Select Page
Imut l-attur u xandar Joe Bartolo

Imut l-attur u xandar Joe Bartolo

Titħabbar il-mewt tal-attur u xandar tar-radju Joe Bartolo fl-età ta’ 86 sena.

Joe Bartolo kien impjegat mal-kumpanija Ingliża ‘Rediffusion’ minn fejn beda u spiċċa magħha. Huwa beda fl-1953 fl-accounts, kompla bħala kollettur u fl-1979 spiċċa fid-Dipartiment tal-programmi bħala librar tad-diski. Minn hawn akkwista esperjenza fl-oqsma li dejjem xtaq, drama, preżentatur ta’ programmi u produttur ta’ radjudrammi.

Lura lejn it-tmiem tas-snin 50 Joe kien beda l-palk ma’ Joe Muscat Scerri, kienu jduru bosta rħula u bliet b’xi dramm ta’ William Shakespeare kif ukoll xi kummiedja.

Dam wieqaf kważi erba’ snin sakemm wasal il-waqt li kemm Joe kif ukoll Leslie Gladwish bdew programm ta’ mużika Country fuq radju ONE u b’hekk bdew jippreżentaw il-programm minflok il-mibki Vince Laus.

Fil-qasam tad-drama Joe kellu diversi partijiet, fuq il-palk kif ukoll fuq it-televiżjoni, partijiet ma’ bosta atturi popolari fix-xena bħal Elsa Romei, Ġemma Portelli, Josephine Mahoney, Josephine Zammit Cordina, Charles Thake, Mario Micallef, Michael Sciortino, Lino Grech u Josie Coppini fost oħrajn.

L-iktar tlett produzzjonijiet għal qalb Joe fuq il-palk u televiżjoni kienu ‘Meta morna tal-Mellieħa’ kitba ta’ Frans Ebejer,’L-ewwel Jien’ ta’ Ġużè Diacono u ‘Min Ifassal u Min Iġarrab ta’ Ronald Saliba

Kellu wkoll diversi partijiet fuq il-palk tat-Teatru Manoel, l-Istitut Kattoliku u oħrajn. Partijiet oħrajn kellu fi produzzjonijiet bħal Issa Naraw, Dun Benit, Ipokriti, Tgħanniqa u fis-sensiliet semi reliġjużi Qalb in-Nies u Kurrenti.

Bejn l-1992 u l-1994 huwa pproduċa żewġ sensiliet televiżivi ta’ sitt episodji kull wieħed bl-isem ‘Country Saloon‘ bil partiċipazzjoni ta’ kantanti Maltin kif ukoll vidjows ta’ oħrajn Amerikani.

Joe Bartolo kien ukoll jikteb il-poeżiji u rnexxielu jaqta’ x-xewqa li kellu, dik li jippubblika ktieb bil-poeżiji tiegħu.

F’isem it-tim ta’ skoperta.net, insellmu l-memorja ta’ Joe Bartolo u nagħtu l-kondoljanzi lill-familja, il-ħbieb u dawk kollha qrib tiegħu.

Insellmulek Joe!

Rihanna tiġi ddikjarata bħala Eroj Nazzjonali hekk kif il-Barbados issir Repubblika

Rihanna tiġi ddikjarata bħala Eroj Nazzjonali hekk kif il-Barbados issir Repubblika

Rihanna ilha ambaxxatriċi għall-Barbados mill-2018, il-gżira li reċentement neħħiet lir-Reġina minn Kap tal-Istat u saret repubblika.

Il-kantanta u negozjanta Barbadjana ġiet iddikjarata bħala eroj nazzjonali mill-Prim Ministru tal-pajjiż.

Hija ngħatat l-unur minn Mia Mottley waqt avveniment biex jiċċelebra l-gżira bħala repubblika.

Rihanna twieldet f’Saint Michael u trabbiet f’Bridgetown, qabel ma marret toqgħod l-Istati Uniti wara li ġiet skoperta mill-produttur tal-mużika bbażat fi New York Evan Rogers.

Minn dakinhar bdiet it-triq tagħha sabiex illum hija meqjusa bħala waħda mill-akbar artisti fid-dinja, kif ukoll ħadet sehem f’films inklużi Battleship u Ocean’s 8 u nediet id-ditta tal-moda tagħha stess, Fenty, fl-2018.

Mill-2018, Rihanna kellha t-titlu onorarju ta’ Ambaxxatriċi għall-Kultura u ż-Żgħażagħ fil-Barbados.

Fl-2008, l-eks Prim Ministru David Thompson iddikjara t-22 ta’ Frar bħala “Jum Rihana”, u għalkemm mhix festa pubblika, il-Barbadjani jiċċelebrawha kull sena.

Daqsxejn ta’ Nostalġija ma’ Ronald Saliba

Daqsxejn ta’ Nostalġija ma’ Ronald Saliba

Nitkellmu ma’ Ronald Saliba

Magħruf l-aktar bħala attur, iżda int proprju l-kittieb tas-sensiela Nostalġija li bdiet tixxandar mid-29 ta’ Marzu. Minn fejn u kif ġiet l-ispirazzjoni biex tibda tikteb din is-sensiela?

