It-tim ta’ Skoperta għamel kuntatt ma’ Arnold Sciberras, Pest Control Consultant, dwar il-problema li aħna l-Maltin qed niffaċċjaw bil-bagħal taż-żunżan, jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala l-oriental hornets.
Arnold Sciberras qalilna li dawn it-tipi ta’ żnażan, huma speċi indiġeni għall-Mediterran, u li l-identifikazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ġiet irreġistrata fis-snin ħamsin.
Fis-snin tmenin dan il-bagħal taż-żunżan ġie estint tant li fir-Red Book Data ġie mniżżel li mhuwiex ta’ periklu. Però, b’xi mod wasal lura lejn il-gżejjer Maltin, x’aktarx permezz tal-merkanziji. Li nafu żgur hu li dawn iż-żnażan huma speċi problematiċi.
Sfortunatament dawn l-ispeċi orjentali jħobbu ħafna ż-żoni urbani, u għalhekk il-gżira tagħna hija perfetta għalihom, minħabba li Malta saret ġungla tal-konkos mimlija xquq, toqob, ventilaturi u pajpijiet tal-AC użati, fost oħrajn.
Għaldaqstant, din it-tip ta’ struttura hija ideali għal dawn l-ispeċi biex jibnu bejta ġewwa fiha. Il-fatt li aħna popolati żżejjed fuq din il-gżira ċkejkna tkompli żżid mal-problema.
Il-fatt li hawn kullimkien mimli żibel, sorsi ta’ proteini u ikel tal-qtates, li qed jaffettwa ukoll lill-qniefed fil-piż żejjed, qed jgħin fl-isplużjoni tal-hornets orjentali biex jespandu.
Sfortunatament, xi nies li mhumiex professjonali qed jippruvaw jaqbduhom, però dan huwa kollu għalxejn. Qabel kollox wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn it-tip ta’ żnażan huma perikolużi ħafna.
Wieħed għandu jfittex l-għajnuna ta’ professjonist. Professjonisti li jaħdmu f’dan it-tip ta’ qasam, l-ewwel li ma jagħmlu huwa li jippruvaw jeliminaw il-bejta. Ovvjament dik hija l-aktar ħaġa importanti! Però, jekk il-bejta ma tistax tinstab u l-hornets jgħaddu minn quddiem il-proprjetà tiegħek u qed joħolqulek problema, il-professjonisti għandhom nases speċjali biex jaqbduhom. Apparti dan, huma jbexxu s-siġar, biex ibiegħdu dawn l-ispeċi mis-siġar tal-proprjetà tiegħek.
Arnold Sciberras enfasizza l-fatt, li hu kontra dak li jagħmlu ċerti nies, li jpoġġu kolla fuq in-nases tal-ġrieden. Dan minħabba l-fatt li dawn it-tip ta’ nases jaqbdu kollox, inkluż speċi li huma ta’ benefiċċju bħal naħal u rettili. Dawn it-tip ta’ nases jikkontribwixxu wkoll biex iġibu iktar hornets, minħabba li jiġu attirati mill-ikel li jitħalla fuq il-kolla.
Idealment, in-nases għandhom ikunu professjonali u speċifiċi għal dawn it-tip ta’ ħtiġijiet, speċifiċi biżżejjed li jinqabdu l-hornets kollha u ma jinqabdux dawk ta’ benefiċċju. Ta’ min jgħid li l-hornets qed jeqirdu wkoll l-apikultura, it-trobbija tan-naħal għall-għasel, għax litteralment qed jeqirdu n-naħal.
Importanti li nerġgħu nenfasizzaw li dawn iż-żnażan huma territorjali jiġifieri jekk wieħed jersaq lejn il-bejta tagħhom, il-possibilità hija li jattakkaw. Jekk jiġri dan, jista’ jkun ta’ periklu għal saħħtek. Il-konsegwenzi jiddependu mill-età tal-persuna.
Għalhekk il-parir hu li żżomm ‘il bogħod u tfittex l-għajnuna ta’ professjonist!
It-tim ta’ Skoperta jixtieq jirringrazzja lil Arnold Sciberras għal dan it-tagħrif.
Għal aktar tagħrif, ċempel fuq 21436820/99887950 jew żur is-sit elettroniku minn hawnhekk.
Tmiem ta’ relazzjoni tista’ tkun waħda mill-iktar esperjenzi diffiċli li persuna tesperjenza f’ħajjitha. Huwa siewi li persuni jkunu jafu x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lilhom infushom f’dan il-mument iebes.
