Fost oħrajn, jidher li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna qed taffettwa wkoll il-ġbejna tradizzjonali Maltija.
Dan għaliex minħabba l-gwerra, bosta raħħala li jagħmlu l-ġbejniet, qed ikollhom inaqqsu l-merħliet tagħhom drastikament billi joqtlu mijiet ta’ nagħaġ kull ġimgħa wara li l-prezz tal-ġwież għola ħafna fl-aħħar ġimgħat.
L-assoċjazzjoni tar-raħħala kellha taħdidiet mal-gvern hekk kif rekord ta’ 150 nagħġa li jipproduċu l-ħalib intbagħtu għall-qatla f’temp ta’ ftit jiem biss.
Normalment, kull ġimgħa jkun hemm madwar 20 nagħġa li jintbagħtu l-biċċerija. F’każ li jkun hemm madwar 50, issir investigazzjoni biex jaraw xi jkun ikkawża li dan in-numru jitla’, iżda l-pressjoni finanzjarja li għaddejjin minnha r-raħħala f’dawn l-aħħar ġimgħat wassal biex in-numru jitla’ sa aktar minn 100.
L-Ukrajna u r-Russja huma l-produtturi ewlenin tal-qamħirrun u x-xgħir, tnejn mill-komponenti ewlenin tal-għalf fl-irziezet.
F’kummenti li ta lit-Times of Malta, Publius Falzon, li jmexxi x-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż qal li l-prezzijiet tal-għalf diġà kienu għoljin minħabba l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, li żdiedu b’madwar 50 fil-mija fl-aħħar xhur.
Żied jgħid li l-gwerra fl-Ukrajna qed tikkawża aktar instabbilità fil-prezzijiet u hija wkoll theddida għal din l-industrija, li tista’ ssir kompletament insostenibbli.
Fost il-kontroversja li nqalgħet dwar is-serata tal-Malta Film Awards li saret nhar is-Sibt li għadda, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-awditur ġenerali biex jinvestiga l-infiq mill-Malta Film Commission fuq il-Malta Film Awards.
Huwa qal li l-baġit iddikjarat, li huwa ta’ €400,000, diġà huwa ammont fenomenali meta wieħed iqis li l-baġit annwali tal-Kummissjoni huwa ta’ €600,000.
Żied jgħid li s-somma ta’ €400,000 setgħet ukoll inqabżet, wara li l-Kummissarju tal-films, Johann Grech irrifjuta li jgħid jekk is-somma nqabżitx meta ġie mistoqsi.
Numru ta’ produtturi esprimew il-kritika tagħhom dwar l-avveniment, b’uħud minnhom iddikjaraw li saħansitra ma daħħlux ix-xogħlijiet tagħhom għal dan l-avveniment biex iwasslu messaġġ.