Kitba għat-televiżjoni kienet ilha ddur ġo moħħi għal ħafna snin. Imbagħad, fl-2019 wasal ż-żmien li kull filgħaxija bdejt nikteb xi ħaġa. Il-karattri kien ilhom snin twal jissawru ġo moħħi. Imbagħad dawn il-karattri kollha sabu ruħhom fl-istorja. Il-ħsieb kien li nagħmel madwar 39 episodju. Imma l-ewwel lestejt 17 biss. Il-ħsieb kien li jekk jintlaqgħu tajjeb, imbagħad, inkompli bl-episodji l-oħra. Ġara mbagħad li ġie l-lockdown ta’ Marzu 2020. U allura ħadt l-okkażjoni u komplejt 18-il episodju oħra.

X’tista’ tgħidilna dwar Nostalġija?

Il-ġrajja sseħħ fi tlett irħula. Ħal-Kbir huwa r-raħal ewlieni fejn iseħħu dawk il-ġrajjiet li jseħħu daż-żmien. Bil-kunflitti bejn il-kappillan, il-każin tal-banda, il-partiti politiċi u n-nies tar-raħal fejn insibu nies twajba u nies anqas twajba. F’Ħal-Waħdu insibu karattri interessanti. Dawn kollha bil-laqam, jitkellmu bl-aċċent, u kliemhom kollu idjomi. F’Ħal-Ħieles, għalkemm qed jgħixu llum, minn jeddhom jixtiequ li jibqgħu jgħixu ħielsa mill-iżvilupp.

Ġieli ktibt produzzjonijiet oħrajn qabel?

Bdejt nikteb ta’ 13-il sena. Novelli għar-Rediffusion. Wara ktibt drammi, kummiedji, fares, thrillers. Imma dejjem għall-palk. U għalkemm tnejn minnhom ġew irranġati għat-televiżjoni, NOSTALĠIJA hija l-ewwel kitba li nibtet u nkitbet għat-televiżjoni.

Kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attur?

Qatt ma kont miġbud li nitla’ fuq il-palk. F’moħħi kelli biss il-kitba. Imma darba kont qiegħed nidderieġi produzzjoni ta’ Carmel Gauċi b’kitba ta’ Ġorġ Peresso bl-isem ta’ L-INFERN JISTA’ JISTENNA. Ġara li min kien qiegħed jagħmel il-parti prinċipali ma setax ikompli (fl-aħħar ġimgħa) u kelli nidħol minfloku jien. Xi ħadd mill-Bonaci Brothers kien qiegħed jara din il-produzzjoni u tħajjar jagħtini parti f’Ipokriti. U minn hemm ma waqaft qatt.

Liema produzzjonijiet tħoss li għenuk l-aktar biex tevolvi bħala attur?

Kollha kemm huma. Meta kont nikteb u nidderieġi, kont nitgħallem il-ħin kollu. Kelli x-xorti li dejjem idderiġejt atturi kbar u ta’ esperjenza. U minnhom kont titgħallem il-ħin kollu.

Liema karattri li interpretajt tħoss li l-aktar ħallew impatt?

L-aktar li ħalla impatt kien il-karattru ta’ Philip f’Ipokriti. Mhux biss għax kien l-ewwel wieħed; imma aktar għax ma kienx ‘straight character’. Kien ‘rounded character’ fejn il-karattru żvolġa fuq ħafna episodji sakemm fl-aħħar spiċċa bniedem mitluq u dipress. Niftakarni nara l-film ‘Rainman’ ta’ Dustin Hoffman. Sigħat sħaħ nifli kull mossa li jagħmel. U tgħallimt ħafna minnu. Imma mbagħad, l-aktar karattru li ħadt gost nagħmel kien il-karattru ta’ Ċensu fid-Dar tas-Soru.

Liema kien l-aktar karattru diffiċli li interpretajt? U għaliex?

Il-parti ta’ Ġesù fil-passjoni tradizzjonali. Ħafna jaħsbu li dan huwa karattru interessanti. Għalija ma kienx. Huwa karattru fejn m’hemm xejn fejn l-attur jista’ jimraħ. Fejn żball żgħir huwa fatali.

Diffiċli ħafna kien il-karattru ta’ Frank Foster fil-farsa ta’ Alan Ayckbourn ‘How the Other Half Loves’. Żewg atti l-ħin kollu fuq il-palk. Traduzzjoni ta’ Frank Tanti għal Maleth. Is-sett maqsum f’żewgt idjar matul il-palk kollu. U trid toqgħod attent li ma tmissx xi biċċa għamara mid-dar l-oħra. Żewg familji jitkellmu fl-istess waqt imma ħadd mhu konxju mill-koppja l-oħra.

Kemm tħoss li sar progress f’dan il-qasam matul is-snin?

Sar progress kbir. Kemm fl-istil u anke fil-forma. Xorta nħoss, iżda, li dan l-aħħar qiegħed ikun hemm wisq produzzjonijiet; ma naħsibx li għandna diretturi, atturi, kitbiet etc.. biex jissodisfaw l-ammont kbir ta’ produzzjonijiet li qiegħdin isiru għat-televiżjoni. Bir-riskju li jitbaxxa l-livell. Fl-istess waqt, sfortunatament, niżel ħafna l-ammont ta’ produzzjonijiet teatrali li huma l-bażi għall-atturi biex wara jkomplu bit-televiżjoni.

