Select Page
Il-Papa Franġisku jwiegħed ġustizzja għall-vittmi ta’ abbuż sesswali wara l-aħħar rapporti li ħarġu

Il-Papa Franġisku jwiegħed ġustizzja għall-vittmi ta’ abbuż sesswali wara l-aħħar rapporti li ħarġu

Il-Papa Franġisku wiegħed ġustizzja għall-vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-Knisja Kattolika wara li rapporti żvelaw li l-Papa Emeritus Benedittu XVI naqas milli jaġixxi f’erba’ każi ta’ abbuż meta kien Arċisqof ta’ Munich, il-Ġermanja.

Il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-membri tal-uffiċċju tal-Vatikan li jieħu ħsieb każijiet ta’ abbuż sesswali.

Fid-diskors tiegħu, il-Papa ma semmiex dak li ġie żvelat mir-rapport dwar kif l-arċidjoċesi ta’ Munich trattat każijiet ta’ abbuż mill-1945 u l-2019, iżda qal li l-knisja qed tkompli tiddixxerni t-triq ‘il quddiem fl-iskandlu tal-abbuż, li skredita lill-ġerarkija Kattolika fil-Vatikan u madwar id-dinja.

Huwa qal li l-knisja, bl-għajnuna t’Alla, qed twettaq l-impenn b’determinazzjoni soda li sseħħ ġustizzja mal-vittmi ta’ abbuż mill-membri tagħha, billi tapplika b’attenzjoni u rigorożità partikolari għal-leġiżlazzjoni kanonika prevista.

Pressjoni fuq Boris Johnson biex jirriżenja wara rapporti dwar parties li saru lejlet il-funeral tal-Prinċep Philip

Pressjoni fuq Boris Johnson biex jirriżenja wara rapporti dwar parties li saru lejlet il-funeral tal-Prinċep Philip

Tiżdied il-pressjoni fuq il-Prim Ministru tal-Ingilterra Boris Johnson biex jirriżenja wara li rapporti żvelaw li saru żewġ staff parties f’10 Downing Street, l-uffiċċju tal-Prim Ministru lejlet il-funeral tal-Prinċep Philip.

Fir-rapporti ġie żvelat li f’dawn il-parties kien hemm nies jixorbu u jiżfnu, u saħansitra xi ħadd minnhom mar jixtri b’bagalja biex jimliha bil-fliexken tal-inbid. Dan kollu seħħ meta l-pajjiż kien f’perjodu ta’ luttu nazzjonali u qabel ma r-Reġina kellha toqgħod bilqiegħda waħedha fil-funeral ta’ żewġha minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Dawn ir-rapporti ma ġewx miċħuda, tant li l-uffiċċju tal-Prim Ministru talab skuża lir-Reġina.

Ġie rrappurtat li ż-żewġ parties saru fis-16 t’April tal-2021 u baqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Il-kelliem tal-Prim Ministru qal li huwa ta’ dispjaċir kbir li dan seħħ fi żmien ta’ luttu nazzjonali.

Skont rapporti, Boris Johnson ma kienx preżenti fl-ebda party iżda qed jiffaċċja mistoqsijiet dwar allegat ksur tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 f’10 Downing Street.

Dan għaliex dak iż-żmien, il-pajjiż kien taħt restrizzjonijiet stretti tal-Covid-19 li jipprojbixxu s-soċjalizzazzjoni ma’ persuni li ma jgħixux fl-istess dar.

Dawn ir-rapporti ħarġu wara oħrajn li żvelaw li l-Prim Ministru Boris Johnson attenda party fil-ġnien ta’ Downing Street waqt l-ewwel lockdown tal-Covid-19. Lanqas dawn ma ġew miċħuda għaliex Boris ammetta u skuża ruħu talli attenda, minkejja li żied jgħid li l-party kien organizzat skont il-protokolli.

Diversi membri parlamentari konservattivi u mill-partit Laburista qed jinsistu għar-riżenja ta’ Boris Johnson.

