Iżda saqajja kont qed inħosshom wisq tqal u ġismi kien qed jiġbidni lura. Ħassejt idejn il-gwardjan fuq spallti. Ħarist lejh u rajtu jagħmilli mossa ta’ kuraġġ. Forsi kulħadd bħali kien jagħmel. Forsi kulħadd kien jibża’ xi ftit wara dawk is-snin kollha hemm ġew. Ħadt nifs profond, poġġejt idi fuq sidri, sellimt lill-gwardjan u bdejt miexi b’mod aktar prattikabbli lejn il-bieb prinċipali. Smajt il-ħoss tal-bieb jinfetaħ b’mod aktar qawwi milli kien suppost. Daħal raġġ ta’ dawl minn bejn il-bexqa tal-bieb kbir magħmul minn injam mastizz u oħxon. Bexxaqt għajnejja għax tant kemm kienu draw id-dawl fittizju ta’ hawn ġew, li kienu diġà bdew jaħarquni. U ħassejtni liberu. Iva, liberu. Dak il-ħin. Dak il-propju mument qabel ħriġt bilmod ‘il barra. U għamilt l-arja. Ersaqt lejn il-bieb u ħriġt hemm barra fix-xemx, inħoss iż-żiffa fietla tas-sajf, tmellisli wiċċi u twennisni. U rajt persuna bilwieqfa tħares lejja eżatt minn quddiem il-kanċell tan-naħa ta’ barra. “Jonas?” ħarġitli b’mod sorpriż, hekk kif indunajt li ħija kien ġie għalija! Ħarist lura lejn il-gwardjan li kien għadu jiffolowjani eżatt mal-kanċell, fetaħuli u reġa’ għalqu warajja biż-żaqżiq. Mort inħaffef ngħannaq lil ħija, li dawn l-aħħar sentejn kien reġa’ beda jiġi jżurni. Kont għamilt żmien twil, lanqas biss nisma’ b’aħbaru. Imma donnu dan l-aħħar kien ħafirli ta’ dak li kont wettaqt. “Int ħammiġtilna unurna!” kien akkużani Jonas, meta kien ġie jarani l-ewwel darba. Jonas kien it-tewmi tiegħi. Ħija. L-unika familja li kelli. “Aħfirli Jonas, inti kont miegħi dakinhar. Taf li konna xrobna!” kont krabtlu, qabel kont ġejt eskortat mill-pulizija. U issa kont qed nistħi minnu. Ħija t-tewmi. X’differenza kien hemm bejnietna! Jien kelli xagħri nofsu mwaqqa’ bl-inkwiet kollu li kien għadda mingħalija, wiċċi mimli tikmix u linji ta’ maturità esaġerata. Kont liebes biċċa flokk iffejdjat u xi ftit mikul. Qalziet li kien kiber miegħi, leħja mteftfa u kont ġejt niexef għuda.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…
Il-ħoss tax-xita nieżla minn barra kamarti kienet twennisni. Kont inħoss li kien hemm xi ħaġa li kienet tgħaqqadna. Lili. U lilek. Għalfejn ma kontx bħall-bniet l-oħra tal-iskola li kienu fil-klassi tiegħi? Kull sena, meta konna ntellgħu reċta flimkien, bl-għajnuna tal-għalliema tagħna, kont narahom kollha ferħana. Kont narahom kif kienu jħarsu lejn uliedhom. Kienu jkunu kburin bihom. U int ma kontx tkun hemm. Int qatt ma kont tkun hemm. Naf. Naf li kien ikun hemm ommi. Lilha kont naraha titbissem. Kont naraha tifraħ xħin kienet tarani u xxejjirli ħalli turini li kienet tkun hemm. Hi biss. Waħedha. “Mia, il-papà ma jistax jiġi. Taf……..” kienet tgħidli. “Taf li l-papà tiegħek qiegħed jiġġieled fil-gwerra. Imma toqgħodx