Select Page
Settembru, ix-xahar iddedikat lill-qtates

Settembru, ix-xahar iddedikat lill-qtates

Ix-xahar kollu ta’ Settembru huwa ddedikat lil dawk il-kreaturi żgħar, sufin u adorabbli, li jieħdu l-kmand sħiħ f’idejhom u aħna nikkuntentawhom. Naturalment qed nitkellmu dwar l-iktar annimal domestiku li jagħġeb dar sħiħa, il-qattus.

Dawn l-annimali għexu flimkien mal-bnedmin għal żmien kważi daqs il-klieb, u huma wkoll servew għal skopijiet importanti. Apparti li għandhom kapaċità li joqtlu l-annimali gerriema, bħal ġrieden; il-qtates domestiċi huma apprezzati mill-bnedmin għall-kumpanija li joffru. Ejjew ngħiduha kif inhi, il-qtates kienu żieda mill-isbaħ għal ħajjitna.

Kontu tafu li hawn madwar 60 razza ta’ qtates li huma rikonoxxuti minn diversi reġistri tal-qtates?

Ħaġa oħra hija li l-imġiba tagħhom tixbaħ ħafna lil dik tal-kuġini tagħhom li jgħixu fil-ġungla, it-tigri.

Dan ix-xahar ifakkarna f’dak li għandna nagħmlu biex niżguraw li jkollna qattus ferħan. Ixtrulu ġugarell żgħir, jew jekk ma tridx tonfoq agħtih xi kobba suf, u jagħmel sigħat twal jilgħab biha. Ta’ min jgħid li l-qtates huma relattivament faċli biex tferraħhom.

U bilħaqq, illum tinsewx tagħtuhom tgħanniqa u bewsa żejda!

Illum hija l-festa tal-qtates ġinġrin!

Illum hija l-festa tal-qtates ġinġrin!

Il-klieb jistgħu jkunu l-aqwa ħabib tal-bniedem għal xi wħud, iżda l-qtates mhumiex b’inqas. U anke jekk ikunu distakkati u daqsxejn ribelli (jibbumbardjawlek dar) dan jagħmilhom ħafna aktar interessanti!

Hemm diversi tipi ta’ qtates, madankollu wieħed b’mod partikolari huwa l-qattus ġinġer. Il-qtates ġinġrin huma magħrufa għall-kulur distint tagħhom li jiġi fi sfumaturi varji ta’ oranġjo, deheb u aħmar. Huma jixbħu ħafna lit-tigri u għandhom personalità amikevoli.

Kontu tafu li minħabba li dawn il-qtates huma wħud mill-aktar qtates popolari madwar id-dinja, dawn għandhom festa tagħhom stess?

Fil-fatt illum l-1 ta’ Settembru huwa l-jum iddedikat lill-qtates ġinġrin.

Mhux biss il-qtates ġinġrin huma popolari fost dawk li jħobbu l-annimali domestiċi, iżda huma wkoll mill-aktar qtates famużi fid-dinja. Fil-fatt insibu lil Orangey, il-qattus minn Breakfast at Tiffany’s, Puss in Boots minn Shrek, u l-qattus tigra kwintessenzjali, Garfield.

Jekk għandek qattus/a ġinġer, illum għamillu/ha festin żgħir għax illum hija l-festa tiegħu/tagħha!

Illum ħu l-qattus/a għand il-vet

Illum ħu l-qattus/a għand il-vet

Illum huwa l-jum fejn tieħu l-qtates tiegħek għand il-vet.

Għalkemm din tista’ tinstema’ stramba, hemm, fil-fatt, skop leġittimu ħafna għal din l-okkażjoni annwali.

Filwaqt li aħna l-bnedmin imdorrija nżuru lid-dentist u lit-tabib regolari għal ‘check-ups’ tas-saħħa, sfortunatament bosta sidien ta’ dawn il-kreaturi jinsew jeħduhom għand il-veterinarju bħala prekawzjoni.

Fil-fatt dawn jittieħdu biss meta tqum problema medika. Dan, ovvjament, jaf jirriżulta f’trattament estensiv u f’kontijiet għoljin li setgħu ġew evitati .

Żomm il-qtatus tiegħek b’saħħtu billi tagħmel appuntament għal ‘check-up’ preventiv mal-veterinarju tal-fiduċja tiegħek.

Il-kurżità – Imma x’ġara eżatt? – Tanja Cilia

Il-kurżità – Imma x’ġara eżatt? – Tanja Cilia

L-Ingliżi jgħidu li l-qtates għandhom disa’ ħajjiet, imma aħna l-Maltin ngħidu li għandhom biss sebgħa.

Kien x’kien, waħda mill-affarijet li żżomm il-qtates b’saħħithom hija dik il-mjaw karatteristika tagħhom, li l-ħoss tagħha għandu l-unità tal-frekwenza ta’ minn 22 sa 45 hertz, li jintuża ħafna waqt it-terapija. Jingħad li dawn il-vibrazzjonijiet huma fenomenu, għax jistgħu jtaffu d-dipressjoni, ifejqu xi mard, u jirrestawraw u jirriġeneraw xi tessuti tal-ġisem.