Il-WHO tgħid li fix-xahrejn li ġejjin aktar minn nofs l-Ewropej se jkunu infettati bl-Omicron

Il-WHO tgħid li fix-xahrejn li ġejjin aktar minn nofs l-Ewropej se jkunu infettati bl-Omicron

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li aktar minn nofs in-nies fl-Ewropa se jkunu infettati bil-varjant Omicron fix-xahrejn li ġejjin jekk l-infezzjonijiet ikomplu bir-rata attwali.

Waqt konferenza stampa, id-direttur reġjonali Hans Kluge wissa li l-varjant Omicron qed jirrappreżenta mewġa oħra mill-punent għal-lvant madwar ir-reġjun Ewropew.

Huwa qal li b’din ir-rata, qed jiġi mbassar li aktar minn 50 fil-mija tal-popolazzjoni fir-reġjun se tkun infettata bl-Omicron fis-6 sa 8 ġimgħat li ġejjin.

Ir-reġjun Ewropew tal-WHO jinkludi 53 pajjiż u territorju inklużi diversi fl-Asja Ċentrali. Kluge qal li 50 minnhom irrappurtaw każijiet tal-varjant Omicron.

Skont il-WHO, 26 minn dawk il-pajjiżi irrappurtaw li aktar minn wieħed fil-mija tal-popolazzjoni tagħhom kienu qed jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 kull ġimgħa, u li aktar minn seba’ miljun każ ġdid ġew irrappurtati fl-ewwel ġimgħa tal-2022 fir-reġjun.

B’referenza għad-dejta miġbura matul l-aħħar ftit ġimgħat, Kluge qal li l-varjant ġie kkonfermat li huwa aktar trażmissibbli u l-mutazzjonijiet li għandu jippermettulu jaderixxi maċ-ċelloli umani b’mod aktar faċli, u jista’ jinfettaw anke lil dawk li jkunu ġew infettati jew imlaqqma qabel.

Madankollu, Kluge saħaq ukoll li l-vaċċini approvati jkomplu jipprovdu protezzjoni tajba kontra mard sever u mewt, inkluż għall-Omicron.

Minkejja rapporti ta’ numru kbir ta’ każijiet mingħajr sintomi u proporzjon aktar baxx ta’ dħul fl-isptarijiet għal każijiet tal-Omicron, il-WHO qalet li għadu kmieni wisq biex il-virus jitqies bħala wieħed endemiku, jiġifieri virus ħafif li jaqbdek regolarment bħall-influwenza.

Fr David Muscat se jitressaq il-Qorti fuq diskors ta’ mibgħeda

Fr David Muscat se jitressaq il-Qorti fuq diskors ta’ mibgħeda

Skont rapporti minn sorsi ta’ aħbarijiet lokali, Fr David Muscat se jkun qed jitressaq il-qorti fuq diskors ta’ mibgħeda “hate speech”.

Huwa mistenni jitressaq il-qorti lejn l-aħħar ta’ Jannar.

Dan wara li Fr David Muscat għadda kummenti omofobiċi fuq il-midja soċjali, fejn qal li tkun omosesswali jew bisesswali huwa agħar milli tkun possedut mix-xitan.

B’reazzjoni għal dan u wara li bosta semmgħu leħinhom u esprimew l-uġigħ tagħhom, l-Arċisqof Charles Scicluna wissa formalment lil Fr David Muscat u tah struzzjonijiet biex iħassar il-kummenti u ma jibqax jgħaddi kummenti li jinsulentaw, inkella jitwaqqaf milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.

Mistennijin temperaturi aktar kesħin u xita fil-jiem li ġejjin!

Mistennijin temperaturi aktar kesħin u xita fil-jiem li ġejjin!

Skont rapporti meteoroloġiċi, minn għada mistennijin temperaturi aktar kesħin u ħalbiet tax-xita li xi drabi jistgħu jkunu b’silġ żgħir jekk kif riħ qawwi f’livell għoli tal-atmosfera jerġa’ jistabilixxi ruħu fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u jidderieġi firxa wara oħra ta’ pressjoni baxxa lejn il-gżejjer Maltin.

Dan mistenni jibqa’ matul il-ħamest ijiem li ġejjin!

Enable Notifications    OK No thanks