imdejqa. Daqt tispiċċa l-gwerra……….u tara, tara kif ma jdumx ma jiġi lura!” Kien ilu snin li telaq. Kont inħoss nuqqas kbir tiegħu. Darbtejn fis-sena biss kien jiġi jarana. F’għeluq snini u fil-ġurnata tal-Milied. Ma tantx kont ingawdih. Kien jiġi, jgħaddi jumejn magħna u jerġa’ jitlaq lura. U kull darba……… Kull darba kien iħalli vojt kbir. Vojt kbir warajh. Akbar minn ta’ qabel. F’kamarti kelli kalendarju mdendel ma’ granpun tal-ħadid, nofsu mdaħħal fil-ħajt, f’kamra kważi vojta. Kont nimmarka l-ġranet kuljum. U dawk il-jumejn speċjali………..dawk kienu jkunu mdawrin bi ċrieki ħomor. Dawk il-ġranet li kien ikun ġej hu. Missieri. “Mamà, xahar ieħor il-Milied,” kont għidt lil ommi xi ġranet ilu. U hi kienet ħarset lejja b’għajnejha jleqqu. Anke hi kienet tħoss in-nuqqas. Imma ma tantx kienet turi. Kont nismagħha tibki waħedha fis-sodda. Kont nismagħha tqalleb fir-ritratti u naqbadha timsaħ id-dmugħ minn fuq ħaddejha. “Mia……” kien qalli meta kien ġie s-sena ta’ qabel, f’għeluq is-sitt snin tiegħi. Kien xtrali ħafna ġugarelli u għannaqni miegħu. Dejjem kien iġibli xi ħaġa miegħu. “Ejja, ħalli ngħallmek tiżfen il-valz.” “Il-valz x’inhu?” kont staqsejtu jiena b’għajnejja kbar, kbar, hekk kif bdejt ngħaffeġ id-drapp tal-libsa li kelli fuqi. Kont qed inħossni skomda. Għax jiena ma kontx naf niżfen. U ma ridtx naqta’ brutta figura quddiem missieri! Dawwart ħarsti lejn il-kejk li kien għad hemm fuq il-mejda, bix-xemgħat mitfijin, nofsu mikul u n-nofs l-ieħor lest għal ġol-friġġ. Ma kienx żmien il-ħela. Kont naf li ommi kienet marret għand Duminku l-furnar sabiex tagħmlu hi stess b’idejha. “Żifna. Żifna waħda. Ejja ħalli niżfnu jiena u inti,” kien qalli b’dak il-leħen sod, li kien jagħtini sensazzjoni ta’ paċi u mħabba.
Nitkellmu mal-membri tal-grupp mużikali Malti SKALD
Se tkunu qed ittellgħu żewġ kunċerti fi Spazju Kreattiv nhar il-Ġimgħa t-28 u s-Sibt id-29 ta’ Jannar. Kif wasaltu għall-pjan li ttellgħu dawn il-kunċerti? U x’għandhom jistennew mis-serata dawk li se jattendu?
Ġejna mistiedna biex intellgħu dan il-kunċert minn Spazju Kreattiv. Kull membru kien ilu bix-xewqa li jdoqq fi Spazju Kreattiv għal żmien twil. Il-post huwa wieħed intimu u laqa’ diversi passjonijiet artistiċi u xogħlijiet teatrali differenti bħal reċti, kunċerti u pantomimi. Ma naħsibx li qatt kellna l-opportunità li ndoqqu f’sala ċirkolari fejn l-ispettaklu jingħata ċ-ċentru tal-attenzjoni b’mod mhux biss figurattiv iżda letterali. Iddedikajna ħafna ġimgħat ta’ prattika akkost tar-restrizzjonijiet u intoppi li esperjenzajna minnħabba l-pandemija. Għandkom tistennew tnedija ta’ xogħol ġdid minn Skald u wirja t’iżjed talenti lokali bħal m’huma ta’ Rea u Ċikku l-Poplu.
Xi jfissru dawn il-kunċerti għal Skald? U għalikom personali?
