Select Page
Kont taf li bi ftit minuti qalb is-siġar u n-natura tista’ ttejjeb saħħtek? – Matthaeus Grasso

Kont taf li bi ftit minuti qalb is-siġar u n-natura tista’ ttejjeb saħħtek? – Matthaeus Grasso

🌲🤗 L-isfida ta’ din il-ġimgħa hija relatata ma’ “tree-hugging” 🙂

🌞 Le, mhux se nkunu qed ngħannqu s-siġar fil-verità, għalkemm jekk trid, tista’ wkoll 😀 Imma … kemm tqatta’ ħin barra kuljum?

🏞 Kont taf li meta tqatta’ ħin fil-kwiet u fin-natura – speċjalment qalb is-siġar – tista’ ttejjeb saħħtek? Anke 5 minuti biss jagħmlu differenza kbira.

🌴 L-isfida tagħna din il-ġimgħa hija li nqattgħu total ta’ 35 minuta (jiġifieri 5 minuti biss kuljum!) Madwar siġar jew qalb il-kampanja. Tista’ tagħmilhom f’daqqa jekk meħtieġ, imma break qasir kuljum jista’ jgħin lil ġismek aħjar. 🙂

🌳 Hawn taħt għandek lista ta’ benefiċċji li tista’ tgawdi minnhom sempliċiment għax tqatta’ l-ħin qalb is-siġar, skont diversi studji:

⭐ Issaħħaħ is-sistema immunitarja tiegħek

🌞 Tikseb aktar enerġija

🤗 Tbaxxi l-livell tal-pressjoni fid-demm

🙃 Tnaqqas l-istress

🥰 Tgħin biex ikollok burdata aħjar

🧐 Tgħin biex tiffoka aħjar f’dak li tkun qed tagħmel

🤠 Tgħin biex tħaffef il-proċess ta’ rkupru

😴 … u anke tgħin biex torqod aħjar!

🌲🌞 Li toħroġ barra biex tgawdi n-natura f’nofs il-ġurnata tax-xogħol tiegħek għal ftit minuti biss jista’ jagħtik perspettiva ġdida li tgħinek tkompli taħdem matul il-kumplament tal-ġurnata!

⤵️⤵️⤵️ Se tingħaqad magħna? Għidilna fil-kummenti! U, aqsam magħna ritratt tal-aktar post favorit tiegħek li hu mdawwar bis-siġar!

Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Il-familja tgħaddi minn fażijiet differenti u flimkien maċ-ċirkostanzi tinbidel id-dinamika ukoll. Ġieli jitwieled membru ġdid jew ikun hemm għerusija jew żwieġ ta’ xi wieħed mill-membri, filwaqt li l-mewt ukoll tista’ tifred lil membri u tibdel ukoll id dinamika tal-familja. Id-divorzju jew separazzjoni jpoġġi lill-membri f’pożizzjoni diffiċli. Mhux kulħadd jiffaċċja din il-firda bl-istess mod u m’hemm l-ebda formola ideali għax dejjem tinkludi xi forma ta’ tbatija u diffikultà. Però l-mod kif jaġixxu l-membri nvoluti se jagħmel differenza kbira fuq il-kumplament tal-familja kollha.

Id-divorzju jolqot lil kull membru tal-familja, imma speċjalment lill-ulied. It-telfa hija kemm waħda fiżika jiġifieri li l-ġenituri ma jibqgħux jgħixu flimkien u allura anke t-tfal jista’ jkun li jinfirdu minn ġenitur jew ieħor. Jista’ jkun ukoll ikollhom ibiddlu d-dar fejn joqgħodu jew ma’ min joqgħodu. Il-firda hija wkoll waħda emozzjonali għaliex l-ulied jgħaddu minn ammont ta’ konfużjoni, speċjalment jekk ma jkunux jafu x’ġara jew x’inhu jiġri, għaliex is-seperazzjoni tkun ġiet fuq il-familja f’daqqa. Għalhekk ħafna drabi l-ulied jgħaddu minn bidliet fl-imġiba u jkollhom reazzjonijiet differenti hekk kif dawn isiru jafu li l-ġenituri se jisseperaw.