Poġġa t-telefon lura f’postu b’idu tirtogħod mhux ftit. It-tbissima li kellu fuq fommu kienet tirrifletti mument ta’ sodisfazzjon personali. Fl-aħħar! Fl-aħħar kien se jpattihielha! Kien ilu maħruq. Kien ilu jġemma’ fl-istonku! U kien propju dak il-ħin li resaq lejn it-tieqa mdaqqsa li kellu fil-kamra tas-salott tal-appartament ċkejken li kien isejjaħ daru u qagħad għal mument iħares lejn il-veduta ta’ blokok kbar mibnija bil-konkos li kellu eżatt faċċata. Hekk biss kien jara. Bini. Aktar bini. U saħansitra aktar bini. Ħa nifs twil u ħass il-pulmun jimtela’ bis-sodisfazzjon. Kien ilu jberren kif kellu jsibha. Kif kellu jpattihielha. Kull ma kien jaf kien isimha. Agnes Abela. U li kienet l-iżjed mara antipatka li qatt kien kellem f’ħajtu! Infaqa’ jidħak. U għal mument kien se jixraq fil-bżieq tiegħu stess. Issa kien jonqos il-final grandjuż tal-pjan viljakk li kien ħejja! Kien għad fadal l-aħjar parti! Neil kien jaħdem f’uffiċċju tal-kummerċ bħala persuna li twieġeb it-telefon fuq problemi tal-konsumaturi. Xogħlu ma tantx kien jogħġbu, anzi biex ikun qal kollox kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien ikollu joħroġ minn ġol-friex sħun ta’ filgħodu sabiex iħejji ruħu għal ġurnata telefonati ma jaqtgħu xejn fl-uffiċċju fejn kienu jkunu xi għoxrin ruħ, kollha bil-linja tat-telefon tagħhom. Kollha jagħmlu l-istess xogħol. Dahar ma’ dahar. Skrivanija m’oħra. Storbju ma jaqta’ xejn…………. “Ħellow, S u Ġ Limited, fiex nista’ naqdik?” kien dara jgħid l-istess sentenza għal madwar xi tletin darba kull minuta. Agnes Abela. Issa ma kinitx se taħrablu. Kemm kienet antipatka! Kien iltaqa’ magħha fuq il-linja tat-telefon. Qatt ma kien raha minn wiċċha. Li kien jaf fuqha hu li kienet taħdem mad-ditta tal-produtturi li kienu jagħtuhom ix-xogħol. Din Agnes kienet ċemplet l-ewwel darba għall-ħabta ta’ nofs is-sajf u fil-bidu kien ħabat jaħseb li leħinha kien kważi ġentili. Iżda malli kien infurmaha li l-prodotti li kienu jġibu mingħandhom kienu għadhom kollha hemm u li ħadd ma kien qed jixtrihom, kienet infexxet toffendih u tkellmu ħażin. Lilu. Lil Neil Frendo.
Angie, wara 13-il sena, Ħadd Għalik ġie fi tmiemu. Kienet faċli għalik biex tagħlaq dan il-kapitlu wara dawn is-snin kollha?
Iva ta, kienet faċli…kont deċiża li kellu jieqaf u allura kif kelli l-opportunità li nibdel il-programm ħadtha mill-ewwel. Kuntenta li spiċċa meta kien għadu popolari ħafna…dik tagħtini sodisfazzjon.
Ingħalaq kapitlu, u nfetaħ ieħor bl-isem ta’ UEJJA. UEJJA se jibda jixxandar kull nhar ta’ Ħadd, fil-12:15 fuq TVM. Minn fejn ġie l-isem u kif ġiet l-idea għal dan il-programm?
Ridna game show differenti u allura għażilna logħob li b’xi mod jew ieħor in-nies jafu u ovvjament adattajnihom għalina. Huma kollha logħob li jekk tkun id-dar mal-familja tista’ toqgħod tilgħabhom ukoll. Dan il-kunċett ħloqnih jien u Mick, it-tifel tiegħi, allura aktar għal qalbi. L-isem ma ħriġtx bih jien! Konna t-tim kollu u Mandy, waħda mill-produtturi, tefgħet l-idea tal-isem Uejja u għoġob lil kulħadd!
X’se jagħmel dan il-programm differenti minn Ħadd Għalik?
Dan ftit aktar serju, m’għandu xejn x’jaqsamma’ Ħadd Għalik ħlief li żammejna l-music machine.
X’impenn u preparamenti jirrikjedi programm bħal dan?
Ma tistax timmaġina. Ilna 3 xhur naħdmu fuq produzzjoni, sett, marketing, filmati, sorpriżi, kontestanti, mistoqsijiet…prattikament kieku mhux għax għandna tim tajjeb naħseb kieku jkun impossibbli.
X’inhi l-aktar ħaġa li int l-aktar ħerqana għaliha f’dan il-programm?
Dan baby ġdid! Eċitament kbir biex jibda u naraw kif jintlaqa’.
Hemm xi ħaġa partikolari li se nkunu qed naraw?