Meta tieqaf minn relazzjoni, jaf joħorġu ħafna weġgħat u emozzjonijiet negattivi. Apparti li tkun qed tibki t-telfa tar-relazzjoni tiegħek, jista’ jkun li tkun qed tħossok konfuża, waħdek u mbeżża’ fuq il-futur. Tmiem ta’ relazzjoni jaf tfisser tibdil komplet f’ħajtek. Jaf trid tbiddel darek, relazzjonijiet mal-familja u ħbieb tal -ex partner, bidla fir-rutina u responsabilitajiet. Tmiem ta’ relazzjoni tfisser ukoll li trid tibki mhux biss ir-relazzjoni imma t-tamiet u l-ħolm li kellek ma’ dik il-persuna.
X’tista’ tagħmel biex tħossok aħjar?
Importanti ħafna li tesprimi kif tkun qed tħossok. Għid lilek innifsek “bħalissa qed nħossni mdejjqa” jew “bħalissa vera qed inħossni rrabjata”. Meta tieqaf relazzjoni jaf tħoss emozzjonijiet diversi. Hemm min iħoss relief qawwi, ikun hemm min iħossu xxukkjat, jew ma jkunx jista’ jemmen x’għadu kif ġara. Hemm min iħossu miċħud, muġugħ, tradut, imbeżża’, imbarazzat u mdejjaq. Importanti ħafna li tara x’qed tħoss. Dan jgħinek biex tifhem lilek innifsek. Importanti ħafna li taċċetta kif qed tħossok. Hawn min iħassar u wara ġimgħa jħossu tajjeb, hawn min jgħaddu xhur, jekk mhux snin biex jiġu f’tagħhom. Agħti ċans lilek innifsek. Aċċetta kif tkun qed tħossok. Emozzjonijiet ta’ dwejjaq, rabja, ansjetà, għajja, frustrazzjoni u konfużjoni huma esperjenzati minn ħafna nies. Aċċetta dawn l-emozzjonijiet u agħti lilek innifsek ċans u permess li ma tkunx kuntenta għal xi żmien.
Importanti ħafna li tiffoka fuqek innifsek. Meta nkunu f’relazzjoni, speċjalment waħda li tkun twila, hu faċli li ninsew lilna nfusna. Dan hu żmien li int tiffoka fuqek innifsek: terġa’ ssib l-affarijiet li huma importanti għalik, tesplora affarijiet ġodda li jafu jogħġbuk, tibda passatemp ġdid, tmur lura għal xi ħaġa li kont tagħmel qabel ma dħalt fir-relazzjoni. Forsi ma tkunx l-iktar ħaġa ideali li tidħol f’relazzjoni ġdida mill-ewwel. Agħti ċans lilek innifsek tibki r-relazzjoni li għaddiet u proċessa l-emozzjonijiet tiegħek sew qabel tidħol f’relazzjoni ġdida.
Tgħaddix minn dan iż-żmien waħdek. Aqsam ħsibijietek ma’ nies li tafda. Ibqa’ attiva soċjalment. Ħafna drabi, id-dwejjaq li jaqbdek wara li tkun ħassart, tant ikun kbir li tispiċċa tingħalaq fik innifsek u toqgħod ġewwa. Importanti li tfittex is-sapport ta’ ħbieb, familja. Prova toqgħodx ħafna waħdek f’dan iż-żmien.
Mur għand counsellor jew professjonist ieħor biex tipproċessa minn xiex għaddejt. Int ma tliftx biss il-partner, tlift ukoll persuna ma’ min taqsam l-esperjenzi, forsi tlift sapport finanzjarju. Tlift xewqat u pjanijiet tal-futur. Agħti lilek innifsek ċans biex tipproċessa dan kollu. Persuna professjonali taf tgħinek ukoll forsi tara x’tista’ titgħallem minn din l-esperjenza. Forsi għandek bżonn titkellem fuq x’ġara u jaf tieħu xi ħaġa mit-telf tar-relazzjoni. Jew forsi tista’ tara jekk hemmx xebh bejn din ir-relazzjoni u relazzjonijiet ta’ qabel. Forsi tista’ ssib pattern li għamilt f’kull relazzjoni u tkun tista’ taħdem fuqek innifsek.