Huwa normali li dawn jgħaddu minn ħafna konfużjoni, biża’ u “denial” u jistaqsu ħafna mistoqsijiet għax il-pedament tal-ħajja tagħhom – il-ġenituri – iħossu li jkun qed jiġi imċaqlaq allura jkunu anzjużi ħafna dwar dak li jista’ jkun li jiġri. Huwa allura normali li dawn it-tfal jista’ jkun li jesperjenzaw rabja, dipressjoni u panic attacks. Dan kollu jiddependi ħafna dwar kif il-ġenituri jippreparaw lil uliedhom għal din il-bidla, kif ukoll kemm ikun hemm kooperazzjoni bejn il-membri involuti (speċjalment bejn il-ġenituri) fil-proċess ta’ separazzjoni. Aktar ma t-tfal se jaraw ġlied u pika bejn il-ġenituri aktar se jħossuhom ħażin u aktar se jbatu minn ansjetà.

Punti li wieħed tajjeb li jaħseb dwarhom.. biex il-proċess ikun kalm kemm jista’ jkun..

  • Primarjament irridu naċċettaw li l-familja kollha tkun għaddejja minn żmien diffiċli għax tkun għaddejja minn telfa. Anke jekk kien hemm ħafna ġlied u forsi l-fatt li wieħed mill-ġenituri telaq mid-dar, xorta din il-firda se ġġib emozzjonijiet ta’ telfa u dwejjaq.
  • Għalkemm forsi l-istint jgħidilna biex naħbu jew ngħattu dak li nħossu ħalli ma niftakrux fl-uġigħ, anzi bil-maqlub hu importanti li nikkomunikaw dwar dak li ġara jew dwar dak li qed jiġri. Importanti li nitkellmu ma’ min inħobbu jew ma’ min bħalna għaddej minn din it-telfa, speċjalment mal-ulied jekk hemm l-ulied. Aktar ma nħossu li m’aħniex waħedna f’din il- weġgħa, aktar hemm ċans li nfiequ malajr u nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li meta nitkellmu dwar dak li nkunu għaddejjin minnu ma nieqfux biss fuq ir-rabja li forsi l-partner tagħna jkun ħoloq, iżda nitkellmu kif nistgħu nagħmlu pass ‘il quddiem.
  • Jekk naraw li waqafna fir-rabja jew fid-dipressjoni importanti li nfittxu għajnuna professjonali għax ikun ifisser li qed insibuha diffiċli biex nimxu ‘l quddiem. Jekk jiġri hekk ma jimpurtax imbilli nfittxu s-sapport professjonali, li nfittxu l-għajnuna ma jfissirx li fallejna iżda jfisser li nixtiequ nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li niftakru li seperazzjoni mhix xi kompetizzjoni. Anke jekk deep down tħoss li l-partner tiegħek naqas, importanti li ma nġiegħlux lill-ulied jieħdu side. Dan mhux fair fuqhom għax inkunu qed indaħħluhom f’logħba kerha li l-konsegwenza ma taffettwax lill-partner, iżda lill-uliedna stess. Nifhem li ħafna drabi li naħfru jew li ma nurux ir-rabja mhix faċli, għax dak li jkun għaddej minnha jkun qed jesperjenza ħafna emozzjonijiet diffiċli. Jekk hu hekk aħjar nitkellmu ma xi ħadd professjonali milli nkomplu ngħarrqu lil uliedna.
  • Jekk se jsiru diskussjonijiet huwa kruċjali li kulħadd ikun preżenti biex turu lil uliedkom li għalkemm se tinfirdu xorta m’hemmx mibgħeda lejn xulxin. Dan hu eżempju tajjeb ħafna li nistgħu nagħtu lil uliedna. Iżda jekk taf li ħafna drabi inti u l-partner tispiċċaw fi ġlieda, allura aħjar li ma titkellmux quddiem l-ulied.
  • Qatt u qatt m’għandna nitfgħu l-ħtija fuq l-ulied li s-seperazzjoni seħħet minħabba fihom, anke jekk fir-rabja fettillek tgħid hekk. Dan ipoġġi lill-ulied fi ħsara psikologika kbira.