Nahseb li l-art tas-sett hija impressjonanti! Tixgħel kollha, battikata kbira imma worth it! Imnalla kien it-tim tekniku …ma nafx kif ma għollewniex!
Fil-karriera tiegħek ma’ ħafna personaġġi differenti, semmilna tnejn minn l-aktar li ħallew impatt fuqek personali, u għaliex?
Diffiċli din! Wieħed minnhom żgur li hu Peppi għaliex minnu nitgħallem il-ħin kollu. Ma naqblux f’ħafna affarijiet imma xorta għandi rispett kbir lejh għax dak li jemmen jaħdem għalih u ma jaqta’ qalbu qatt anke jekk ikollu id-dinja kontrih. Ma’ Peppi għandi x-xorti li nitkellem kuljum għaliex naħdmu flimkien…ilni 20 sena issa! Ovvja sirna ħbieb kbar.
Imbagħad naħseb se nsemmi żewġ persuni li mhumiex fix-xena tal-entertainment. Fr Martin mid-Dar tal-Providenza, ħabib kbir li għandi rispett lejn dak kollu li jagħmel b’mod inkredibbli. Kieku fid-dinja hawn aktar bħalu kieku tgħidx kemm ngħixu f’dinja aħjar! U Robert li jaħdem mal-Missio. Kien hu li għażilni biex immur l-ewwel darba missjoni…din bidliltli ħajti…inħoss li jien ħafna aħjar bħala persuna bis-saħħa tal-missjoni. Ma’ Robert illum għandi ħbiberija kbira, raġel ta’ rispett kbir u li jaħdem ħafna għall-missjoni.
X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik xogħlok?
Bla dubju l-ikbar sodisfazzjon ikun meta nirċievi ittri jew emails mingħand nies li għalihom il-programmi jagħmlu differenza. Għadek ma tafx kemm hawn nies li jghixu fis-solitudni u li l-unika kumpanija għalihom huwa t-TV. Tad-dwejjaq anke taħsibha imma sfortunatament din hi realtà li teżisti.
Hija faċli l-ħajja pubblika?
Ma nħallihiex taffettwani ħafna, wara kollox dan huwa xogħol…ovvjament dejjem ħa jkollok min itellagħlek il-moral b’dak li jgħidlek u oħrajn li veru jippruvaw ikissruk, imma dik tistenniha.
Liema kien l-aktar mument li veru stħajt f’ħajtek?
Kelli naqra ta! Però ftit ilu kelli appuntament l-isptar u ridt immur bil-karozza tal-linja u kont ftit tard. Kif wasalt kważi fejn il-bus stop nara tal-linja ġejja u għidt aħjar niġri biex ma nkunx tard…tlaqt niġri u bqajt dieħla f’arblu! Kissirt in-nuċċali tax xemx u rajt lil kulħadd iħares lejja imma kont determinata li nitla’ tal-linja. Xħin tlajt aktar bdew iħarsu lejja u ma stajtx nifhem għaliex! Wasalt l-isptar u qabel ma mort għand it-tabib dhalt fit-toilet ħa niċċekkja x’għandi fil-mera, indunajt li qsamt fuq għajnejja u kont kollni demm! Mhux ta’ xejn bdew iħarsu lejja! Spiċċajt mort għand it-tabib u minflok għamilli t-testijiet qagħad jagħmilli l-butterfly stitches! Minn dakinhar tgħidx kemm qed noqgħod attenta għall-arbli!
Uħud jikkummentaw fuq il-midja soċjali, li skonthom, fuq it-televiżjoni jaraw dejjem l-istess uċuħ. X’inhi r-reazzjoni tiegħek dwar dan?