Jista’ jkun ukoll li jibqgħu b’saħħithom minħabba li t-temperatura tal-ġisem tagħhom hija ta’ minn 2-3 gradi ogħla mit-temperatura tagħna.

Leġġenda antika tgħidilna li l-qtates idumu ħajjin għax huma l-ħolqa bejn din id-dinja u l-eternità, u għaldaqstant l-allat huma grati lejhom, u jħalluhom jgħixu f’din id-dinja iżjed minn annimali oħrajn. Dan isir billi wara li jmutu, jiġu rinkarnati, sakemm wara d-disa’ darba, jibqgħu mal-allat għal dejjem ta’ dejjem.

Kien hemm żmien, iżda, li billi l-għajnejn tal-qtates ileqqu fid-dlam, kienu meqjusin bħala annimali malinni, jew saħanistra, sħaħar li kienu jsiru qtates kif jaqa’ d-dlam.

Imma… u din hija l-imma… il-proverbju jgħidilna li l-qattus miet għax kien kurjuż.

Issa jekk il-kurżità hija ħażina għal annimal daqshekk fabbli u gustuż… u li għandu iżjed minn ħajja waħda… kif inhu l-qattus, mela kemm hi ħażina iżjed għalina l-bnedmin, il-kurżità?

Issib min hu sindikajr – dejjem moħħu f’ħaddieħor, u dejjem jistaqsi dwar ħwejjeġ li mhumiex affari tiegħu.

Aħna nafu li jekk trid iżżomm sigriet, m’għandek tgħidu lil ħadd, lanqas lil xi ħadd li tgħidlu biex ma jgħid lil ħadd. Imma dawn in-nies għandhom il-ħabta jindagaw bil-fin, u jiskopru dak li suppost jinżamm mistur, b’tali mod li int lanqas biss tkun taf li ftaħt qalbek magħhom, u, iżjed u iżjed, li tajthom xi dettalji fuq ħaddieħor, li int ma kellek l-ebda dritt tikxifhom.

Li jkollok kurżità xjentifika jew filosofika li toħloq riċerka, ma fiha xejn ħażin. Iżda meta jkollok vizzju li qisek qed tinterroga lil xi ħadd, meta tistaqsi waħda f’waħda, bl-iskuża li “jekk ma tkunx taf kollox ma tkunx tista’ tgħin”, hawn naraw in-nuqqas tas-sinċerità.

Billi titkixxef sal-inqas dettal trivjali, għax issib lil xi ħadd debboli u vulnerabbli, ma tkunx qed tgħin, iżda tfixkel, għax ara kemm se jinkwieta dak li jkun, iżjed tard, meta jiftakar li kixef kollox – jafdak kemm jafdak. U int? Eh, tiftaħar li inti fdata… “…għax taf x’qaltli Joanna, u qaltli biex ma ngħid lil ħadd, imma lilek se ngħidlek għax naf li fommok mitbuq…” u hawn, tirrakonta minn xiex għaddiet dik il-mara li fdatek bis-sigrieti tagħha.

Il-kurżità mhux biss lill-qattus toqtol iżda anki l-ħbiberiji li jkunu ilhom snin.

Il-Papa jikkritika lill-koppji li jagħżlu li jkollhom annimali minflok tfal

Il-Papa jikkritika lill-koppji li jagħżlu li jkollhom annimali minflok tfal

Il-Papa Franġisku kkritika lill-koppji li jagħżlu li jkollhom annimali minflok tfal u ddeskrivihom bħala egoisti. Sostna li d-deċiżjoni tagħhom li jabbandunaw il-ħajja ta’ ġenituri twassal għal telf ta’ umanità u hija ta’ detriment għaċ-ċiviltà.

Huwa qal dan waqt li kien qed jitkellem ma’ udjenza ġenerali dwar San Ġużepp u s-suġġett tal-adozzjoni u t-tfal orfni, u qal li d-deċiżjoni ta’ San Ġużepp li jrabbi lil Ġesù hija fost l-ogħla forom ta’ mħabba

Il-Papa Franġisku qal li ħafna koppji m’għandhomx tfal għax ma jridux, jew inkella jagħżlu li jkollhom wieħed biss, imma għandhom żewġt iklieb jew żewġ qtates. Qal li l-annimali qed jieħdu post it-tfal, u dan jista’ jwassal sabiex nitilfu l-umanità.

Ir-rimarki tal-Papa jirriflettu t-tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar l-importanza li l-koppja jkollhom jew irabbu t-tfal, u l-konsegwenzi demografiċi li ma jagħmlux dan.

Saħaq li koppji li bijoloġikament ma jistgħux ikollhom it-tfal għandhom jikkunsidraw l-adozzjoni.

Enable Notifications OK No thanks