Nifhem li dawn huma mumenti diffiċli ħafna għal kull min ikun għaddej minnhom, però tajjeb li niftakru li huwa kruċjali jekk hemm bżonn isir dan il-pass. Aktar ma nżommu l-paċi u ma ninpikawx inqas se jkun hemm tbatija. Meta nħossu li aħna maħkuma minn emozzjonijiet negattivi u għadda ċertu żmien u bqajna fejn konna, importanti li nfittxu sapport professjonali. Għalkemm inkunu mbeżżgħin xorta wieħed irid iħares ‘il quddiem għal ġejjieni aħjar..

Awguri u tislijiet…

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Il-pjanta Ficus Lyrata – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanta Ficus Lyrata – Roxanne Gauci Taliana

Il-Ficus Lyrata komunement magħrufa bħala Fiddle Leaf Ficus iġġib firxa ta’ benefiċċji għas-saħħa. Wieħed mill-benefiċċji hu li l-weraq wiegħsa tagħha jgħinu fil-purifikazzjoni tal-arja.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta Fiddle Leaf Ficus?

Forsi ġieli smajt li din hija pjanta diffiċli biex tieħu ħsiebha, imma hija idea ħażina li ħafna għandhom għaliex jekk issegwi passi importanti jirnexxilek tieħu ħsiebha kif suppost.

Importanti li din il-pjanta jkollha dawl qawwi u ffiltrat għaliex inkella tiddeterjora malajr f’dawl baxx.

Żomm il-ħamrija niedja dejjem. Issaqqihiex iżżejjed jew tħalli l-pjanta wisq fl-ilma, imma saqqiha skont kemm tkun teħtieġ il-pjanta.

Uża fertilizzant kull 15-il jum b’likwidu tal-weak green plant matul l-istaġun tat-tkabbir.

Ibdel il-kompost u poġġiha f’pot akbar kull sena. Din il-pjanta naturalment tikber mhux ħażin, u għalhekk jeħtieġ kemm l-għoli kif ukoll spazju għall-estensjoni tal-għeruq.

Huwa importanti li wieħed ikun jaf li din il-pjanta sfortunatament hija tossika għall-klieb u l-qtates jekk tiġi inġerita, u tikkawża irritazzjoni fil-ħalq, tħammil eċċessiv, u rimettar.

Ħafna nies jinnutaw li jitfaċċaw tikek kannella fuq il-weraq jew twaqqa’ l-weraq tagħha. It-tnejn huma naturali u huma parti mill-proċess naturali tat-tkabbir tal-pjanta sakemm ma jkunx b’mod esaġerat. Weraq kannella u twaqqigħ ta’ weraq jista’ jseħħ ukoll minħabba l-kundizzjoni tal-arja u nuqqas ta’ umdità fid-dar tiegħek. Jekk tpoġġi umidifikatur viċin il-pjanta (importanti li dan ma jsirx direttament fuq il-weraq) jgħin fl-umdità.

Darba fix-xahar, kun żgur li ssaqqi sewwa l-pjanta biex telimina xi melħ, tossini, jew impuritajiet li jitrabbew fil-ħamrija. Il-Ficus Lyrata hija sensittiva għall-kimiċi u allura f’każ ta’ dud, uża l-pestiċida l-inqas qawwija kimikament.

“Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa” – Joseph Debono

“Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa” – Joseph Debono

Nitkellmu ma’ Joseph Debono

Joseph, ftit ġimgħat ilu żvelajt pubblikament li għandek l-ALS. X’wasslek biex taqsam l-istorja tiegħek pubblikament?

Huwa n-natural tiegħi li nitkellem u nikkomunika. U ħassejt ukoll li b’hekk stajt ngħin lil Bjorn fil-ġbir ta’ fondi, u lil oħrajn bħali li għandhom ALS. Barra minn hekk ma narax għalfejn għandi naħbi l-kundizzjoni.

Wara l-ewwel reazzjonijiet ovvji kif sirt taf li għandek din il-marda, x’kienu l-ewwel ħsibijiet tiegħek sabiex b’xi mod tkompli għaddej b’ħajtek kif tista’?

