Maratona ġbir ta’ fondi b’risq proġetti fil-missjoni

Maratona ġbir ta’ fondi b’risq proġetti fil-missjoni

Ftit snin ilu, waqt li qabdet liż-żewġt itfal żgħar tagħha, Eunesh bdiet vjaġġ ta’ tliet sigħat mill-għarix tal-familja tagħha fil-Muntanji ta’ Hawassa, fin-Nofsinhar tal-Etjopja. B’binha u b’bintha jbatu minn malnutrizzjoni akuta u bla flus biex tħallas għal tabib jew klinika medika fil-qrib, dak li kellu jkun żmien ta’ ferħ, seta’ faċilment jispiċċa fi traġedja.

Eunesh kienet determinata li tasal fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bushulo fejn kienet taf li wliedha setgħu jirċievu l-kura li kellhom bżonn. L-unika xewqa tagħha kienet is-saħħa u l-kuntentizza tat-trabi tagħha.

Din hija is-seba’ sena li Missio Malta qed jorganizza l-maratona #hopemissiofest, b’risq proġetti fil-missjoni, illum l-4 ta’ Ġunju.

Matul is-sena 2021, bil-fondi miġbura mill-maratona, mill-Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is-sena, Missio rnexxielu jisponsorja aktar minn 123 proġett. Dawn il-proġetti huma mferrxin fil-kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi.

Din is-sena Missio se jiffoka l-għajnuna tiegħu fi proġetti relatati ma’ ilma nadif, bini ta’ skejjel, xiri ta’ roti u proġetti oħra.

Tista’ ssegwi l-maratona, li se tibqa’ għaddejja sal-11pm fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara stejjer, u fl-istess ħin tagħti d-donazzjoni tiegħek.

Tista’ wkoll tmur int stess bl-offerta tiegħek waqt il-maratona fil-WE Media Studios, Ħal Qormi, jew iċċempel fuq in-numri murija fuq l-iskrins tat-televiżjoni. Tista’ wkoll tisponsorja xi proġett żgħir.

Possibiltà oħra hi li tingħata offerta on line fuq www.missio.org.mt. Voluntiera minn Missio se jkunu qed jiġbru l-offerta tiegħek minn darek waqt il-ħin tal-maratona.

Dawk l-Għawdxin li jixtiequ jagħtu d-donazzjoni tagħhom personalment, jistgħu jagħmlu dan billi jmorru fl-Uffiċċju Missjunarju tar-Rabat, Għawdex li hu miftuħ sabiex jilqa’ d-donazzjonijiet sat-8pm.

Ejjew mela ningħaqdu lkoll flimkien ghal Missio biex niġbdu ħabel wieħed u nuru solidarjetà ma’ dawn ħutna, li jgħixu f’artijiet tal-missjoni. Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, hija apprezzata, għaliex kif jgħid il-qawl Malti: Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra!

Agħti d-donazzjoni tiegħek permezz ta’ dawn in-numri:

5170 2063 – €15

5180 2064 – €25

5190 2061 – €50

Sms: 5061 9294 – €11.6

“Ejjew naħdmu flimkien biex kulħadd jikseb id-dinjità li jixraqlu” – Marie Louise Coleiro Preca

“Ejjew naħdmu flimkien biex kulħadd jikseb id-dinjità li jixraqlu” – Marie Louise Coleiro Preca

Nitkellmu mal-Eċċellenza Marie Louise Coleiro Preca dwar l-għan tal-Malta Trust Foundation u d-differenza li tagħmel permezz tal-proġetti li twettaq, kif ukoll dwar x’nistgħu nagħmlu aħna biex nagħtu s-sehem tagħna.

Eċċellenza Marie Louise Coleiro, meta u għaliex ġiet imwaqqfa l-Malta Trust Foundation?