Nixtiequ li nżommu l-kuntatt mal-pubbliku f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli għall-arti. Nerġgħu ntennu li kienet ilha x-xewqa li niġu milqugħa fil-palk ta’ dan it-teatru żgħir. Inħossu li l-atmosfera sferika mudlama se tkun ta’ benefiċċju għall-għan li nerġgħu nolqtu l-udjenza fil-qalb u l-laħam il-ħaj.
Tistgħu tiżvelaw xi ħaġa dwar il-kunċerti?
Se nkunu qiegħdin nużaw ‘props’ li jorbtu mas-sinifikat ta’ kull diska. Preparajna xogħol ġdid kif ukoll xogħol li diġà ssemma’ qabel. L-aħħar diski li nkitbu se jħejju d-direzzjoni għall-album li jmiss, dejjem jekk id-destin jippermetti.
Kif oriġina l-grupp mużikali SKALD? Kif ingħaqadtu u kif ġiet l-idea għall-isem?
Nixtiequ li nistgħu nirrakkuntawlek xi storja drammatika imma r-realtà hi li ma kellniex ħsieb li ningħaqdu għal tul ta’ żmien. Kien ġie avviċinat wieħed minna biex jgħaqqad grupp malajr ħalli ninterpretaw xi kitbiet ta’ Dun Karm Psaila u ġejna mitlubin nipprovdu isem ta’ band biex ikun jista’ jiġi inkluż fil-programm ta’ dakinhar.
Diġà ma konniex komdi bil-ħin li kellna għall-prattika allura ħriġna b’wieħed ta’ malajr, “Skald”. Ma kellu l-ebda sinifikat ħlief li konna qed indoqqu f’garaxx mimli injam u wieħed kellu joqgħod attent ma jdaħħalx skalda f’subgħajh.
Ftit wara sirna nafu li b’kumbinazzjoni, il-kelma ‘skald’ għandha sinifikat fl-Iskandinavja fejn kienet tiddeskrivi mużiċist jew għannej li kien jirrakkonta poeżiji fuq l-istejjer erojċi ta’ xi persuna.
Koinċidentalment, din kienet r-raġuni għaliex iltqajna, biex indoqqu poeżiji ta’ Dun Karm li fosthom kienu jfaħħru personaġġi bħal Mikiel Anton Vassalli. Meta eventwalment iddeċidejna nkomplu, żammejna l-isem.
Ġeneralment, minn fejn tkun ispirata l-mużika tagħkom?
Hija wisq varjata biex inpoġġuha f’qoffa waħda. Hemm diski li damu ġimgħat biex inkitbu. Hemm diski fejn il-maġġorparti tax-xogħol ikun tlesta waqt estru fis-sagħtejn ta’ filgħodu mill-kantant. Hemm diski li ġew maħsuba fis-sewqan lejn id-dar waqt li konna mwaħħlin fit-traffiku.
L-ispirazzjoni tiġi minn kullimkien. Esperjenzi personali, l-ambjent, l-istorja Maltija, il-letteratura, il-lingwa u anki xogħol artistiku. Il-kitba wkoll tista’ tiġi minn kull wieħed minna.
X’messaġġ tippruvaw twasslu permezz tal-mużika tagħkom?
Kull diska hija differenti imma fl-aħħar mill-aħħar, naħsbu li kollox jorbot mat-tama. Jekk nirrakkuntaw xi storja daqsxejn kiefra, hija dejjem bl-intenzjoni li ma jiġix ripetut l-iżball.
Liema tqisu li kienu l-isbaħ mumenti ta’ Skald s’issa?
Wieħed mill-akbar mumenti ta’ tferfir kien meta ġejna mwiegħda sapport biex naħdmu u eventwalment invaraw l-ewwel album tagħna. Ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed kemm hu diffiċli tipproduċi album u kemm hemm bżonn paċenzja, dedikazzjoni u investiment qawwi biex iseħħ kollox.