Liema memorji ma’ atturi li m’għadhomx magħna huma l-aktar għal qalbek?

Charles Thake, Karmenu Gruppetta u Ġemma Portelli. Ma’ Charles Thake għaddejt snin twal intellgħu xi tlett produzzjonijiet fis-sena fl-Istitut Kattoliku u fit-Teatru Manoel. Ma’ Karmenu Gruppetta kelli x-xorti li naħdem fil-kummiedja ‘Appuntamenti fl-Appartamenti’. Karattru uniku u inimitabbli. Saqajh mal-art u twieled attur. Ma’ Ġemma Portelli għamilt sena niltaqgħu darbtejn fil-ġimgha fil-produzzjoni televiżiva popolari F’Baħar Wieħed.

X’jagħmlek attur tajjeb?

Attur tajjeb irid ikun ‘partikolari’ filwaqt li jibqa’ ‘kredibbli’.

Teatru jew televiżjoni? U għaliex?

Bla dubju ta’ xejn, teatru. L-ewwel nett għax tista’ tiżviluppa l-karattru aktar aħjar għax ix-xeni qiegħdin isiru fi ftit sigħat. U t-tieni għandek l-udjenza miegħek li tagħtik l-enerġija li ma tagħtihilekx it-televiżjoni.

Irrakkuntalna praspura li għamilt relatata mar-reċtar.

Aktar minn praspura aktar ngħidilha traġedja. Konna qiegħdin nagħmlu l-passjoni u jien kont qiegħed nagħmel il-parti ta’ Kristu. Wieħed mill-qassisin il-kbar fettillu jobżoqli bis-serjetà. Kif dħalna fil-kwint, jien qlajt il-labra li kienet qiegħda żżomli l-biċċa li kelli fuq il-malja li kelli taħt biex inniggżu biha. Fi ftit mumenti kelli nerġa’ noħroġ fuq il-palk inġorr is-salib. Erġajt għamilt il-labra imma m’għamilthiex sew. Il-konsegwenza kienet li eżatt f’nofs il-palk din l-imbierka biċċa bdiet nieżla. Xi ħadd beda jgħajjat minn bejn il-kwinti u spiċċajt nagħfas is-salib mal-biċċa biex ma taqax. Mur ara ‘l Kristu sejjer għal kruċifissjoni bil-malja.

‘Il bogħod mill-karriera tiegħek f’dan il-qasam, min hu Ronald Saliba?

Illum pensjonant. Il-mara tiegħi Rita u għandna tifla waħda Sarah. Illum ukoll għandna neputi li jismu Ronald ukoll. B’hekk ħajjtina mimlija sewwa.

Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? U liem memorji tgħożż l-aktar?

Sabiħa ħafna. Mid-dar għall-iskola, għall-Museum, nistudjaw u nilagħbu fit-triq mingħajr biża’ li ttajjarna karozza. Ngħożż ħafna il-ħarġiet ma’ tal-Mużew fis-sajf għall-baħar. U aktar tard il-ġimgħat camping ma’ żgħażagħ oħra f’Dar il-Fekruna.

Liema kienu l-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek?

L-isbaħ meta twieldet it-tifla tiegħi Sarah kif ukoll meta ħames snin ilu Sarah welldet lin-neputi Ronald. L-agħar kienet il-mewt ta’ missieri George li kien għalija ħabib qabel missier.

X’jispirak l-aktar?

Kull kelma li nisma’ u kull karattru li nara. Sirt nieqaf naħseb fuq kull ma nisma’ w nara.

Xi tqis li kienu l-kisbiet tiegħek?

Li wasalt fejn u kif ninsab illum. Tant, illi kieku kelli nerġa’ nibda mill-bidu nerġa’ nagħmel kull m’għamilt.

Fejn u kif jirnexxilek issib il-kuntentizza?

Fuq mejda tal-ikel għal xi ikla tajba jew għal xi kafè mal-familja u ħbieb.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li għadhom fil-bidu tal-qasam tar-reċtar?

Fittxu li tibdew mill-palk. U itilgħu fejn u kemm jgħidilkom il-produttur. Mhux dejjem tkun tajjeb jew ħażin daqs kemm taħseb int. Ħalli lil ħaddieħor jara fik il-ħiliet tiegħek.

Madwar 132 sena ilu twieled Charlie Chaplin

Madwar 132 sena ilu twieled Charlie Chaplin

Charlie Chaplin huwa probabbilment l-aktar attur magħruf tal-bidu tas-seklu 20. Huwa fost dawk il-ftit nies mill-era siekta li għadna nirrikonoxxuhom mingħajr problema.

