Select Page
“Jekk il-PM huwa popolist, inti Alex Borg, x’tissejjaħ?” – Prof. Andrew Azzopardi

“Jekk il-PM huwa popolist, inti Alex Borg, x’tissejjaħ?” – Prof. Andrew Azzopardi

Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Alex Borg, esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar il-fatt li l-gvern se jibda jgħin finanzjarjament lill-persuni li jkunu jridu jagħmlu l-operazzjoni biex ibiddlu l-ġeneru tagħhom.

Id-deputat Alex Borg qal li jieħu gost jara tant avvanzi ‘l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunità LGBTIQ+ ta’ pajjiżna għax fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll aħwa Maltin, iżda skont hu rridu nkunu realistiċi wkoll.

Filwaqt li qal li huwa tajjeb ħafna li flus għat-tibdil tal-ġeneru hemm, Borg staqsa kif m’hemmx flus għall-kura tal-fibromyalgia u l-ispejjeż li ġġorr magħha.

Huwa qal ma jistax jifhem kif lill-persuni li huma mikulin bl-uġigħ 24/7 bil-fibromyalgia u aktar kundizzjonijiet li ġġib magħha, il-gvern jgħidilhom li m’hemmx flus biżżejjed.

“Prim Ministru, l-ewwel li rridu ngħinu huma l-persuni li għaddejjin minn dan l-uġigħ kollu. Dawn għandhom bżonn speċi ta’ ‘voucher’ fix-xahar biex jixtru l-mediċina u jużaw pixxini u fiżjoterapisti tal-għażla tagħhom. Ma jistgħux joqogħdu jistennew appuntament tal-Isptar fit-tul għax l-isptar mgħobbi ħafna. Nisperaw li f’dan il-baġit ma tinsihomx.”
Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg

“Tkomplix tagħżel it-triq tal-populiżmu imma ejja mmorru għat-triq tas-sens komun fejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu jgawdi ugwalment u mhux parti biss tas-soċjetà,” ikkonkluda Alex Borg.

Il-Prof. Andrew Azzopardi rreaġixxa b’mod qawwi kontra dak li tenna d-deputat Nazzjonalista Alex Borg.

F’post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, il-Prof. Andrew Azzopardi qal li din hi r-raġuni li għandu nostalġija għall-politiċi tal-passat

“X’raġunament hu dan. Fejn hi l-loġika! Kif titkejjel it-tbatija skont int? Kif qed takkuża lill-PM li ddeċieda hekk meta inti qed tagħmel l-istess ħaġa? U jekk il-PM huwa popolist, inti x’tissejjaħ? U minn meta rridu nagħżlu tbatija minn oħra meta qed narmu l-liri fil-ħela u nistgħu niddiljaw mat-tnejn jew aħjar mal-mitt issue soċjali li għandna?”
Prof. Andrew Azzopardi

Jason Azzopardi jirreaġixxi wara li Bernard Grech qal li kulħadd għandu expiry date fil-politika

Jason Azzopardi jirreaġixxi wara li Bernard Grech qal li kulħadd għandu expiry date fil-politika

Waqt intervista li saret fuq radju 103 mill-Prof. Andrew Azzopardi, Bernard Grech qal li kulħadd għandu expiry date fil-politika, inkluż hu.

Bernard Grech ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li l-partit ħadem kontra Jason Azzoppardi waqt il-kampanja elettorali.

B’reazzjoni għal dan, fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Jason Azzopardi qal li kultant min jaqra l-expiry date ta’ ħaddieħor jinsa jara tiegħu.

Aktar tard, Jason Azzopardi tella’ post ieħor fejn staqsa jekk forsi kienx ostaklu għal min ta l-flus bħala donazzjoni biex tingħata l-proklama lill-qarib tiegħu. Huwa semma wkoll is-sena 2021.

Knisja Kattolika aktar relevanti – Prof. Andrew Azzopardi

Knisja Kattolika aktar relevanti – Prof. Andrew Azzopardi

M’ilux fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħi ipproponejt ideat għall-Knisja Kattolika aktar relevanti. Dawn l-10 ideat nibtu (anke jekk mhux verbatim) minn konverżazzjoni li kelli ma’ Fr Ray Francalanza, agostinjan u nies oħra, xi wħud qrib il-Knisja u oħrajn mhux daqstant.