L-ewwel ħsieb kien li ma xtaqtx inkun ta’ piż fuq ħadd. Imbagħad mill-ewwel bdejt naħseb għal tibdil fid-dar biex innaqqas it-tbatija u l-periklu, pereżempju bħal sodda isfel biex nevita t-taraġ.

Huwa proċess twil biex wieħed jaċċetta u jadatta għal realtà kompletament differenti milli jkun imdorri jgħix fiha. Minn fejn iġġib id-determinazzjoni għal dan?

Li taċċetta s-sitwazzjoni l-ġdida hija kruċjali. Ladarba aċċettajtha stajt ukoll naħseb f’soluzzjonijiet. Id-determinazzjoni tiġi wkoll bl-għajnuna tal-mara u tal-familja, u tal-kuraġġ u l-pariri ta’ Bjorn.

X’kienet ir-reazzjoni tiegħek għar-rispons tan-nies wara li tkellimt pubblikament? Kont qed tistenna rispons bħal dak?

Emozzjoni kbira. Għamilt tlett ijiem nibki, naqra l-messaġġi sbieħ li rċevejt. U kważi ma weġibt lil ħadd daqs kemm kien hemm. Xi wħud minnhom weġibthom ħafna wara. Stennejt rispons, imma mhux daqshekk. Kellmuni ħbieb li kont ilni ma nkellimhom snin, u ħafna nies oħra li ma nafhomx. Is-solidarjetà li ħassejt ferħitni mhux ftit.

Liema huma l-akbar sfidi li qed tiffaċja bħalissa? U x’inhi l-akbar biża’ tiegħek?

L-isfidi huma l-ħin kollu. Kollox sar diffiċli. L-ikbar sfidi bħalissa huma ż-żewġ tarġiet ta’ quddiem il-bieb, u li minħabba fihom qed nibża noħroġ, u bil-lejl, l-irqad sar ikkumplikat. L-akbar biża bħalissa hi li ma nkunx nista’ nitkellem ċar.

L-ALS biddlitlek il-perspettiva ta’ kif tħares lejn il-ħajja?

Mhux eżatt. Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa, u li huwa sabiħ li titkellem u taqsam ma’ oħrajn. Il-perspettiva nbidlet lejn il-possessjonijiet. Illum inħoss li kull ma fadalli li huma tassew tiegħi huma moħħi u ħalqi, għax fuq dawk biss għandi kontroll.

X’differenza għamel u għadu jagħmel Bjorn fil-ħajja tiegħek?

Differenza kbira. L-ewwelnett bil-kuraġġ li tani, u għadu jtini kull meta nkellmu. Bjorn, kif isemmilu problema, mill-ewwel jaħseb fis-soluzzjoni, u f’salt wieħed, il-problema ma tibqax tbeżżgħek. Bjorn tani wkoll għajnuna materjali bħas-sodda, u l-apparat li bih inħaddem il-kompjuter b’għajnejja.

Kemm huma importanti l-irwoli ta’ dawk l-aktar qrib tiegħek f’ħajtek?

Vitali. Il-mara tiegħi Tanya l-aktar. Illum niddependi kważi għal kollox fuqha. Il-ħin kollu. Inħossni ħarbattilha ħajjitha. U ma nistax nirringrazzjaha biżżejjed. Ibni Peter li jgħix magħna u li wkoll jgħini ħafna. Imbagħad hemm ħuti li jiġu malli jkolli bżonn.

Joseph flimkien mal-familja tiegħu

L-għajnuna fiżika hi essenzjali, iżda xi ngħidu dwar għajnuna psikoloġika? Int personali, f’liema mumenti ħassejt il-bżonn li tfittex l-għajnuna minn dan l-aspett ukoll? Tħoss li saret differenza permezz ta’ din l-għajnuna?