Għalkemm anki f’din hemm daqsxejn kontroversja, huwa magħruf li Sir Charles Spencer Chaplin KBE twieled proprju fis-16 t’April tal-1889, ġewwa Londra. Huwa kien attur komiku, produttur tal-films, u kompożitur Ingliż li beda l-fama fl-era tal-film siekta

Charlie Chaplin sar ikona Dinjija permezz tal-karattru li interpreta The Tramp, u huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar figuri importanti fl-istorja tal-industrija tal-films.

Il-karriera tiegħu damet aktar minn 75 sena, mit-tfulija fl-era Victoria sa sena qabel mewtu fl-1977, u kienet waħda kontroversjali mhux ħażin. Minbarra li kien ateu, minkejja li dejjem ċaħad huwa magħruf li Charlie Chaplin kellu twemmin kommunist, iżda qatt ma nstabet evidenza ċara dwar dan.

It-tfulija ta’ Chaplin kienet waħda diffiċli, fejn kellu jiffaċċja l-faqar u t-tbatija. Ommu, Hannah Hill Chaplin, kantanta, attriċi, u ddoqq il-pjanu, qattgħet ħafna minn ħajjitha dieħla u ħierġa mill-isptarijiet mentali. Missieru, Charles Spencer Chaplin Sr. kien kantant ta’ suċċess sakemm qabad il-vizzju tax-xorb.

Wara li l-ġenituri tiegħu nfirdu, Charlie u ħuh (half-brother) Sidney, qattgħu ħafna mit-tfulija tagħhom fl-orfanatrofji, fejn ħafna drabi kienu jitħallew bil-ġuħ u anki jiġu msawta jekk iġibu ruħhom ħażin.

Bilkemm kapaċi jaqra u jikteb, Chaplin ħalla l-iskola biex imur fuq tour ma’ grupp entertainers komiċi. Aktar tard huwa ħa sehem f’att komiku. Sal-età ta’ 19-il sena kien sar wieħed mill-aktar artisti tal-musuc-hall popolari fl-Ingilterra.

Fl-1910, Chaplin mar l-Istati Uniti għal tour f’A Night in an English Music Hall. Huwa ġie magħżul mill-produttur tal-films Mack Sennett biex jidher fis-serje tal-kummiedja siekta Keystone. Fil-films bikrija, Making a Living u Tillie’s Punctured Romance, Chaplin biddel l-istil tiegħu. Huwa waqaf milli jirreaġixxi żżejjed u sar aktar delikat u preċiż fil-movimenti tiegħu. Ħoloq ukoll il-karattru ta’ The Tramp.

Fl-1918, Chaplin bena l-istudjo tiegħu u ffirma kuntratt ta’ miljun dollaru ma’ National Films, u pproduċa klassiċi ta’ films siekta bħal A Dog’s Life, billi qabbel il-ħajja ta’ kelb ma’ dik ta’ Tramp, Shoulder Arms, li kiseb suċċess fl-Ewwel Gwerra Dinjija, u The Kid, storja li tmiss il-ħajja tal-fqar.

Fl-1923, Chaplin, D.W. Griffith, Douglas Fair Banks, u Mary Pickford iffurmaw United Artists (UA) biex jipproduċu films ta’ kwalità għolja. A Woman of Paris (1923), drama, kienet segwita minn tnejn mill-aktar films divertenti ta’ Chaplin, The Gold Rush (1925) u The Circus (1928). Chaplin idderieġa City Lights (1931), rakkont sabiħ dwar il-ħbiberija ta’ Tramp ma’ miljunarju fis-sakra u flower girl nieqsa mid-dawl. Bosta kritiċi jqisuh bħala l-ifjen xogħol tiegħu. Għalkemm il-films kienu diġà għamlu l-bidla għall-ħoss, City Lights kien sieket ħlief għal xena waħda.

Il-karattru ta’ Chaplin, Hynkel f’The Great Dictator (1940) kien satira qawwija tal-mexxej militari Ġermaniż Adolf Hitler. Kien l-aħħar film li ntuża Tramp, u jispiċċa b’Chaplin jitlob għall-imħabba u l-libertà.

Kien b’dawn il-produzzjonijiet tas-snin 30 u 40 li Chaplin kiseb is-suċċess bħala direttur tal-films.

Ħafna qabel ma l-produtturi tal-films Ewropej għallmu lill-udjenzi japprezzaw l-irwol tal-kittieb u d-direttur, Chaplin wera l-ħafna talenti tiegħu billi rnexxielu jibbrilla fiż-żewġ irwoli fil-produzzjonijiet tiegħu.

L-imħabba li kien hemm lejn Chaplin fis-snin bikrin tal-karriera tiegħu nbidlet f’rabja kbira matul is-snin 40 u l-bidu tas-snin 50. Il-poplu Amerikan kien imdejjaq bil-fehmiet politiċi tiegħu, il-problemi fil-ħajja personali tiegħu, u l-elementi qarsa li ta’ spiss kien jesprimi fl-arti tiegħu. Chaplin kien jesprimi mibgħeda għad-dittatorjat. Dan kien ġiegħel lin-nies ikunu suspettużi dwaru.