Irridu nibdew billi nirrikonoxxu li l-Knisja f’Malta kienet istituzzjoni li diversi drabi poġġiet lilha nnifisha f’dilemma. Tul l-istorja l-iffukar tal-Knisja tbandal minn wieħed spiritwali, għażla ta’ stil ta’ ħajja, mument ta’ komunità għal mumenti fejn ir-rwol tagħha sar oppressiv, esklussiv u selettiv kultant anke b’pożizzjonijiet politiċi li ħallew ħafna ħsara li għadha tinħass, xi ftit minnha, sal-lum il-ġurnata.

Però, nemmen li l-Knisja tinħtieġ terġa’ ssir forza soċjali – mhux ‘tisforza’ lilha nnifisha fuq is-soċjetà imma għandha bżonn tkun vuċi f’soċjetà fejn il-valuri ġew rashom ‘l isfel.

Qed nitkellem hekk għax jien sirt xi devot? Ir-risposta hija LE. Mhux hekk biss, jien inqisni agnostiku, ma mmurx Knisja u ma nemminx f’alla li għandu ‘pjan għalina’ u fl-istess ħin dan alla jippermetti li n-nies ibatu intortament, li hemm min ifieq u hemm min le, li hemm il-mirakli għal xi wħud u għall-oħrajn le, li hemm xi forza li tmexxina hi u dawn l-affarijiet kollha.

Imma, madankollu ‘l-għada’ tas-sekularizzazzjoni f’dan il-pajjiż ninsabu iltima minn vuċi li magħha nistgħu nillitikaw, ma naqblux u nħabbtu l-ideat. Forsi dan ir-rwol sa ċertu punt qed tipprova tagħmlu l-midja u nittama l-akkademja wkoll imma xorta jibqa’ l-fatt li l-Knisja bħala forza soċjali tibqa’ relevanti u importanti.

Li jmiss issa huwa li toħroġ minn taħt l-art għax donnha aktar iffisata fil-political correctness u l-politika interna, milli ssalva l-frak ta’ dak li kien jagħmel sens qabel – milli tkun leħen ieħor f’dak li qed jiġri madwarna, ta’ dak li qed jiġri llum.

  • Il-knisja trid tinduna bit-tajjeb li għandha, bl-assets li għandha imma anke bix-xquq li għandha – jekk ma tħarisx lejn dak li għattanha mhux ħa tkun tista’ ssir vuċi relevanti.
  • Il-knisja għandha bżonn tadotta l-lingwaġġ li jinftiehem, kemm minn fuq l-ambone kif ukoll fil-konverżazzjoni tal-knisja man-nies, fil-lingwaġġ użat fit-talb għal-lingwaġġ li jintuża permezz tal-imġiba, f’kelma waħda, lingwaġġ mhux ‘il bogħod min-nies imma vuċi viċin il-ħajja tan-nies.
  • Il-knisja għandha bżonn tirrealizza li l-valuri nsara m’għadhomx ‘il-valuri esklussivi’ imma issa hemm firxa ta’ valuri oħra li qed jinbtu ġos-soċjetà tagħna li ġejjin minn għejjun oħra, xi wħud tajbin oħrajn anqas – din l-idea li ‘tagħna biss huwa tajjeb’ hija ħmerija grassa li tirriskja tpoġġi lill-knisja fuq pedestal li anqas u anqas nies iħarsu ‘l fuq lejhom.
  • Il-ħajja sagramentali fil-knisja f’xi waqtiet saret ekwivalenti għal kult fejn ir-ritwali ma jirreżonaw xejn mal-ħajja ta’ kuljum, knisja mhedija fir-ritwali ‘l bogħod mill-ħajja ‘on the ground’ – ritwali li jistgħu jsiru aktar aljenazzjoni milli soluzzjoni, knisja li trid titbiegħed mill-fissazzjonijiet li forsi fl-imgħoddi kienu jgħoddu.
  • Il-knisja trid tisma’ l-vuċi soċjali tagħha stess u tgħix f’dawn il-proġetti u mhux ġo binjiet vojta u bla ruħ.
  • Il-knisja trid tindirizza l-kriżi kbira ta’ vokazzjonijiet, kriżi li ġejja minn stil ta’ ħajja li m’għadux jappella u fejn n-nies qed iħossu li jistgħu jkunu ta’ servizz f’forom oħra – imma l-knisja donnha tippersisti b’ dan il-mudell.
  • Kultant fil-knisja flok ‘il-ħasil tar-riġlejn’ hemm atteġjament li kważi kważi aktar jixraq lir-realtajiet ta’ żmien il-medjuevu milli attitudni ta’ qaddejja.
  • Il-knisja tgħabbiet b’ħafna regoli li spiċċat tgħaqqdet f’saqajha.
  • Il-knisja trid ixxandar l-evanġelu fl-integrità tiegħu, u mingħajr ma tħalli barra dak li ma jdoqqx għal widnejn in-nies (ħobb lill-għadu; tisraqx; toqtolx, tassassinax il-karattru eċċ) iżda b’mod li hu attraenti u b’lingwaġġ li jinftiehem mill-ġenerazzjonijiet li tkun qed tipprova tilħaq.
  • Il-knisja għandha tirrikorri għad-dokument validissmu ‘Il-Wiċċ diġital tal-Mulej’ li ħareġ fl-2008 u għadu relevanti u bażi tajba ħafna ‘l fejn trid tmur il-midja tal-knisja.