Importanti ħafna li f’dan iż-żmien tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Agħmel attivitajiet li jikkalmawk: qatta’ ħin ma’ nies li tħobb, isma’ l-mużika, aqra ktieb, mur xi lezzjonijiet ta’ xi ħaġa li togħġbok pereżempju; yoga, gardening, kant etc. Daħħal lilek innifsek f’rutina strutturata biex tagħti lilek innifsek sens ta struttura u normalità. Prova ddurx għal vizzji bħal alkoħol, ikel eċċessiv eċċ. Sib affarijiet ġodda li jafu jagħtuk pjaċir. Hawn min isiefer waħda tajba, jew jibda passatemp ġdid. U l-iktar importanti – kul sew, agħmel eżerċizzju fiżiku, u orqod sew.
It-tmiem ta’ relazzjoni jaf ikun żmien diffiċli ħafna. Ara li dejjem ikollok is-sapport li għandek bżonn u qatt tistħi titlob l-għajnuna!
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru,ibgħatilna fuq info@skoperta.net
Nixtieq nibda billi nirringrazzjakom tal-feedback tagħkom dwar dawn il-kitbiet ibbażati kemm fuq fatti ta’ teorija jew riċerka li ssir minn żmien għal żmien kif ukoll fuq riflessjonijiet tiegħi msejsa fuq esperjenzi personali u anke dawk li niltaqa’ magħhom fix-xogħol tiegħi bħala counsellor.
Fl-aħħar kitba tiegħi tkellimna dwar l-ansjetà .. u f’dan l-artiklu se niffukkaw fuq kundizzjoni mentali oħra relatata mal-ansjetà. Infatti se nitkellmu dwar Post Traumatic Stress Disorder (PTSD). Kontu intom stess li staqsejtu dwar din il-kundizzjoni u hawnhekk tajjeb li forsi niċċaraw aktar dak li jista’ jkun qed ifixkilna…
X’inhi eżatt Post Traumatic Stress Disorder (PTSD)?
Din hija kundizzjoni li tiżviluppa f’dawk li jkunu għaddew minn esperjenza li xxukjathom u werwrithom, esperjenza fejn probabbli ħassew li tant hi perikoluża u tal-biża’ li jista’ jkun li ħajjithom kienet mhedda.
Huwa naturali li dak li jkun jibża’ jekk qed jiffaċċja jew iffaċċja sitwazzjoni perikoluża. Il-biża’ tikkawża bidliet ta’ sekonda biex tgħin lil dak li jkun jevita sitwazzjoni perikoluża. Din ir-reazzjoni ta’ fight or flight hija reazzjoni li tgħin lill-persuna żżomm il-bogħod mill-periklu. Wara li dak li jkun, ikun għadda minn trawma normali li jkollu reazzjoni għal din il-biża’ li diġà kkawżata mit-trawma stess. Iżda jekk jgħaddi ż-żmien u l-persuna tibqa’ tbati minn ċerti sintomi hemmhekk allura tista’ tiġi diagnosed li qed tbati mill-PTSD. Dawk li jbatu minn PTSD iħossuhom imbeżża’ u mwerwra anke meta m’hemmx periklu.
Kif tinduna li xi ħadd qed ibati minn PTSD? u x’inhuma s-sintomi?
Għalkemm fir-realtà kull min jgħaddi minn esperjenza perikoluża jgħaddi minn ċerti sintomi, il-maġġoranza ma jiżviluppawx sintomi kroniċi. U mhux kull min ibati minn PTSD għadda minn esperjenza perikoluża. Jista’ jkun li jkun miet xi ħadd li huwa għażiż ħafna jew li l-persuna tkun qed tiddependi fuqu/fuqha..dan jiġri wkoll speċjalment meta l-persuna tkun mietet f’daqqa.
Ġeneralment is-sintomi joħorġu tlett xhur wara mill-esperjenza trawmatika iżda xi kultant jista’ jkun li joħorġu snin wara. Is-sintomi jridu jkunu ilhom hemm xahar sħiħ u jkunu qed jinterferixxu mal-ħajja ta’ kuljum tal-persuna jiġifieri jaffettwaw lill-persuna kemm fir-relazzjonijiet tagħha mal-oħrajn kif ukoll fuq ix-xogħol tal-persuna.
Kif tiżvolġi l-kundizzjoni mhux dejjem l-istess. Hemm min idum tlett xhur u hemm oħrajn fejn il-kundizzjoni tiġi kronika. Huwa psikjatra jew psikologu li jista’ joħroġ diagnosis dwar din il-kundizzjoni.