Il-Malta Trust Foundation ġiet imwaqqfa fl-2015. Ġiet imwaqqfa biex tindirizza spazji fis-sistemi li ċerti komunitajiet ta’ tfal u żgħażagħ jaqgħu barra s-sistemi, bi programmi u proġetti ta’ empowerment, edukazzjoni u parteċipazzjoni, biex joħorġu miċ-ċirki ta’ żvantaġġ u vulnerabilità.

Xi jfisser għalik li tmexxi fondazzjoni bħal din?

Huwa sodisfazzjon kbir li nara alleanzi u sħubija permezz ta’ network kbir ta’ professjonisti, prattikanti, akkademiċi, membri tal-komunità tan-negozju, fondazzjonijiet u organizazzjonijiet, soċjetà ċivili, voluntiera, tfal u żgħażagħ.

Kemm hu importanti li jkollna soċjetà inklussiva?

Jekk ma nħaddnux soċjetà inklussiva u li rridu naħdmu kuljum biex nassigurawha, qatt ma nistgħu niksbu l-iżvilupp soċjo-ekonomiku meħtieġ. Inkunu wkoll qed ninjoraw ir-responsabilità bħala poplu, awtorità u stat, id-drittijiet umani fundamentali.

X’sehem għandha l-Malta Trust Foundation fil-ħidma għal soċjetà aktar inklussiva?

Il-Fondazzjoni tenfasizza x-xogħol tagħha fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Nemmnu ħafna li hemm bżonn nemmnu fit-tfal kollha, kollha, kollha. Nemmnu ħafna li kull tifel u tifla għandhom potenzjal iżda kollha kollha għandhom bzonn l-aċċess għar-riżorsi meħtieġa. Il-fondazzjoni għandha 15-il proġett li huma kollha marbutin ma’ empowerment, edukazzjoni, inklużjoni u drittijiet umani, għaliex l-inkluzjoni hija intrinsikament marbuta mad-drittijiet umani.

Kif inhu l-proċess biex il-fondazzjoni twettaq il-proġetti?

Il-proġetti tagħna jitilqu minn ‘an evidence based approach’, biex nassiguraw li dak li nkunu qed inħarsu lejh huwa bżonnjuż. Nassiguraw li m’hemm l-ebda għaqda jew awtorità oħra li qed tagħmel l-istess xogħol, biex inkunu żguri li mhux nirreplikaw. M’aħniex interessati li nagħmlu dak li diġà jeżisti. Dak ikun ħela ta’ flus u enerġija. Malli proġett ikun approvat, nagħtu bidu għal kampanja ta’ fundraising minn funding streams differenti, fosthom CSR mill-Komunità tan-Negozju, Fondazzjonijiet u Organizazzjonijiet barranin, fondi Ewropej u oħrajn.

X’riċerka ssir qabel tibdew?

Qabel ma nibdew, infittxu li nkunu sostenibbli finanzjarjament, sabiex nassiguraw li l-proġett ikollu ħajja fit-tul. It-tim amministrattiv tal-fondazzjoni huwa mill-anqas. Il-volontarjat huwa kruċjali u dan sabiex il-fondi li niġbru jmorru jekk jista’ jkun fuq il-core business u d-delivery tas-servizz. Il-proġetti jibqgħu jiġu monitored u evalwati u ħafna drabi wara ċertu żmien nitolbu esperti anke mill-Università ta’ Malta sabiex nagħmlu l-evalwazzjoni tal-proġett u nkejlu r-riżultati. B’hekk nassiguraw li nkunu qed ninvestu tassew fil-bidliet li hemm bzonn.

Liem hu l-aktar proġett għal qalbek s’issa?

Kull proġett huwa għal qalbi għaliex kull proġett huwa maħsub li jindirizza l-iżvantaġġ, l-inugwaljanza u l-vulnerabilità. Kull proġett huwa marbut ma’ bini ta’ socjetà inklussiva u sostenibbli. Il-pedament li hija mibnija fuqha l-fondazzjoni u l-proġetti hemm ħarsien tad-drittijiet umani u l-bini ta’ kultura ta’ paċi u pożittiva.