Dan is-sentiment żdied meta ħareġ il-film Monsieur Verdoux, li fih wera li l-qtil tal-massa u l-abbuż tal-ħaddiema f’tentattiv biex iżidu l-profitti tan-negozju kienu simili. Il-kritiċi faħħru l-film iżda kien aktar popolari mal-udjenzi Ewropej minn dawk fl-Amerika.

Matul il-ħames snin ta’ wara Chaplin iddedika ruħu għal Limelight (1952), li parti minnu kien ibbażat fuq ħajtu stess. Kien ferm differenti minn Monsieur Verdoux.

Ir-reputazzjoni ta’ Chaplin kompliet tittappan b’kawża pubbliċizzata ħafna miġjuba kontrih minn mara li ddikjarat li kien missier it-tifel tagħha. Għalkemm Chaplin wera li ma kienx missier it-tifel, ir-reazzjoni għall-akkużi dawret ħafna nies kontrih.

Waqt li kien fuq vaganza fl-Ewropa fl-1962, Chaplin ġie nnotifikat mill-avukat ġenerali tal-Istati Uniti li d-dħul mill-ġdid tiegħu fl-Istati Uniti kien se jkun sfidat. Huwa ġie akkużat li wettaq atti immorali u li kien politikament suspettuż.

Chaplin, li qatt ma sar ċittadin tal-Istati Uniti, biegħ il-possedimenti Amerikani kollha tiegħi u stabilixxa ruħu f’Ġinevra,l-Isvizzera, mar-raba’ mara tiegħu Oona O’Neill, bint id-drammaturgu Amerikan Eugene O’Neill, u uliedhom.

Huwa żar l-Ingilterra biex jidderieġi The King in New York, li qatt ma ntwera fl-Istati Uniti. My Autobiography ġiet ippubblikata fl-1964. Ħafna mill-kritiċi kkunsidraw il-film ta’ Chaplin tal-1967, A Countless from Hong Kong, bħala diżastru.

Sas-snin 70, iż-żminijiet kienu nbidlu, u Chaplin reġa’ ġie rikonoxxut għall-kontribuzzjoni rikka tiegħu għall-films. Huwa rritorna lejn l-Istati Uniti fl-1972, fejn ġie onorat minn maġġuri fi New York City u Hollywood, Kalifornja, inkluż premju tal-Akkademja Speċjali.

Fl-1975 ġie onorat ukoll mir-Reġina Eliżabetta II tal-Ingilterra u sar Sir Charles Chaplin. Sentejn wara, fil-25 ta’ Diċembru , 1977, Chaplin miet fl-irqad, fl-Iżvizzera.

Ix-xogħlijiet kollha ta’ Chaplin juru l-grazzja fiżika, l-abbiltà li jesprimu sensazzjoni, u l-viżjoni intellettwali li għandhom l-aqwa atturi. Fl-1992 ħareġ film dwar il-ħajja tiegħu, bl-isem ta’ Chaplin.

Hemm wisq x’wieħed isir jaf dwar dan l-attur straordinarju, fil-fatt, komplejna niskopru aktar fatti u kurżitajiet interessanti li mhumiex daqstant magħrufa dwaru…

“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

Nitkellmu ma’ Kevin Borg

Kevin, kif tiddeskrivi ħajtek bħalissa, mill-aspett ta’ karriera?

L-ewwel nett grazzi mill-qalb ta’ din l-intervista. Bħal kulħadd f’dan is-suq tal-ispettaklu, bħalissa mhux xi żmien pjaċevoli peress li x-xogħol waqaf ħesrem. Jiena xorta bniedem li dejjem nipprova nara l-pożittiv minn kull sitwazzjoni u bħalissa qiegħed niffoka fuq proġett li qiegħed naħdem fuqu mid-dar għal meta jerġa’ jiġi ż-żmien li niġu lura għan-normalità.

Hemm xi proġetti partikolari li qed taħdem fuqhom bħalissa?

Bħalissa qiegħed naħdem fuq materjal ġdid kemm għalija u kemm għal artisti oħrajn ġewwa l-Asia. Kif semmejt qabel qegħdin ukoll naħdmu qatigħ fuq proġett ieħor fuq skala ikbar. Ma tantx nista’ niżvela però jista jkun li għandu x’jaqsam mat-televiżjoni.

Iċ-ċirkostanzi tal-pandemija affettwaw lil kulħadd b’xi mod jew ieħor. Kif affettwaw lilek personali?

Affetwawni kemm b’mod tajjeb u kemm negattiv. In-negttiv huwa li ħafna events ġew posposti u meta tisma’ koppji jgħidulek li jridu jġeddu d-data tat-tieġ għall-tliet darbiet, tħoss għalihom. Il-pożittiv huwa li peress li qed inqatta’ ħafna ħin id-dar inkun ħafna iktar mat-tfajla tiegħi u l-qtates tagħna li bħalissa għandhom bżonn ta’ ħafna ħin u mħabba. Biex tgħaxxaqha, waħda minnhom għadu kif ħarġilha d-dijabete u tkissirna meta sirna nafu li Misty se jkollha tieħu t-tilqima darbtejn kuljum tul ħajjitha. Minn hawn nixtieq nirrangrazzja lil Nigel u Andrew Borg Cardona talli għarrfuni minnufih li Borg Cardona pet supplies u pharmacy kienu sejrin jidħlu biex jgħinu u jkunu parti mir-recovery ta’ Misty u l-pets tagħna. Meta tfajtha facebook, indunajt kemm il-poplu u s-segwaċi tiegħi verament iħobbu l-annimali tant li issa ta’ kuljum qed nitfa’ stories sabiex dak li jkun ikun jista’ jsegwi l-progress li jkunu qegħdin jagħmlu, fosthom Misty.