Dan huwa xogħol, mhux passatemp. Wieħed irid jifhem li jekk jien nieqaf nispiċċa bla xogħol! Din hija l-karriera tiegħi. Nifhem li forsi ilni ħafna nidher imma immaġina tmur fuq għalliema u wara 10 snin tgħidilha issa għadda żmienek! Ma tagħmilhiex hux? Jew fuq avukat, bennej, kittieb, ikun xi jkun…mela ddum tistudja għal dan ix-xogħol imma mbagħad trid tagħmlu għal ftit snin biss? Ma tagħmilx sens! Aħna mhux bħall-barranin ta, dawk f’ħames snin tant jagħmlu flus li jistgħu jirtiraw! U xorta ma jagħmluhiex, insemmilek ftit Gerry Scotty, Maria De Filippi, Ant and Dec, Oprah! Dawn baqgħu għadejjin!
X’inhu l-messaġġ tiegħek lil dawk is-segwaċi li dejjem isegwu u japprezzaw ix-xogħol tagħkom?
Ma nistax nuri biżżejjed apprezzament u gratitudni għan-nies li jibqgħu jsegwuna! Grazzi minn qalbi!
Kurt, fi ftit jiem oħra se tkun qed tniedi kanzunetta oriġinali. X’tista’ tgħidilna dwarha?
Ilni minn Ottubru li għadda naħdem ma’ produtturi Maltin u anki barranin biex noħroġ l-aħjar mill-materjal oriġinali tiegħi u rnexxielna noħolqu ‘l fuq minn 12-il kanzunetta oriġinali. L-ewwel kanzunetta konna se nniduha f’April però tinvolvi artista oħra minn barra l-pajjiż b’hekk kellna problema biex niffilmjaw minħabba l-pandemija. Issa wasal iż-żmien.
L-ewwel kanzunetta oriġinali li se nniedi se tkun b’kollaborazzjoni mal-artista Taljana Kel Moncado, li ltqajt magħha daqs 3 snin ilu fl-X Factor. Il-kanzunetta se ġġib l-isem ta’ Not This Time, miktuba minni u minn Kelly. Ġiet prodotta ġewwa l-Italja u hija kanzunetta li titratta d-d-dipendenza emozzjonali. Madanakollu, hija kanzunetta pożittiva ħafna wkoll. Din il-kanzunetta hija sfida personali għalija. Mhix ta’ ġeneru li tarawni fih is-soltu. Stil etniku, pop, kontemporanju. Inħeġġiġkom li ssegwu!
Kif inhi r-relazzjoni personali bejnek u bejn Kelly?
Kelly hija bniedma li jien ma tantx irrikonoxxejt f’X Factor…Forsi tkun moħħok f’dak li qed tagħmel int iktar milli dak li qed jagħmel ħaddieħor però jkolli nammetti li waqt Bootcamp ma kellix xi viżjoni ċara li xtaqt naħdem magħha. Wara l-esperjenza, bdejna nitkellmu, bdejna nifhmu lil xulxin u bdejt insegwi l-affarijiet li tagħmel. Bniedma unika, b’talent uniku. Ġieli f’dawn it-Television shows persuna ma toħroġx l-aħjar tagħha minħabba diversi fatturi. Jien u Kelly nedejna diversi ‘cover versions’, u r-rispons tan-nies kien dejjem sostanzjali. Bla dubju ma stajtx ma niftaħx dan is-separju ġdid fil-karriera tiegħi mingħajr ma tkun involuta hi. Ħabiba kbira u tal-qalb. Magħha nħossni komdu nitkellem dwar kollox u meta ngħidlek kollox..KOLLOX!
Għidilna ftit dwarek, min hu Kurt?
Jien bniedem sensittiv, nar tat-tiben, emozzjonali ħafna u ambizzjuż ħafna. Kurt kumpless imma sempliċi ħafna wkoll.
Għandek lil xi ħadd speċjali f’ħajtek?
Ejja ngħidu… li kkumplikata.
Persuna li ma tgħix mingħajrha..
Ommi. Mill-bqija mingħajr kulħadd nidra.
Minn meta ħassejt li l-kant u l-mużika huma daqstant importanti f’ħajtek?