X’inhu l-ikbar sodisfazzjon li tagħtik din il-fondazzjoni?

Li naraw il-ħajja ta’ tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġjati tinbidel għal ħajja ta’ dinjità u sodisfazzjon.

Semmilna żewġ stejjer ta’ persuni li l-Malta Trust Foundation għamlet differenza f’ħajjithom.

Tifel ta’ 10 snin li qatt ma kien qal kelma qabel f’ħajtu u li qatt ma kkommunika ma’ ħadd, lanqas mal-ġenituri tiegħu, jasal biex jikteb ktieb, anzi issa tnejn, għaliex permezz ta’ apparat specjalizzat issa jista’ jikkomunika u jgħid u jikteb dak li jixtieq.

Tliet żgħażagħ Maltin li ġejjin minn background finanzjarju żvantaġġjat u li kkwalifikaw għal Scholarship barra minn Malta u li ingħatalhom mill-fondazzjoni, illum huma professjonisti bravi fis-settur li studjaw għalih.

Hemm ħafna aktar eżempji ta’ tfal u żgħażagħ li jferħuna u jagħtuna sodisfazzjon biex inkomplu naħdmu biex nagħmlu d-differenza.

X’għandu jagħmel kull min jiġi bżonn l-għajnuna tal-fondazzjoni?

Ma jiddejjaq xejn u jikkuntattjana fuq email: info@maltatrustfoundation.org jew jiġi l-uffiċċju tagħna, il-Furjana.

X’se jkun qed isir bil-fondi li jinġabru mill-maratona li se ssir għada s-Sibt, is-7 ta’ Mejju? Xi proġetti hemm ippjanati?

Se nkomplu nipprovdu apparat teknoloġiku specjalizzat biex tfal li ma jarawx u tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu u li ma jitkellmux ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom, jaċċessaw għall-informazzjoni u jikkommunikaw. Diġà investejna bis-saħħa tal-ġenerożità tal-poplu ta’ dawn il-gżejjer nofs miljun Ewro. Dan l-apparat jiswa ħafna flus, u jrid jibqa’ jiġi aġġornat skont il-livell edukattiv tat-tfal, iżda aħna konvinti li bl-għajnuna ta’ kulħadd se nkunu nistgħu nassiguraw li l-ebda tifel u tifla f’dan il-pajjiż ma jkunu f’qagħda li ma jistgħux jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

X’messaġġ tgħaddi lil min qed jaqra din l-intervista?

Kull tifel u tifla, għandhom il-potenzjal li jimxu ‘l quddiem f’ħajjithom sakemm kull wieħed u waħda minna jkollna r-riżorsi u l-faċilitajiet ta’ appoġġ li l-individwi kollha għandhom bżonn. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nemmen li Alla ħalaq lil kulħadd b’ħiliet u abbilitajiet, u li kulħadd għandu l-potenzjal li jimxi ‘l quddiem, jekk is-soċjetà tagħna jibqa’ jimpurtaha mill-għajrha.

Dan m’iniex ngħidu mill-kotba u r-riċerka biss, iżda fuq kollox mill-evidenza li l-Malta Trust Foundation, tmiss b’idejha kuljum, mill-esperjenzi ta’ mijiet ta’ tfal u żgħażagħ. Ejjew bħala poplu ta’ dawn il-gżejjer naħdmu flimkien ħalli kulħadd jikseb id-dinjità li jixraqlu u nassiguraw li ħadd u ħadd ma jaqa’ lura. B’hekk mhux biss l-individwi jmorru ‘l quddiem iżda s-soċjetà kollha tagħna.