L-istess tferfir reġa’ tfaċċa meta ġietna l-opportunità li ndoqqu l-Portugal flimkien. Hija wisq sabiħa u t’unur li tkun tista’ tagħti wirja ta’ mużika Maltija ‘l barra minn xtutna.
Mument ieħor li jibqa’ ankrat fil-memorja hu l-kunċert li rrekordjajna ġewwa l-Manoel, Skaldatura. Kellna l-opportunità li npoġġu xogħlijiet tagħna maġenb dawk ta’ Trevor Zahra taħt l-istess bozza. Minħabba l-pandemija, ma setax ikollna udjenza preżenti, iżda jekk hemm post wieħed f’Malta fejn artist għandu jdoqq f’post baħħ bil-qalb kollha, dak il-post huwa l-Manoel. Il-maesta tat-teatru kienet l-unika spettatriċi tagħna, u kien privileġġ li ndoqqu għaliha.
Tħossu li l-mużika Maltija hija apprezzata biżżejjed?
Kunfidenti ngħidu li s-sitwazzjoni sejra għall-aħjar. Kien hemm żmien fejn il-Malti ma kienx ikollu lanqas ċans imiss mar-radju popolari. Illum il-ġurnata, l-affarijiet inbidlu. Hemm ħafna iżjed gruppi li jkantaw bil-Malti. Hemm ħafna iżjed kittieba li jiktbu bil-Malti. Hemm kunċerti ferm akbar bħal mhu dak ta’ Mużika Mużika. Hemm opportunitajiet biex tirbaħ investiment għal kontribuzzjoni kulturali bħal mhu album bil-Malti jew filmat mużikali ta’ diska Maltija. Hemm artisti li huma diġà stabbiliti li qiegħdin joħorġu u jipproduċu iżjed mużika bil-Malti. Mexjin ‘il quddiem.
Liema mill-kanzunetti li ħriġtu s’issa tħossu li ħalliet impatt l-aktar?
Probabbilment hija Kura peress li kienet il-kavallier fuq quddiem tal-album tagħna. Hija l-iżjed diska minn tagħna li nstemgħet fuq radju, YouTube u anki Spotify. Kura hija diska pjuttost sempliċi li tittratta fuq tradiment romantiku. Madanakollu, dan hu suġġett li jolqot ħafna nies. Anki min m’għaddiex minnha kapaċi jifhem il-kuntest u jpoġġi ruħu fl-istess sitwazzjoni.
Għandkom xi pjanijiet oħra għax-xhur li ġejjin?
Hemm lok li naqgħu ftit kwieti immedjatament wara l-kunċert ġewwa Spazju Kreattiv minnħabba li hemm xi membri għandhom bżonn jiffukaw fuq il-ħajja personali. Iżda malli joqrob is-sajf, ħa nkunu qed noħorġu mużika ġdida. Hija x-xewqa tagħna li terġa’ tiġi opportunità biex nipproduċu album ieħor. Din id-darba, il-kontenut jirrifletti iżjed ideat ġodda wara l-ewwel album Kura. Qed nesperimentaw bi strumenti u tekniki ġodda li se rrendu materjal li joħloq kuntrast ma’ dak li ħdimna fuqu s’issa.
X’messaġġ tixtiequ twasslu lil min qed jaqra din l-intervista?
Sabiex jinkiteb album, ikun hemm bżonn li numru ta’ mużiċisti jiltaqgħu regolarment għal żmien twil ħafna. Dan kollu mill-ħin personali tagħhom. Biex il-mużika toħroġ sabiħa, qed jintużaw strumenti li jiswew l-eluf. Biex jinkera studjo u jiġi rrekordjat, hemm bżonn ġranet sħaħ ta’ xogħol u iżjed eluf. Hemm bżonn flus biex jipproduċu d-diski, biex jiġu ppublikati onlajn u biex jiġu reklamati fuq midja soċjali. Hemm bżonn l-eluf biex jittella’ kunċert sabiex tikri post, tikri d-dawl, tikri l-makkinarju u tqabbad id-diversi inġiniera, ħaddiema u nies tekniċi biex jarmaw kollox.
