpattihielha.
Kull ma kien jaf kien isimha.
Agnes Abela.
U li kienet l-iżjed mara antipatka li qatt kien kellem f’ħajtu!
Infaqa’ jidħak. U għal mument kien se jixraq fil-bżieq tiegħu stess.
Issa kien jonqos il-final grandjuż tal-pjan viljakk li kien ħejja! Kien għad fadal l-aħjar parti!
Neil kien jaħdem f’uffiċċju tal-kummerċ bħala persuna li twieġeb it-telefon fuq problemi tal-konsumaturi. Xogħlu ma tantx kien jogħġbu, anzi biex ikun qal kollox kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien ikollu joħroġ minn ġol-friex sħun ta’ filgħodu sabiex iħejji ruħu għal ġurnata telefonati ma jaqtgħu xejn fl-uffiċċju fejn kienu jkunu xi għoxrin ruħ, kollha bil-linja tat-telefon tagħhom. Kollha jagħmlu l-istess xogħol. Dahar ma’ dahar. Skrivanija m’oħra. Storbju ma jaqta’ xejn………….
“Ħellow, S u Ġ Limited, fiex nista’ naqdik?” kien dara jgħid l-istess sentenza għal madwar xi tletin darba kull minuta.
Agnes Abela.
Issa ma kinitx se taħrablu. Kemm kienet antipatka!
Kien iltaqa’ magħha fuq il-linja tat-telefon. Qatt ma kien raha minn wiċċha. Li kien jaf fuqha hu li kienet taħdem mad-ditta tal-produtturi li kienu jagħtuhom ix-xogħol. Din Agnes kienet ċemplet l-ewwel darba għall-ħabta ta’ nofs is-sajf u fil-bidu kien ħabat jaħseb li leħinha kien kważi ġentili.
Iżda malli kien infurmaha li l-prodotti li kienu jġibu mingħandhom kienu għadhom kollha hemm u li ħadd ma kien qed jixtrihom, kienet infexxet toffendih u tkellmu ħażin.
Lilu.
Lil Neil Frendo.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications OK No thanks