F’kull qasam domt ma skoprejt x’verament ridt u nazzarda ngħid li domt ma sibt lili nnifsi mhux artistikament biss però l-unika ħaġa li kont dejjem ċert minnha hija l-mużika. Meta tkun għadek tifel ta’ 5 snin u tħoss passjoni u vokazzjoni fl-istess ħin, għid li tkun għalik. Kullimkien, l-iskola, id-dar…kont inkanta. Il-mużika u l-kant huma rigal. Inżid ukoll li mhux biżżejjed li jkollok talent, trid tqum mir-raqda u tisfruttah. Meta kont żgħir u kont nara kantanti fuq it-televixin, kont indur lejn ommi u ngħidilha..”Ma jien hekk ta se nkun…kantant”.
Liem esperjenzi mużikali li kellek s’issa, l-aktar li tgħożż?
Jien inħoss li għamilt ħafna u li m’għamilt xejn fl-istess ħin. Forsi għax jien bniedem ambizzjuż u iebes ħafna fuqi nnifsi. Ma tantx nikkuntenta ruħi malajr. Id-debutt tiegħi fix-xena lokali seħħ fl-2014 waqt il-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn kont irbaħt il-premju Talent Ġdid. Matul l-istess sena kont ġejt imsejjaħ nipparteċipa f’diversi avvenimenti mużikali ewlenin bħal Beerfest, Beland u anki Wine Festivals li ħafna Maltin jattendu bi ħġarhom. Komplejt nitħarreġ vokalment u bqajt nipparteċipa f’festivals lokali ewlenin. Esperjenzi li ma ninsa qatt huma festivals internazzjonali bħal George Grigoriu fir-Rumanija fejn kont wasalt mal-ahhar 5 fil-Finali, il-popolari Festival Show f’Venezja, meta rbaħt il-Festival orkestrali Taljan ta’ Mascalucia fl-Italja fost oħrajn. Hemm ħafna iktar x’ insemmi.
Hemm xi artisti internazzjonali li jispirawk?
Jien insegwi artisti li huma reali..Li ma jibbażawx l-art tagħhom fuq ‘Gimmicks’.. Artisti li għandhom vuċi u timbru li huma distinti. Ma jimpressjonawnix artisti li huma iktar ‘influencers’ milli artisti. Nammira artisti bħal James Arthur, Lewis Capaldi, John Legend, Macy Gray, Jim tal-grupp PH.d fost oħrajn. Jien insegwi artisti li jitrażmettu emozzjoni sempliċiment billi jkantaw. Naf li d-dinja nbidlet illum il-ġurnata però bqajt ‘old school’.
Nerġgħu narawk f’X Factor?
Iva, xi darba, dak huwa l-ħsieb, imma d-darba li jmiss b’mindset differenti totalment. L-ewwel darba li pparteċipajt ma ħadtx l-esperjenza bl-akbar maturità. Issa nħossni ppreparat sew ħafna għal kompetizzjoni bħal dik, artistikament u mentalment ukoll. Jekk hux Malta jew barra minn Malta però ma nafx.
X’inhuma l-affarijiet li jogħġbuk fik bħala kantant u xi ħaġa li kieku tista’ tbiddel?
Nemmen ħafna li għandi timbru maskili distint u min jismagħni u ma jkunx jafni jgħaddi dan il-kummenti dejjem.
Togħġobni l-vulnerabilità tiegħi waqt il-kant. Jekk inkun imdejjaq l-emozzjoni f’leħni turi, jekk kuntent ukoll, jekk għejjien ukoll. Prova li t-talent huwa mehmuż magħna għax jirrifletti dak li nkunu għaddejin minnu. Iktar milli nbiddel, kieku nikkontrolla iktar l-emozzjonijiet għaliex ġieli kif jgħidu l-Ingliżi…”I overdo it”, u nikkontrolla aktar l-użu tal-idejn waqt il-prestazzjonijiet tiegħi. Ġieli jintirtu drawwiet li mhux faċli tegħlibhom.
Xi tgħidilna fuq l-imħabba tiegħek lejn Londra?