Bjorn offrieli servizz ta’ counsellor. Sibtu ta’ għajnuna kbira. Ma’ Etienne mill-ewwel sibtni komdu nitkellem. Jien għandi tendenza nhewden u naħseb ħafna, l-aktar bil-lejl. Ma’ Etienne, dan it-thewdin, li jista jtaqqalna, jirnexxili nitkellem dwaru. Mhux il-ħażin biss. Nikellmu wkoll dwar ħafna esperjenzi sbieħ. Tajjeb ngħid ukoll li jien involut f’attivitajiet, bħalissa virtwali, li għenuni nibqa attiv mentalment.

Huma ħafna li minkejja li jkollhom intenzjonijiet tajba u ġenwini, ma jkunux jafu kif għandhom jaġixxu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. X’messaġġ tgħaddi lill-persuni li għandhom lil xi ħadd qrib tagħhom li qed jikkumbatti ma’ din il-marda?

Ma jibżgħux ikellmuhom. Ħafna jibżgħu li ma jkunux jafu x’se jgħidu. Ma jimpurtax, il-persuna turik kemm trid titkellem. U ħaġa oħra. Offru l-għajnuna, imma tisfurzawhomx iżżejjed. Ħalluhom jiddeċiedu huma. Il-kapaċità mentali tagħhom ħafna drabi tkun għadha tajba.

U x’messaġġ tgħaddi lil min għadu kemm isir jaf jew għad irid isir jaf li għandu din il-marda?

Kif issir taf, daqqa iebsa ħafna. Jien tgħidx kemm bkejt. Imma mbagħad trid tibda t-triq biex taċċetta s-sitwazzjoni. Malli taċċettaha, tkun tista’ tibda taħseb dwar soluzzjonijiet. U tiddejjaqx titkellem dwar il-kundizzjoni. Meta titkellem tinduna li m’intix waħdek.

Kieku kellek tmur lura fiż-żmien tbiddel xi ħaġa minn dak kollu li għamilt?

Ma rridx ninstema prużuntuż, għamilt żbalji f’ħajti. Imma l-ħajja mhux hekk? Kollox ma’ kollox jien għext ħajja sabiħa, u kelli ħafna esperjenzi interessanti. Allura kuntent b’dak li għamilt f’ħajti.

Il-karattru ta’ James Bondin.

James Bondin kien wieħed minn dawn l-esperjenzi sbieħ. Għal tlettax-il sena għext mumenti b’karattru differenti li laqqgħani ma ħafna nies, u hemm ħafna oħrajn li jafuni mit-TV u qatt ma ltqajt magħhom. Kważi kollha jitkellmu tajjeb dwar James Bondin. U speċjalment fil-bidu, l-esperjenza live f’Xarabank kienet ta’ sodisfazzjon kbir.

Għadha teżisti l-komiċità f’Joseph?

Iva ta. Ikolli mumenti tad-daħk ukoll minħabba l-kundizzjoni tiegħi. Ukoll meta nara l-aħbarijiet, jgħadduli ħafna ħsiebijiet satiriċi. Għandi bżonn nerġa’ nibda niktibhom.

Żewġt ipraspar ħelwin li għamilt f’ħajtek.

Waħda minnhom meta żżewwiġna, meta morna għal qamar il-għasel il-Kanada. Minħabba l-maltemp, l-ajruplan ma setax jinżel Toronto u ħaduna Cħicago għal lejl. L-għada filgħodu, x’ħin ġiet ir-rappreżentanta tal-linja tal-ajru, diġà kont inkwetat li konna tard għat-titjira tal-11.00 u ħtaftha ftit. Imma hi qaltli “Relax. It is still 9.00 O’clock!” Ma kontx indunajt li bejn Toronto u Chicago ridt immexxi l-arloġġ siegħa lura!

L-oħra, tmur iktar lura. Meta konna żgħar. Oħti sena akbar minni. Kellha pupa għal qalbha ħafna, b’xagħarha isfar, innukklat. Ma nafx x’fettilli, imma kont qtajtilha xagħarha! U darb’oħra pinġejtilha wiccha bil-biro, taparsi għandha l-ħożba. Oħti għadha tgħajjarni bihom sal-lum.

Ftit jiem ilu Joseph ippubblika wkoll ir-rumanz tiegħu iz-Ziju Manwel.

Enable Notifications OK No thanks