Min kienu l-aktar persuni li kienu ta’ influwenza fil-karriera tiegħek?

Kienu ħafna dawk li b’xi mod influwenzawni fil-karriera tiegħi. Nibda l-ewwel minn missieri li qatt ma ċaħħadni minn dak li ridt nagħmel, tant li anke meta għidtlu li sejjer l-Iżvezja, għalkemm kontra qalbu qalli “mur ibni”.

Mill-aspett mużikali kien hemm ħafna. Nibda mill-ewwel opportunitajiet li kelli fuq it-TV minn Alfred Zammit meta kelli biss madwar 17-il sena u mbagħad ma nistax ma nsemmix lil Jason Cassar illi tista’ tgħid li rawwimni fix-xena tal-ispettaklu lokali.

Ċertament li l-kanzunetti kollha tiegħek huma għal qalbek, iżda hemm minnhom li għandhom post speċjali f’qalbek aktar minn oħrajn?

Kull kanzunetta għandha l-istorja tagħha, però waħda li dejjem tibqa’ għal qalbi hija NEEDING YOU. Din il-kanzunetta n-nies għamluha tagħhom u dak huwa l-għan prinċipali ta’ din il-kanzunetta.

Il-kanzunetta Tlaqt Ħabib, xi tfisser għalik?

Tlaqt Habib tfisser mument ta’ dieqa għaliex hija iddedikata lill-ħabib tiegħi Clint Mizzi li ħalliena ftit tax-xhur ilu. Hija kanzunetta miktuba minn Marcon Cassar fuq mużika ta’ Jason Cassar. Kanzunetta b’messaġġ sabiħ ħafna li kulħadd jista’ jirrelata magħha għaliex xi darba jew oħra kollha tlifna lil xi ħadd għal qalbna.

Liema tqis li kienu l-akbar kisbiet tiegħek s’issa?

S’issa kien hemm kisbiet mhux ħażin u dejjem nibqa’ grat għal kull min għeni nasal s’hawnhekk. Li rbaħt Swedish Pop Idol kienet kisba sabiħa ħafna għaliex jien kont l-ewwel kantant li qatt rebaħ dan ix-show li ma kienx ġej minn dak il-pajjiż speċifiku. Minn hemm għamilt iktar minn 400 kunċert madwar id-dinja. Kantajt ukoll darbtejn fil-palazz tar-Re u r-Reġina Svediżi taħt appuntament dirett tagħhom. Imbagħad hemm kisbiet bħala produttur u songwriter. S’issa rnexxieli wkoll nikteb u nipproduċi kanzunetti illi telgħu l-ewwel fil-Ġappun għal 18-il darba. Wieħed minn dawn l-albums kien l-iktar album mibjugħ fl-2019 u daħal ukoll fil-guiness book of records. Tlieta mill-kanzunetti li ktibt telgħu wkoll l-ewwel fil-listi tad-dinja kollha bi gruppi bħal Arashi, TVXQ u oħrajn. Irnexxieli wkoll nagħmel żewġ musicals bl-Isvediż u ħadt ukoll sehem bħala attur ġo film taċ-ċinema Svediż.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

Ikun hemm ħafna mumenti kemm sbieħ u kif ukoll ta’ dieqa fil-ħajja. L-agħar mument ta’ ħajti kien meta tlift lil ommi meta kelli 16-il sena. U l-isbaħ mument f’ħajti kien meta ltqajt mat-tfajla tiegħi Maria Francesca. Hija persuna li bħali għaddiet mhux ħażin u ta’ 5 snin biss hi ukoll tilfet lil ommha jiġifieri verament nirrelataw. Għandha qalb tant hi kbira illi impossibbli nitfa’ kollox f’sentenza. Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti.

Wieħed mill-aktar mumenti imbarazzanti li qatt kellek..

Kien hemm ukoll mhux ħażin. Darba żlaqt żelqa fuq il-palk ġewwa l-Iżvezja quddiem xi erba’ t’elef ruħ. Biex tgħaxxaqha mort nilgħabha tal-hero nipprova nqum b’qabża u nerġa’ nieħu oħra għal rasi! Ovvjament kulħadd spiċċa jidħak!

Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? Semmilna xi memorji li huma l-aktar għal qalbek..