Għada s-Sibt, is-7 ta’ Mejju, maratona ġbir ta’ fondi, fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, minn nofsinhar sa nofsillejl. Għat-tfal kollha, kollha, kollha.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jaħtar ix-Shadow Cabinet

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jaħtar ix-Shadow Cabinet

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illum ħatar ix-shadow cabinet.

Filwaqt li rringrazzja lid-deputati li servew fil-5 snin li għaddew, huwa awgura lill-kelliema l-ġodda għax-xogħol li se jkunu qed jagħmlu fis-snin li ġejjin.

Dan huwa x-Shadow Cabinet tal-Partit Nazzjonalista:

David Agius – Deputy Speaker u Kelliem għall-Politika Soċjali – Responsabbli mill-politika soċjali, il-politika dwar il-familja, s-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet, u s-servizzi ta’ solidarjetà.

Robert Arrigo – Kelliem għat-Turiżmu.

Robert Cutajar – Whip, Segretarju tal-Grupp Parlamentari u kelliem għas-Self Employed u Intrapriżi ż-Żgħar.

Paula Mifsud Bonnici – Assistent Whip, Kelliema għall-Anzjanità Attiva – Responsabbli mill-anzjani, is-servizzi fil-komunità u d-djar għall-anzjani.

Darren Carabott – Chairperson PAC u Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika – Imexxi l-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Karol Aquilina – Kelliem għall-Ġustizzja – Responsabbli mill-Qrati, l-Avukat ġenerali, l-avukat tal-istat u n-nutar tal-Gvern.

Graziella Attard Previ – Kelliema għall-Ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal – Responsabbli mill-ugwaljanza, id-drittijiet ċivili, id-drittijiet umani, id-drittijiet tal-minoranzi u l-politika u d-drittijiet tat-tfal.

Charles Azzopardi – Kelliem għad-Delizzji u l-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja – Responsabbli mill-ħarsien u l-promozzjoni tad-delizzji tradizzjonali inkluż il-kaċċa u l-insib u l-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja.

Ivan Bartolo – Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-ġlieda kontra l-faqar – Responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, l-awtorità tad-djar u l-ġlieda kontra l-faqar.

Ivan J Bartolo – Kelliem għall-Ekonomija u ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda – Responsabbli mill-industrija, ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, l-Airmalta, l-ekonomija diġitali u lintelliġenza artifiċjali.

Toni Bezzina – Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd – Responsabbli mill-politika rurali, is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura, is-sajd u l-akwakultura.

Graham Bencini – Kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali – Responsabbli mill-politika dwar l-isport, il-kumplessi sportivi, l-ġlieda kontra l-obesità u x-xandir nazzjonali

Bernice Bonello – Kelliema għaż-Żgħażagħ u l-fondi Ewropej.

Alex Borg – Kelliem għal Għawdex.

Eve Borg Bonello – Kelliema għat-tibdil fil-Klima.

Claudette Buttigieg – Kelliema għal-libertajiet ċivili, id-djalogu soċjali u l-ġlieda kontra d-dijabete – Responsabbli mill-libertajiet ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-MCESD u l-ġlieda kontra d-dijabete.

Ryan Callus – Kelliem għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura – Responsabbli mix-xogħolijiet pubbliċi, il-manifattura u s-servizzi u l-proġetti Infrastrutturali tal-Gvern.

Jerome Caruana Cilia – Kelliem għall-Finanzi – Responsabbli mis-settur tal-finanzi, it-tassazzjoni u s-servizzi finanzjarji.

Ivan Castillo – Kelliem għas-settur Marittimu u x-Xogħol – Responsabbli mill-affarijiet Marittimi, il-freeport, il-portijiet, il-politika nazzjonali dwar ix-xogħol, il-ħolqien ta’ impjiegi, Jobsplus u r-relazzjonijiet industrijali.

Janice Chetcuti – Kelliema għall-Ambjent, Ħolqien ta’ Spazji ġodda u Drittijiet tal-annimali – Responsabbli mill-qasam tal-ambjent, l-afforestazzjoni, il-ħolqien ta’ spazji ġodda u l-ħarsien tal-annimali.