Biex adult ikun qed jesperjenza PTSD irid ikun qed jesperjenza dawn is-sintomi msemmija hawn taħt, bejn wieħed u ieħor għal xahar sħiħ
Sintomu wieħed fejn jerġa’ jesperjenza t-trawma pereżempju; flashbacks – dak li jkun qisu jħossu qed jerġa’ jgħix is-sitwazzjoni trawmatika, ħolm ikrah u tal-biża’, ħsibijiet li jwerwru lill-persuna
Sintomu wieħed fejn jevita post, avveniment jew oġġett li jfakkru fit-trawma jew jevita li jaħseb jew isemmi affarijiet relatati mat-trawma, pereżempju; xi ħadd li jkun għadda minn inċident tat-traffiku jiddeċiedi li ma jibqax isuq.
Mill-inqas żewġ sintomi ta’ reazzjoni qawwija għal sitwazzjoni preżenti.
Mill-inqas żewġ sintomi b’burdati u emozzjonijiet qawwija meta tiġi ppreżentata sitwazzjoni.
Kif tista’ tiffaċċja l-PTSD?
Jekk tħoss li dawn is-sintomi li qed jaffettwawlek ħajtek importanti li tammetti li għandek problema.. dan jgħinek issib is-sapport..
Importanti ħafna li ssib sapport kemm minn dawk li tafda u kif ukoll sapport professjonali bħal counsellor… jista’ jkun li flimkien mat-terapija jkun hemm bżonn il-mediċina.. għalhekk ħalli f’idejn il-professjonist jew professjonista biex jirreferik fejn hemm bżonn.
Importanti li nżommu f’moħħna li jista’ jkun diffiċli ħafna biex nagħmlu l-ewwel pass, normali li tħossok hekk.. it-terapija tista’ tieħu ftit żmien imma taqtax qalbek pass pass tasal.. u jekk ma tagħmilx dak l-ewwel pass ma tistax timxi ‘l quddiem…
Li tagħmel eżerċizzju jew attività fiżika regolari se tgħinek tħossok aħjar.. u tmur tajjeb ħafna flimkien mat-terapija..
Tistennix li se tkun mija fil-mija tajjeb mill-ewwel, jista’ jkun li tieħu ftit żmien biex tħossok aħjar..
Jekk għandek għanijiet fil-ħajja tiegħek, imxi pass pass…mhux neċessarjament se jinexxilek tagħmel kollox f’daqqa, sib il-prijoritajiet u ibda bihom.. naqra naqra kollox jibda jaqa’ f’postu.. iżda f’din iċ-ċirkostanza jrid ikollok il-paċenzja..
Li tiltaqa’ mal-oħrajn se jagħmillek il-ġid.. għax il-bniedem mhux magħmul għal waħdu.. importanti li titkellem ma’ xi ħadd li tafda u li jifhmek.. m’hemmx xi regola ġenerali jekk humiex nies tal-familja jew ħbieb tal-qalb.. l-importanti li ma’ min titkellem tħossok komdu/a.
Importanti li jkollok stampa ċara ta’ x’inhuma t-triggers li forsi jqanqlulek memorji .. ħu nota ta’ x’inhuma u kemm jista’ jkun evita li tiffaċċjahom speċjalment jekk tkun waħdek u mhux ma’ xi ħadd li tħossok sikur.
Sib postijiet li jagħtuk serħan.. mhux postijiet kollha kaos u storbju.. in-natura tista’ tgħinek ħafna.. dejjem hemm postijiet adattati li jgħinuk issib il-paċi u l-mistrieħ.
Agħmel affarijiet li tħobb u ħu ħsieb tiegħek innifsek..
Ftakar li xi darba jew oħra kulħadd jgħaddi minn żminijiet diffiċli.. ftakar li ma jistax ikun tibqa’ tghix fid-dell tat-trawma li għaddejt minnha..
Ftakar li kundizzjonijiet marbuta mas-saħħa mentali huma bħal dawk fiżiċi, jekk ma tiħux ħsiebhom se jirkbuk u jiddominawlek ħajtek…
Tibżax titkellem dwar kif qed tħossok jew li tfittex sapport..
Awguri u tislijiet..
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
Tkellimna ħafna dwar relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u allura ħsibt li nitkellmu wkoll dwar relazzjoni magħna nfusna, speċjalment meta kontinwament niltaqgħu ma’ nies li ma japprezzawnix biżżejjed u ma jurux rispett lejna..