Nista’ ngħidlek li kelli tfulija sabiħa ħafna. Kont inqatta’ ħafna ħin man-nanna Barbara u apparti Maria Francesca u ommi dik kienet ukoll imħabba ta’ ħajti. Kont inħobbha wisq. Kemm kienet tiġri bina l-bandli tal-Furjana u l-Belt. Peress li aħna mill-Furjana konna nqattgħu ħafna ħin il-bandli li dak iż-żmien kellu bandli tal-Ingliżi u l-Furjana kollha kienet tinżel hemmhekk tqatta’ ż-żmien. Tfal jilgħabu, bandli ma jispiċċaw qatt, waħda isbaħ mill-oħra. Kien hemm ukoll tennis court li aħna konna ġibnih qisu ground tal-football u minn hemmhekk ħarġu ħafna players li baqgħu sejrin tajjeb fil-karriera tagħhom. Konna nqattgħu ħafna ħin mal-familja wkoll u filgħaxijiet konna wkoll nitilgħu fuq il-Fosos, fejn kull familja kellka l-fossa tagħha ta’ fejn dejjem joqgħodu. Affarijiet li llum diffiċli tarahom. Il-ħajja kienet ħafna inqas stressanti dak iż-żmien, speċjalment għat-tfal.

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Suċċess mhuwiex biss rebħ ta’ kompetizzjonijiet. Għalija anke li jirnexxilek tgħin lil xi ħadd u tagħmillu differenza f’ħajtu huwa suċċess.

Kemm hi importanti l-umiltà?

L-umiltà m’hawnx isbaħ minnha. Li qatt ma tinsa minn fejn bdejt u li tibqa’ dejjem ġenwin mingħajr ma tikbirlek rasek hija imprtanti ħafna. Il-ħajja hija sellun li tul is-snin titilgħu u tiltaqa’ ma’ ħafna nies jgħinuk, iżda mbagħad jasal ukoll iż-żmien li dak is-sellun trid terġa’ tinżlu u hemm terġa’ tiltaqa’ ma’ dawk in-nies li għenuk u l-fatt li tibqa’ umli tfisser li tkun tista’ tgħix bit-tbissima, u taf li ma trid deni lil ħadd.

Xi jferħek u x’jirrabjak l-aktar?

Nieħu pjaċir nara lil dawk ta’ madwari kuntenti, iferraħni l-ħin mal-familja u ovvjament iferraħni xi proġett li jirnexxi meta nkun ilni xi sena naħdem fuqu. Jirrabjani ħafna l-fatt li nara tant nies imutu b’dan il-virus li attakkana, filwaqt li oħrajn jixxalaw qisu xejn mhu xejn speċjalment għaż-żminijiet tal-Millied u l-Ewwel tas-sena li għaddew.

Kieku kellek tikteb kanzunetta bħalissa, fuq xiex tkun?

Fuq kemm qed tistaqsini domandi bis-sens u kemm qed nieħu gost nirrispondihom għalkemm għadhom is-seba’ ta’ filgħodu u għadni lanqas kafè ma ħadt.

Artisti li jispirawk..

Ħafna u diffiċli nsemmihom kollha. L-artisti kollha li għamlu suċċess u verament bdew mix-xejn huma artisti li jispirawni.

Fl-opinjoni tiegħek, x’inhu l-isbaħ ġest li qatt tista’ tagħmel u tirċievi?

Wieħed mill-isbaħ ġesti illi tista’ tagħmel huwa li tisma’! Tisma’ jekk xi ħadd ikun irid jitkellem u jiftaħ qalbu. Ieħor huwa dak li titbissem, anki jekk bħalissa l-maskri qed jgħattulna t-tbissima. Li ġenwinament tkun hemm għal xi ħadd li jistaqsik għall-għajnuna. Jien ma nistenna li nirċievi xejn, però meta tkun imdawwar b’nies bħat-tajla tiegħi, l-isbaħ ġest li turini kuljum huwa dak tal-imħabba.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiv dwarhom? U għaliex?

Sensittiv ħafna fuq il-bullying! Meta kont żgħir, jien ukoll kont vittma ta’ bullying ġewwa l-iskola fejn kont nattendi u għalkemm irnexxieli negħlibha xorta tibqa’ mnaqqxa fik u ġġibek ovvjament iktar b’saħħtek. Jiġifieri lil dawk kollha li għaddejjin minnha bħalissa, ngħidilhom biex ifittxu l-għajnuna.

Sensittiv ħafna wkoll fuq moħrqrija tal-annimali. L-annimali inħobbhom ħafna. Fil-fatt aħna għandna ħamest iqtates u min jaħqar l-annimali għalija lanqas il-ħabs mhu tajjeb għalih, imma eżiljat taħt il-baħar.

Xi tfisser l-imħabba għalik?

L-imħabba hija verament sabiħa meta ssib lil xi ħadd li ġenwinament iħobbok lura b’dik l-istess imħabba. Jien nikkunsidra lili nnifsi iffurtunat li f’mument fejn kont se naqta’ qalbi mill-imħabba, iltqajt ma’ Maria Francesca.

X’differenza tagħmel fil-ħajja tiegħek Maria Francesca?

Maria hija persuna li ma tistax ma tħobbhiex. Il-kelma mħabba qiegħda fil-ħarsa t’għajnejha. Meta ltqajna, kont qisni qtajt qalbi li xi darba nissetilja. Dakinhar li ltqajna qisu waqaf il-ħin għall-mument u qalbi reġgħet bdiet tħabbat mill-ġdid.