Mhux vera jimpurtana – Prof. Andrew Azzopardi

Mhux vera jimpurtana – Prof. Andrew Azzopardi

“Mhux vera jimpurtana.”

Kliem iebes vera imma hekk hu, tal-anqas kif naħsibha jien. Cioè, dan il-qasam għamel titjib vera matul is-snin imma bl-iskossi. S’issa għadna nikkuntentaw b’tibdil sporadiku li jsir meta xi ħadd joħlom b’xi ħaġa. Għalkemm hemm policy u strateġija xorta nħoss li l-iżviluppi huma mifruxa u mhux strutturati. Dan il-qasam li ili nsegwi u nimmilita fih għal aktar minn 35 sena ħadem b’mewġ, daqqa ‘l fuq u daqqa ‘l isfel. Daqqa titfaċċa persuna li taf x’inhi tagħmel u daqqa le. Daqqa jkollna min ikun fuq quddiem fejn juru passjoni f’dan il-qasam u daqqa le. Din hija r-realtà.

Jekk vera rridu naraw tibdil irridu naraw aktar konsistenza u fost kollox nibdew naraw leadership li ġej mill-grassroots u fejn nassiguraw ruħna li dak li huwa bażiku nkunu qed noffruh.

Fejn naf jien.

Nista’ nibda mill-bankini. Issa mbilli għandna l-flyovers u network ta’ toroq ġodda u ħafna liġijiet u regolamenti u linji ta’ gwida. Ejjew ngħiduha kif inhi. Rari ssib 100 jarda fejn persuna tista’ timmanuvra l-wheelchair fuq bankina mingħajr ma tinkalja ma’ xi arblu jew xi tarġa jew xi statwa, xi mejda jew xi toqba.

Fejn naf jien.

Il-qasam tax-xogħol għadu qasam ibbażat fuq il-karità aktar milli fuq xogħol ta’ kwalità. Imma verament naħsbu li l-persuni b’diżabilità qed jiġu diretti lejn jobs sura jew inkella iktar moħħna biex nimlew il-kwoti? U fuq nota oħra kif nistgħu nistennew li persuni b’diżabilità javvanzaw fil-karriera meta għandek l-outpatients li ssir fil-ħin tal-iskola, meta persuni b’diżabilità speċjalment fil-bidu ta’ ħajjithom ikunu qed isegwu l-appuntamenti waqt il-ħin meta suppost qiegħdin skola għax ma jmurx il-professjonisti jaqbzu l-ħin ta’ filgħaxija – taf inti hemm mill-private practice li ħadd ma jrid iċedi?

Fejn naf jien.