Meta tkun fiha tirrealizza li dawk ta’ madwarna jistgħu jħallu impatt negattiv fuqna. Infatti meta niltaqgħu ma’ attitudni negattiva ħafna drabi li nagħmlu hu li ninħarqu u nirreaġixxu..Mhux faċli nibqgħu kalmi meta ma neħdux dak li jistħoqqilna.. Tajjeb li forsi nzommu f’mohhna ukoll li l-attitudni ta’ dik il-persuna mhux faċli nibdluha iżda aħna kif nirreaġixxu għal imġiba taghha huwa litteralment fil-kontroll tagħna.
Pereżempju: Jekk il-boss tiegħek juri ċertu poter li jkun qed jifgak.. Dik li kuljum trid tmur għax-xogħol u tiffaċċjah mhix faċli.. u jista’ jkun li jkun qed jinfluwenzak u jpoġġik f’ċerta negattività u anke ansjetà. Meta aħna ninqabdu f’emozzjoni ta’ rabja u uġigħ dan ma jgħinx is-sitwazzjoni għax hekk inkunu qed naħlu l-enerġija tagħna fuq xi ħaġa li mhux fil-kontroll tagħna. Iżda kif aħna nirreaġixxu għall-imġiba negattiva dan huwa kollu fil-kontroll tagħna.
Kultant nistgħu nieħdu l-affari bħala xi ħaġa personali, però jekk pereżempju jekk hija xi ħaġa relatata max-xogħol tajjeb li nkunu kapaċi naqtgħu linja li ngħidu isma din hija xi ħaġa li għandha x’taqsam biss max-xogħol li nagħmlu. Il- probabilità tista’ tkun li anke l-boss tagħna għandu/ha l-problemi u anke l-insikurezzi u dan qed jaġixxi hekk minħabba dawn l-insikurezzi u mhux minħabba fina personali. L-aġir jekk mhux tajjeb jibqa’ mhux tajjeb .. imma li nieħdu l-perspettiva tal-persuna se tgħinna nimxu ‘l quddiem għax nifhmu aktar minn fejn jevolvu l-affarijiet..
Mhux faċli li ssib lil min ikissirlek l-ispirtu pożittiv tiegħek, li ma jikkalkulakx jew li ma japprezzax l- isforzi li tagħmel u allura fejn hu possibbli tajjeb li noqogħdu l- bogħod minn dak li jkissirna…
Jekk hi sitwazzjoni aktar ikkumplikata u forsi nħossni mgħaffġa/mgħaffeġ f’ħafna emozzjonijiet importanti li nfittex għajnuna professjonali
Xi punti li jistgħu jgħinuna:
Niftakru li huwa normali li nħossuna maħkuma minn ħafna emozzjonijiet meta xi ħadd jittrattana ħażin
Forsi jgħinna li naħsbu fil-ħajja diffiċli jew l-ammont ta’ xogħol li għandha l-persuna li qed tittrattana ħażin, mhux biex niġġustifikaw l-azzjonijiet iżda biex nifhmu aktar li mhix xi ħaġa personali.
Tista’ tikteb kif qed tħossok fi djarju ħalli tesprimi dak li qed tħoss
Jekk kapaċi fl-arti tista’ tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek fl-arti tiegħek ..
Il-meditation u l-yoga jgħinu ħafna biex issib il-paċi u l- kalma..
L-eżerċizzju wkoll jista’ jgħinek tikkalma u toħroġ il-frustrazzjoni tiegħek..
Li tieħu nagħsa meta tħossok imħawwad/imħawda wkoll jista’ jgħinek tħossok aħjar
Tkellem ma’ xi ħadd li tafda jew ma’ professjonist biex mhux talli tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek iżda wkoll issib opportunitajiet jew perspettivi ġodda li forsi ma tkunx irrealizzajt li jeżistu
Li tieqaf lill-persuna li tkun qed tagħmel inġustizzja miegħek.. tista’ tgħinek issib elementi ta’ perseveranza u reżiljenza li qatt ma kont tirrealizza li għandek..u tkun tagħlima li tgħinek għall-kumplament ta’ ħajtek ..
Li tirrispetta lilek innifsek huwa pass kbir li jgħinek issib il-paċi..
Tibqax waħdek fid-dlam, li titkellem huwa l-ewwel pass biex tiċċaqlaq mis-sitwazzjoni li tinsab fiha..
Awguri u tislijiet.
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.