X’fissret għalik li kellek irwol daqstant importanti fil-musical Il-Kbir Għadu Ġej, u li kont parti minn produzzjoni bħal din?

Li ġejt afdat b’dak l-irwol ta’ importanza kbira kien ovvjament unur ieħor fil-karriera tiegħi. Grat ħafna li mill-bidu l-maestro Dominic Galea ċempilli u qalli, “Kevin, int trid tagħmilha din il-parti” Minn hemm iltqajna, qrajt l-iskript flimkien mad-direttur ukoll u għoġobni ħafna. Ksibna wkoll record fejn jidħlu sales ta’ musical lokali li qatt ma kienet ġrat qabel. Sfortunatament kellha terġa’ ssir is-sena li għaddiet iżda dan il-Covid kissrilna l-pjanijiet kollha.

Minn hawnhekk nixtieq nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-Maestro Dominic Galea u lill-familja kollha tiegħu għaliex b’dieqa kbira ftit ġranet ilu ħalliena missieru, il-Maestro Sammy Galea. Sammy kien wieħed minn dawk li emmnu fija mill-bidu, tant illi meta ma kont litteralment xejn, kien fdani b’kanzunetta li kiteb hu.

Waqt li kontu għaddejjin bix-shows, kellek tagħmel intervent mediku ta’ malajr. Għidilna aktar dwar dan, u x’għadda minn moħħok? Bżajt li ma jirnexxilekx tkompli?

Dakinhar kienet waħda mill-iktar mumenti kruċjali fil-karriera tiegħi. Nistakar wara performance minnhom mort id-dar u waqt li bdejt ninħasel ħassejt qisha boċċa man-naħa ta’ ġewwa ta’ koxxti. Ma kinitx normali u iddeċidejt li nitla’ l-clinic fis-siegħa ta’ filgħodu. Qaluli li kull ma kien musmar minn ġewwa. U ħallejtha għaddejja b’rasi mistrieħa li mhi xejn. L-ghada qomt bil-groin minfuħ qisu larinġa. L-uġigħ li bdejt inħoss kien wieħed kbir u niftakar ċempilt lid-direttur Sean Buhagiar biex ngħidlu. Dawk ovvjament kienu se jiġġennu peress li jien kelli l-parti prinċipali u f’dak il-waqt beda jagħmel telefonati biex immur għand fiżjoterapista, u nara tobba differenti eċċ. Dakinhar ma laħħaqtx nara tobba u għamilt ix-show bl-uġigħ li ma nirrakomdahha lil ħadd.

Meta rajt tabib l-għada, qalli “Mur l-emerġenza issa!”. Issa jien dakinhar stess kien se jkolli wieħed mix-shows. Wasalt l-emerġenza u spiċċajt il-kuritur nistenna u muġugħ filwaqt li n-nies għaddejjin minn ħdejja u jgħiduli “Prosit tax-show Kevin”. Daħħluni ġo cubicle żgħira u ġie l-ewwel tabib li qalli li se jżommuni hemmhekk. Jien bdejt ngħidlu li ma nistax għax għandi show u hu baqa’ jinsisti li nibqa’ hemm.

Erġajt ċempilt lid-direttur u kulħadd f’battibekk wieħed. F’daqqa waħda niżel il-kbir tal-operazzjonijiet għax kien għadu kif spiċċa u staqsieni x’inqala. Spjegajtlu li jien kelli commitment għal kull min xtara biljett u li xtaqt li jarani dak il-ħin u li jekk hu possibbli l-operazzjoni jagħmilieli dakinhar stess. Qalli dawn il-preċiżi kelmiet, “OK LET’S DO IT!”. Għalaq il-purtieri u għamilhieli. Erba’ siegħat wara kont fuq il-palk u beda x-show. Dakinhar naħseb l-adrenalina tiegħi kienet massima għax għamilt affarijiet li normalment noqgħod lura milli nagħmel, però tant ħassejtni ferħan mingħajr uġigħ li ridt intir. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lit-tobba kollha ta’ Mater Dei speċjalment fl-emergenza u lit-tim kollu tal-Kbir Għadu Ġej li ħadu ħsiebi ħafna.

Għandek xi pjanijiet għall-futur?

Kif sejrin f’din is-sitwazzjoni sfortunatament ħafna events li kienu mxewli għal din is-sena, issa reġgħu mxew ghall-2022 u għaddejin minn żmien diffiċli fejn jidħol dan il-qasam. Nixtieq ovvjament li ‘l quddiem ikollna l-familja tagħna ukoll u nixtieq ukoll li forsi nidħol nippreżenta xi programm fix-xena lokali tat-televiżjoni.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Nixtieq nibda billi ngħidlek grazzi ħafna talli għamiltli dawn id-domandi. Verament ħadt pjaċir nirrispondihom. Lis-segwaċi ta’ skoperta.net nixtieq ngħidilhom ukoll grazzi tas-sapport li dejjem urewni matul il-karriera. Il-messaġġ li nixtieq hu li għandna verament nieħdu ħsieb lil xulxin u lill-familji tagħna matul dan iż-żmien diffiċli.

Enable Notifications    OK No thanks