Rebekah Cilia – Kelliema għall-Artijiet u drittijiet tal-konsumatur – Responsabbli mill-Artijiet u d-drittijiet tal-konsumatur u membru tal-Bord tal-Artijiet f’isem l-Oppożizzjoni.

Adrian Delia – Kelliem għat-Trasport, Mobilità u l-Proġetti Kapitali – Responsabbli mit-trasport, toroq, l-avjazzjoni u l-proġetti kapitali tal-Gvern.

Beppe Fenech Adami – Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.

Graziella Galea – Kelliema għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.

Joe Giglio – Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi – Responsabbli mill-intern, il-korpi dixxiplinati, l-immigrazzjoni, s-sigurtà, is-servizzi korrettivi, ċċittadinanza u r-riformi.

Mark Anthony Sammut – Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża.

Justin Schembri – Kelliem għall-Edukazzjoni.

Stephen Spiteri – Kelliem għas-Saħħa.

Ian Vassallo – Kelliem għall-kura Primarja u s-saħħa mentali.

Julie Zahra – Kelliema għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura.

Stanley Zammit – Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Responsabbli mill-indafa pubblika u l-manutenzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ix-xjenza u tteknoloġija, il-kostruzzjoni u l-ippjanar tal-iżvilupp.

Fil-ġranet li ġejjin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se jkun qed jassenja wkoll il-ħidma fil-kumitati permanenti tal-Parlament.

Ara: Hula Hooper Maltija tikser rekord dinji

Ara: Hula Hooper Maltija tikser rekord dinji

Il-Hula Hooper Maltija Clare Brincat li tgħix Londra għadha kif kisret rekord dinji.

Clare irnexxielha tnaqqax isimha fil-Guinness Book of Records għall-‘Most Hoops Spun Simultaneously Whilst On Rollerskates‘.

Hija kisret dan ir-rekord wara li kellha 80 ċrieki tqal imdawrin ma’ ġisimha, waqt li fl-istess ħin kienet qiegħda fuq ir-rollerskates.

Clare għandha snin ta’ taħriġ u tagħmel parti minn Marawa’s Majorettes, grupp ta’ hula hoopers ibbażat f’Londra u li għandu rekords dinji. Hija ħadet sehem ukoll f’ħafna avvenimenti u proġetti fosthom Glastonbury, Love Magazine u n-National Theatre’s River Stage.

Lil Clare rajniha wkoll tikkompeti f’Malta’s Got Talent.

Filmat: Janvil jirritorna fix-xena mużikali b’kanzunetta ġdida

Filmat: Janvil jirritorna fix-xena mużikali b’kanzunetta ġdida

Ftit tal-ħin ilu, il-kantant popolari Janvil nieda kanzunetta ġdida li timmarka r-ritorn tiegħu fix-xena mużikali bħala solista.

Saving Grace, kanzunetta oriġinali, miktuba minn Joe Roscoe, b’mużika u produzzjoni ta’ Edward Abela, tittratta dwar il-mument li wieħed jerġa’ jsib l-imħabba f’persuna, wara li jkun tilef it-tama li dan jista’ jseħħ

Il-kanzunetta tnediet flimkien ma’ filmat tal-lirika miġbud minn Victor Abela, b’grafiċi u editjar ta’ Sean Cini.

Minn għada filgħodu, Saving Grace se tkun qed tindaqq fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali.

Din is-sena, Janvil se jkun qed jaħdem fuq aktar proġetti mużikali, bl-aspirazzjoni li jniedi aktar kanzunetti b’aspetti differenti ta’ viżwali. Se jkun qed jintroduċina ma’ aspett mużikali differenti minn dak li mdorrijin naraw fil-proġetti tiegħu.

Enable Notifications OK No thanks