“Infittex fil-mowbajl tal-partner waqt li tkun rieqda” – Kif l-għira taffettwa r-relazzjoni?

“Infittex fil-mowbajl tal-partner waqt li tkun rieqda” – Kif l-għira taffettwa r-relazzjoni?

Il-partner tiegħi toqgħod tagħfas like lil kull raġel li jitlagħlha fuq Facebook. Għal din ir-raġuni, meta tkun rieqda neħodilha l-mowbajl, biex nara jekk tkunx qed tibgħat messaġġi lill-irġiel oħra u teqlibieli ma’ xi ħaddieħor.

L-għira hija emozzjoni meta l-persuna tħossha rrabjata u mbeżża’. L-għira toħloq element ta’ sospensjoni. Dan iseħħ l-aktar meta jkun hemm xi ħadd barra mir-relzzjoni u jkun qed iqanqal ċertu theddid lill-persuna fir-relazzjoni. It-theddida tista’ tkun waħda reali jew waħda immaġinarja.

Spiss nisma’ lil xi ħadd jgħid li waqt li l-partner tiegħu kien rieqed, tfittex jekk qed jitkellem ma’ xi ħaddieħor. Hemm ukoll min jaqla’ argument mal-partner tiegħu meta jgħaddi xi ħadd gustuż. Hemm ukoll min ma jħallix lill-partner tiegħu jaċċetta lil xi ħadd ieħor fuq Facebook. Dawn huma kollha sitwazzjonijiet reali li vermament iseħħu. Jista’ jkun il-każ li inti kont jew għadek tgħaddi minn sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip. Kemm huwa sabiħ li wieħed jafda lill-partner tiegħu. Sfortunatament, dan mhux dejjem faċli! Dawn huma xi ideat li jistgħu jsaħħu r-relazzjoni tiegħek sabiex tħossok aktar sigur fir-relazzjoni tiegħek:

  • Mal-għira hemm ħafna emozzjonijiet negattivi. Hija idea tajba li jekk tgħir, tipprova tirrikonoxxi l-għira. Meta wieħed jitkellem dwar l-għira li jkun qed iħoss, jgħinu jiżviluppa ċerti ħiliet interni. Dawn jgħinu lill-individwu jagħmel konverżazzjonijiet produttivi, b’hekk tkun qed taħdem fuq ir-relazzjoni tiegħek.
  • Mindfulness huwa meta wieħed jgħix u jiffoka dwar il-preżent. Dan jgħin ħafna għaliex inti tkun qed tpoġġi lilek innifsek fil-mument li għaddejja minnu. B’dan il-mod wieħed ikun iffukkat fuqu nnifsu u mhux dak li huwa għaddej madwaru.
  • L-għira u l-istima baxxa huma relatati. Dan għaliex meta persuna tara lilha nnifisha bħala inadegwata għall-partner tiegħu, jiġu ħsibijiet bħal “jiena mhux ħelwa biżżejjed, mela issa jsib lil xi ħadd isbaħ minni”.
  • Aħseb dwar dak li inti grat għalih. F’ħajtek hemm ħafna affarijiet sbieħ, avolja ma tindunax bihom f’dak il-mument. Huwa importanti li tfakkar lilek innifsek dwar dak li għandek sabiħ f’ħajtek.
  • Aħseb dwar dak li tixtieq f’relazzjoni. Dak li qed tistenna minn relazzjoni jaffettwa ħafna l-mod ta’ kif iġġib ruħek fir-relazzjoni. Ara li dawn l-aspettattivi huma realistiċi u tibżax titkellem fuqhom mal-partner tiegħek. B’hekk tkunu kapaċi taħdmu fuq ir-relazzjoni tagħkom flimkien.

Huwa importanti li żżomm f’mohhok li r-relazzjonijiet jaħdmu l-aħjar meta jkun hemm komunikazzjoni effettiva bejn il-koppja. Huwa tajjeb li tiftakar biex ma tgħajjatx mal-partner tiegħek u minflok titkellem bil-kalma u tispjega l-emozzjonijiet tiegħek.

Huwa importanti wkoll li inti taħdem fuqek innifsek bħala persuna. Meta inti tħares lejk innifsek fil-mera, x’tara? Tara li inti individwu sabiħ/a, tapprezza lilek innifsek biżżejjed? Jew hemm aspetti dwarek li jeħtieġ li taħdem fuqhom?