Londra għandha post speċjali ħafna f’qalbi. Tlajt l-ewwel darba ma’ missieri ta’ 19-il sena meta kont ġejt mogħti l-opportunità li naħdem xi materjal ġewwa studjow professjonali f’Soho..u minn hemm ġew diversi opportunitajiet. Għadni sal-lum il-ġurnata nitla’ darba f’xahrejn għal sessjonijiet kontinwi ta’ Busking f’parti elementari f’Londra ġewwa Harrods mal-kitarrist tiegħi Robin Ward.
Apparti minn hekk kelli ċans ukoll inkanta mal-band The Americans darbtejn waqt l-ispettaklu tas-Sena l-Ġdida f’Hyde Park, Winterwonderland quddiem eluf kbar ta’ nies. Londra tatni esperjenzi ħelwin ħafna li għenuni nikber bħala artist. Illum il-gurnata li nkun sejjer Londra daqs li kieku sejjer qadja l-Belt. Dik it-tieni dar tiegħi! Wara l-pandemija, nerġa’ nitla minnufih..
Min huma l-artisti lokali li jispirawk?
Ira Losco togħġobni għax baqgħet persuna tan-nies u għax baqgħet innovattiva għalkemm ilha hafna fix-xena. Togħġobni l-kantanta Nicole Frendo, mhux biss artistikament imma anki mill-aspett uman. Jogħġbuni wkoll Mario Vella tal-Brikkuni, Errol Sammut u Matthew James Borg. Dawn ftit fost ħafna, ovvjament.
Ftit xhur ilu nedejt il-verżjoni Maltija ta’ ‘We are the world’. Kif kienet din l-esperjenza?
Kelma waħda. MAĠIKA. Minn idea ċkejkna għal proġett mużikali li sar proġett nazzjonali fi ftit żmien. Proġett li minkejja l-limitazzjonijiet kollha li kellna, daħal fid-djar tal-Maltin kollha. Grazzi lill-artisti lokali kollha li pparteċipaw!
B’liema lingwa tippreferi tkanta?
Jien inkanta bi tliet lingwi u t-tlieta li huma jagħtuni sodisfazzjon. Bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. S’issa għadni ma ftaħtx sew bil-Malti, għalkemm lura lejn l-2018 kont nedejt il-kanzunetta Anġlu Ħaj bil-parteċipazzjoni t’Ekklesia Sisters u kienet intlaqgħet sew. Infakkar ukoll il-kanzunetta Teżor li kienet iklassifikat mal-ahjar 5, fil-KKI 2016.
L-ansjetà u l-mużika, x’konnessjoni hemm bejniethom f’ħajtek?
L-ansjetà hija parti minni. Ikollok mumenti li ma jkunux faċli u oħrajn tajbin. L-ansjetà hija kundizzjoni li ma tgħejjikx biss mentalment imma fiżikament ukoll. Meta kont fl-agħar żmien, iddeċidejt li ndur għall-mużika bis-serjetà wkoll. L-ansjetà għenitni ndur għall-affarijiet li lili jagħtuni identità u kuntentizza u għalhekk il-mużika hija waħda mir-raġunijiet għalfejn ngħix. Hija personali ħafna u mhux kulħadd jista’ jifhimni.
Liema kienet l-aktar fażi diffiċli f’ħajtek?
Meta m’aċċettajtx min tassew jien. Sakemm sibt lili nnifsi batejt ħafna. Għext ħajja ta’ suppressjoni, biża’, inċertezzi, ħsibijiet u konfużjonijiet. Kelli 18-il sena meta bdejt niġi konxju ta’ ċerti sentimenti li qabel ma kontx nagħti każ…tkun żgħir u jgħaddi kollox imma l-bniedem jibqa’ sakemm jiskopri min verament hu.