Appoġġjaw l-artisti lokali bil-but. Hija inutli li wieħed igerger fuq in-nuqqas ta’ mużika Maltija jekk iqarras wiċċu meta jara li jrid joħroġ karta t’għaxar ewri biex jixtri CD jew jara kunċert. Kunu afu li fil-maġġor parti tad-drabi, il-mużika mhi trendi kważi xejn lill-artist, anzi, tipikament jiġri bil-kontra u jispiċċaw jinħarġu flus mill-but. Iċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija għamlet l-affarijiet ħafna iżjed diffiċli. L-affarijiet iggravaw u l-artisti lokali għandhom bżonn il-pubbliku iżjed minn qatt qabel.
Aktar kmieni llum, mijiet ta’ nies inġabru l-Belt Valletta jipprotestaw partikolarment kontra l-obbligu taċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Covid-19.
Minn għada s-17 ta’ Jannar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun obbligatorju biex wieħed jidħol f’dawn:
Bars u nightclubs
Ristoranti
Każini
Snackbars
Ċinema
Pools, spas u sawni
Gyms u ċentri tal-fitness
Bowling alleys
Teatri
Avvenimenti organizzati
Casinos, swali tal-logħob u swali tat-tombla
Il-protesta kienet organizzata mill-Partit Popolari bis-sehem ta’ ABBA, Freedom Movement, Libertà, European United for Freedom, Parents United u The 20%.
Id-dimostranti mxew minn quddiem il-Parlament sa Pjazza San Ġorġ.
Fost bosta kelliema kien hemm il-Kap tal-Partit Popolari Paul Salomone, li qed jitlob ir-riżenja tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.
Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Rebecca Paris, spjegat kif hija kienet persuna kontra l-moviment River of Love u Gordon Manché, qabel ma hi tgħid li saret taf lil Kristu.
Hija qalet li għall-ewwel kienet kienet indeċiża għandhiex tattendi minħabba dak kollu li kienet tisma’ dwar ir-River of Love iżda meta marret u ltaqgħet magħhom saret tħobbhom.
Hija ħeġġet lin-nies biex jattendu u jingħaqdu mar-River of Life u ma jagħtux kas x’jintqal.
Filwaqt li semmiet kemm il-moviment għenha u biddlilha ħajjitha, qalet li kull min jgħajjar lilhom ikun qed jgħajjar lilha wkoll, u lesta li tiddefendihom.
Aktar kmieni Rebecca Paris tellgħet ukoll filmat, fejn esprimiet il-ħsibijiet tagħha dwar dak li qed jintqal b’rabta mal-każ tal-qtil ta’ Paulina Dembska.
Filwaqt li qalet li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu, sostniet li ċerti tgħajjir u malafama għandhom bżonn jinqatgħu.
Dwar il-każ ta’ Paulina Dembska qalet li jiddispjaċiha għall-familja tal-vittma u anke tal-allegat qattiel u għandhom bżonn it-talb. Madankollu, hija qalet li mhuwiex sew li jeħel Gordon Manché jew xi membri tal-moviment River of Love.
Rebecca qalet li jattendu ħafna żgħażagħ li fi kliemha, ikunu nħelsu minn ċerti vizzji u dawn iġibu lil ħaddieħor bit-tama li jsir l-istess magħhom. Waqt dan, hija qalet li rat ħafna ġid iseħħ quddiem għajnejha.
Skont Rebecca Paris, kien proprju dan li ġara fil-każ tal-allegat qattiel ta’ Paulina Dembska. Hija spjegat kif membru ta’ River of Love, li għamel ħafna ġid, prova jgħinu biex jara trasformazzjoni fih.
Fl-istess waqt hija kkonfermat li l-allegat qattiel attenda darba, u ġara li ġara, imma m’għandhomx jeħlu n-nies tar-River of Love.
Fil-filmat, tirreferi wkoll għal Gordon Manché, bħala bniedem ta’ Alla, u magħżul.
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.