Kif l-istress jista’ jaffettwa l-Fibromyalgia u x’tista’ tagħmel biex tnaqqsu?

Kif l-istress jista’ jaffettwa l-Fibromyalgia u x’tista’ tagħmel biex tnaqqsu?

Fl-aħħar artiklu tkellimt dwar il-frustrazzjoni li ġġib magħha l-fibromyalgia. Nirringrazzjakom tal-kummenti tagħkom u talli qed taqsmu l-esperjenza tagħkom tal-fibromyalgia. Huwa mezz importanti ħafna biex nitgħallmu minn xulxin. Fl-aħħar artiklu għalaqt dwar l-istress u l-fibromyalgia, u llum se nitkellem aktar dwar din ir-relazzjoni fid-dettall.

L-istress sar kważi l-akbar għadu fid-dinja li qed ngħixu fiha. L-istress, meta kkontrollat huwa addattiv għax jgħinna nkunu produttivi u effiċjenti. Kulħadd għandu l-limitu tiegħu sa fejn l-istress ikun tajjeb, meta naqbżu dan il-limitu jibdew ġejjin il-konsegwenzi. Għalhekk huwa importanti li nagħrfu kif l-istress jaffettwana. Kulħadd huwa suġġett għall-istress, anke nies bil-kundizzjoni tal-fibromyalgia.

L-istress kontinwu li jista’ jkun ġej mill-familja, xogħol, il-fibromyalgia stess jew affarijiet oħra jista’ jwassal għal tibdil fil-perċezzjoni tal-uġigħ. X’jiġifieri? Jiġifieri li wieħed peress li huwa stressjat ħa jħoss l-uġigħ aktar milli kieku mhux stressjat. L-istress għoli jħalli effett ukoll fuq is-sistema tal-immunità. L-istress jista’ jattiva s-sistema tal-immunità li jikkawża inflamazzjonijiet fil-ġisem li dan ukoll jista’ jwassal għall- uġigħ.

X’tista’ tagħmel jekk tbati mill-fibromyalgia u qed tħossok stressjat?

L-ewwel ħaġa li nistiednek tagħmel hi li tipprattika ftit gratitudni billi tħares madwarek u tara x’affarijiet li inti grata lejhom u tista’ tapprezza. Eżempju, sentenzi bħal minkejja l-uġigħ li għandi llum xorta nista’ mmur għax-xogħol. Jew inkella, minkejja l-għeja llum xorta rnexxieli nsajjar għalija u għall-familja. Dan it-tip ta’ diskors huwa aktar pożittiv u differenti milli kieku ngħidu ‘uff’ jew ‘ajma’. Importanti li naraw x’nistgħu nbiddlu fil-pożittiv, għax meta nitkellmu bil-pożittiv, naħsbu fil-pożittiv, inħossuna pożittivi wkoll.

It-tieni ħaġa li nistiednek tagħmel meta dejjem tista’ hi li tagħmel l-eżerċizzju u tkun attiv. Tista’ tmur mixja ta’ kwarta jew għoxrin minuta kuljum, kemm tieħu naqra arja u tiċċaqlaq ftit. Jekk l-uġigħ ma jagħtikx tmur mixja, ipprova ftit stretching id-dar stess jew yoga, kemm iċċaqlaq ftit il-muskoli tiegħek.

It-tielet ħaġa li nistiednek tagħmel hi li tikkomunika man-nies ta’ madwarek dwar dak li qed tħoss u li għaddej minn moħħok. Jaf forsi kultant insibuha diffiċli nesprimu ruħna speċjalment jekk ta’ madwarna ma jifhmux dak li qegħdin ngħaddu minnu. Ħadd ma jista’ jaqralna moħħna u allura jekk hemm xi ħaġa li qed tkiddna jew tagħmlilna l-ħsara tajjeb li nitkellmu dwarha b’mod li nirrispettaw id-dinjità ta’ ħaddieħor.

L-aħħar ħaġa li nistiednek tagħmel hi li tfittex għajnuna professjonali biex jgħinuk tagħmel it-tibdiliet neċessarji biex tkun tista’ tikkontrolla l-istress u l-uġigħ tiegħek aħjar. Ma fiha xejn ħażin billi titlob l-għajnuna biex tkun tista’ tiġi aktar issapportjat.

Enable Notifications OK No thanks