Jekk tara l-issues marbutin mas-sess, is-sesswalità u r-relazzjonijiet fejn għadna mitt sena lura. Niċċensuraw u nimblukkaw dawk kollha li jippruvaw ikollhom relazzjoni. Mhux biss, is-soċjetà tibqa’ bigotta u selettiva għax għalihom persuna b’diżabilità ma tistax tħobb, tinnamara, ikollha sess u relazzjonijiet u forsi anke wlied.

Fejn naf jien.

Jekk tħares lejn il-qasam tad-divertiment li jibqa’ fil-maġġoranza tiegħu inaċċessibbli u donnu bil-barka tal-poter. Ħares lejn restaurants, il-boutique hotels, ħafna mill-hotels il-kbar, il-clubs, il-pubs, il-każini. Ngħidlek ma ssibx nofshom li jippermettu li persuna b’diżabilità li tuża’ l-wheelchair jew inkella b’issues marbutin mal-mobilità jirnexxilha.

Fejn naf jien.

Il-preżenza fil-midja – kwazi nulla għal kollox. Persuni b’diżabilità jiġu mistiedna biss jekk iridu jitkellmu fuq id-diżabilità – il-bqija xejn, zilg, zero. Qishom il-persuni b’diżabilità m’għandhom xejn x’jgħidu dwar l-imħabba, l-ekonomija, il-kannabis, il-PGD, il-ħabs, il-politika, il-korruzzjoni, l-immigrazzjoni. Nies li poġġejnihom fin-niċċa – noħorġuhom biss biex nipparadjawhom jew biex ikun hemm xi photo shoot jew ħalli noqogħdu nbusuhom u nagħtuhom il-flus. Mhux vera qed nippermettu li dawn il-persuni jkunu ċittadini attivi.

Fejn naf jien.

Il-qasam tal-inklużjoni u l-mudell ta’ LSEs u programm li jmexxu t-teachers fl-iskejjel li xxuttaw mill-effettività. Dan qasam li għandu bżonn naħsbu sew fuq kif qed nippruvaw nagħmlu l-inklużjoni meta tant nies direttament involuti lanqas biss jimpurtahom jew jemmnu f’din il-kawża.

Fejn naf jien.

Il-fatt li tant professjonisti jisolħu tant flus u pagelli esaġerati mill-ġenituri li jippruvaw jagħmlu kollox għall-uliedhom. Naħseb wasal iż-żmien li jkun hemm pagelli stabbiliti li jirriflettu l-ħidma u mhux l-ego tal-professjonsiti kkonċernati.

Ajma xi dwejjaq. Dan mhux il-qasam li jien immilitajt għalih. Wasal iż-żmien li din ir-rotta tinbidel mill-aktar fis.

L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li naħsbu li wasalna. Għax sar pass ma jfissirx li spiċċa l-vjaġġ imma sempliċiment beda. Dan is-settur jibqa’ wieħed mill-oqsma li l-aktar huwa fil-ġenb u fil-qiegħ tal-prioritajiet tagħna bħala pajjiż. Jekk m’aħniex ħa nkunu avventurużi u nillivellaw tant diżlivelli soċjali nistgħu nroddulu salib u nibqgħu ngħidu thank you għal xi loqma li tiġi f’din id-direzzjoni.

Jekk mhux ħa naraw moviment qawwi u organizzat ta’ persuni b’diżabilità u l-alleati tagħhom.

Jekk m’aħniex ha naraw CRPD aktar on the ball, deċiżiva, inċissiva u bla kompromessi.

Jekk mhux ħa naraw NGOs li kapaċi f’mumenti jitkellmu b’vuċi waħda.

Jekk mhux ħa naraw persuni b’diżabilità mogħnija b’leadership skills.

Jekk mhux ħa jkollna akktar persuni b’diżabilità kkwalifikati.

Jekk mhux ħa jibda jkun hemm direct action dawn il-persuni ha jibqgħu jieħdu ġo fihom bla risposta.

Jekk mhux ħa jkollna aktar riċerka empirika mill-Università.

Jekk mhux ħa jkollna aktar flus investiti fis-servizzi li jingħataw direttament lill-persuni b’diżastru.

Allura nistgħu nintefgħu nsaqqu l-ħass u s-siġar ta’ taħt il-flyover tal-Marsa.