Huwa proċess naturali li jien ikkontrollajt b’mod ħażin ħafna li anki għamilt ħsara lili nnifsi. Illum kburi ħafna b’dak li jien u ma nbiddilni ma’ ħadd. Parir wieħed nagħti, jekk f’ħajjitkom taslu f’punt fejn tħossukom imbeżżgħin ħafna, fittxu l-għajnuna. Terfgħux kollox fuq spallejkom għax tagħmlu ħafna ħsara. Ħadd mhu indispensabbli.
Semmi episodju negattiv li għaddejt minnu fil-qasam mużikali u għidilna x’tgħallimt minnu.
Inkun onest, kull esperjenza li kelli dejjem kienet pożittiva imma memorja riċenti li kienet ħalliet impatt fuqi kienet il-parteċipazzjoni tiegħi fit-tieni staġun tal-X Factor. Ħassejtni fil-post il-ħażin minn x’ħin qomt dakinhar. Meta l-gut feeling tiegħek jgħidlek biex ma tagħmilx xi ħaġa, tagħmilhiex. Niftakarni naħtaf lil kull min ikellimni. Kont fgat u ħassejtni skomdu. Bl-Ingliż..”I was at the right place in the wrong time”… Fil-fatt ir-riżultat ma kienx wieħed kif xtaqt. Jiddispjaċini wkoll meta ħallejt nies fix-xena lokali jimmanipulawni u jużaw id-dgħufijiet tiegħi biex jieħdu li jridu. Qatt tħalli lil ħadd idaħħallek f’moħħok li l-valur tiegħek mhux għoli. Emmen fik innifsek u jekk verament għandek talent ibqa’ stinka. Xi darba l-bieb jinfetaħ. L-importanti li ma tkunx deluż…irid ikun hemm fiex temmen biex temmen le?
Tixtieq li jkollok l-opportunità li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision?
Għalissa żgur li le. Għandi aspirazzjonijiet oħrajn u m’għadx għandi l-istima li kelli lejh.
X’hemm għaddej iktar f’ħajtek minbarra l-mużika?
Bħalissa qed nippubblika l-ewwel Rumanz bil-Malti mill-pinna tiegħi. Il-kitba hija importanti ħafna għalija però togħġobni l-kitba libera. Mhux se nikteb biex ngħid se nagħmel kanzunetta. Le, ħallini nikteb fil-libertà. Ħajti mimlija ħafna. Għandi x-xogħol tiegħi li hu wkoll għal qalbi. Jien naħdem fil-qasam tal-propjetà. L-ewwel xogħol li rnexxieli nsaddad fih 3 snin sħaħ minn wara li tlaqt mill-Korp tal-Pulizija.
Xi jbeżżgħek l-iktar?
Xejn ma jbeżżagħni ħlief li xi darba nitlef lil ommi, u l-mard u l-mewt. Jien nibża’ ħafna ħafna mill-mewt u naf li xi darba rrid ngħaddi minnha bħal kulħadd sfortunatament.
Hemm xi ħolm li tixtieq twettaq?
Is-sena l-oħra ġejt mogħti ċ-ċans li nagħmel sfida fil-programm Amici ta’ Maria de Filippi. Minħabba l-pandemija sfortunatament tħassru l-isfidi ta’ kontestanti barra mill-pajjiż u tifhimha…imm’ Amici kien wieħed minn dawk l-ewwel programmi li kkonfermali l-passjoni tiegħi lejn il-mużika, u iva, jekk ikolli nagħżel, li nkun parti mill-programm imqar għal jumejn hija ħolma kbira tiegħi bħalissa. Kont viċin u beħsiebni nissielet iktar u nittama!
Hemm xi proġetti oħra li għandna nistennew mingħandek?
Fil-futur qarib se nkun qed naħdem fuq kollaborazzjonijiet interessanti. Għal Diċembru wkoll qed inħejji xi ħaġa speċjali li tinvolvi diversi artisti lokali. Mill-bqija se nibqa’ nniedi l-materjal oriġinali li għandi mħejji u kif jgħidu l-Ingliżi…”I’m gonna go with the flow”.
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.