Min għandu s-setgħa ħa jibqa’ jieħu dan is-settur bin-nejk u aħna nkomplu ngħidu thank you tal-loqom.

Wasal iż-żmien għar-revoluzzjoni, mhux bl-armi u l-vjolenza ovvjament, imma b’ħidma organizzata xprunata mill-persuni b’diżabilità nfushom.

“Is-suwiċidju fost l-aktar kwistjonijiet serji li ħadd mhu jitkellem dwarhom” – Prof. Andrew Azzopardi

“Is-suwiċidju fost l-aktar kwistjonijiet serji li ħadd mhu jitkellem dwarhom” – Prof. Andrew Azzopardi

Nitkellmu mal-Prof. Andrew Azzopardi

Bi pjaċir niżvelaw li l-Prof. Andrew Azzopardi se jkun ukoll qed jikkontribwixxi fuq skoperta.net.

X’ġiegħlek tagħżel din il-professjoni?

Jien dejjem ridt nuri li tista’ tgħallem anke kunċetti tqal imma fl-istess ħin l-istudenti jieħdu gost. Jien kont niddejjaq ħafna fil-klassi għax il-lezzjonijiet kienu boring għalhekk ridt insir lettur biex ma nkunx boring għax l-istudenti jiddejqu jekk aħna ma nkunux ippreparati u mhux għax tort tagħhom.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tiegħek?

Kull darba li naqla’ kontroversja biex minnha joħroġ it-tajjeb.

Liema kwistjonijiet tħoss li l-aktar għad hawn stigma dwarhom u li hemm bżonn li nitkellmu aktar dwarhom?

Is-suwiċidju fost l-aktar – kwistjoni serja ħafna li ħadd mhu jitkellem dwarha. Wieħed mit-tort huwa tal-mudell ekonomiku li qed nużaw qed iġib lin-nies fix-xifer u m’aħniex nagħtu kas ta’ xejn u mhux inwieżnu biżżejjed lil xulxin.

L-edukazzjoni u d-djalogu huma biżżejjed għal tibdil fil-mentalità?

Le, trid il-flus għal riċerka empirika, ħalli permezz tad-data inkun nistgħu nagħmlu policy decisions tajbin.

Fuq liema kriterji għandha tkun ibbażata riċerka dwar kwistjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tan-nies?

Fuq il-vuċi tan-nies. Irridu nibdew mingħandhom stess.

Storja li sirt taf permezz tal-professjoni tiegħek u li ħalliet impatt fuqek personali.

Kull darba li nara xi lil ħadd li jħossu ferħan tkun l-akbar ferħa tiegħi. Meta xi ħadd javvanza fil-karriera, isib lil min iħobb, jirnexxilu f’xi life achievement – dik tkun rebħa.

Lil hinn mill-professjoni, min hu Andrew Azzopardi?

Inħobb ħafna l-kelb tiegħi Dante u l-qattusa Phoebe (qishom it-tfal tiegħi), għandi żewġt itfal Karl – 24 u Caire 22 u miżżewweġ lil Sue għal 25 sena. Jien xandar fuq 103 Malta’s Heart fejn kull nhar ta’ Sibt ikolli programm ta’ ġrajjiet kurrenti u nikteb opinion fuq il-Malta Indpt kull ġimgħa. Noqgħodu Ħaż-Żebbuġ u l-ors tiegħi nara lit-tim favorit tiegħi Southampton FC – il-bqija ngħaddi l-ħin naħdem, li hi l-passjoni u l-passatemp tiegħi.

Kemm hu importanti l-irwol ta’ ġurnalist?

Ħafna importanti l-vox popoli.

Jaffettwak il-fatt li dak li tgħid jista’ jiġi interpretat ħażin?

La titkellem fuq il-public domain trid toqgħod għaliha mbagħad.

X’tixtieq li twassal permezz tal-kontribuzzjoni tiegħek fuq skoperta.net?

Xejn. La rrid ngħallem. La rrid lill-udjenza bilfors taqbel. Irrid naqsam ħsieb imbagħad kulħadd, jekk irid, jagħġnu fil-forma li jridu hu jew hi.

Enable Notifications    OK No thanks