by Loriana Mazzonello | 24/Apr/22 | Konf Taf?
Meta wieħed isemmi tniġġis, in-nies ġeneralment jaħsbu fuq tniġġis tal-ilma u tal-arja. Iżda hemm tip ta’ tniġġis ieħor li jagħmel daqstant ħsara.
L-assoċjazzjoni internazzjonali tas-sema skur (IDA – International Dark-Sky Association) tgħid li kull dawl artifiċjali li mhux meħtieġ huwa tniġġis li għandu konsegwenzi serji u hu ta’ ħsara.
Skont l-IDA, it-tniġġis tad-dawl jista’ jfixkel l-annimali selvaġġi, ikollu impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, ħela ta’ enerġija u flus, jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima, u jfixkel dak li naraw fl-univers.
Biex tgħin tindirizza din il-problema, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sema Skur, kull April tospita dik li hi magħrufa bħala l-Ġimgħa Internazzjonali tas-Sema Skur, magħrufa ukoll bħala International Dark Sky Week, biex tqajjem kuxjenza dwar l-effetti ta’ ħsara tat-tniġġis tad-dawl. Il-Ġimgħa Internazzjonali tas-Sema Skur tibda fit-22 ta’ April biex tikkoinċidi ma’ Jum id-dinja u testendi sat-30 ta’ April.
L-IDA tistima li t-tniġġis tad-dawl qed jiżdied b’rata doppja tat-tkabbir tal-popolazzjoni u 83% tal-popolazzjoni hija esposta għall-konsegwenzi kkawżati mit-tniġġis tad-dawl.
Meta d-dawl ta’ barra jintuża b’mod effettiv jista’ jnaqqas it-tniġġis u hekk iwassal għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Id-dawl ta’ barra jista’ jintuża b’mod responsabbli billi tużah biss fejn ikun meħtieġ, meta jkun meħtieġ u fl-ammont meħtieġ.
Metodi ohra jinkludu li tuża l-inqas livell ta’ dawl meħtieġ, tutilizza kontrolli (bħal timers jew sensors tal-moviment), u uża lqugħ biex timmira d-dawl, sabiex tevita milli jinħela dawl fejn m’hemmx bżonn.
Fuq is-sit elettroniku tagħha Home – International Dark Sky Week, l-IDA toffri informazzjoni dwar kif tista’ tagħti sehmek fit-tnaqqis tat-tniġġis tad-dawl b’dawn is-sitt metodi differenti ta’ azzjoni:
- Issir xjenzat komunitarju li jkejjel u jissottometti osservazzjonijiet lokali tal-luminożità tas-sema bil-lejl.
- Inventarju tad-dawl tad-dar tiegħek biex tiżgura li int effiċjenti fl-enerġija.
- Ingħaqad mad-Dark Sky Advocate Network u kun parti mill-edukazzjoni tal-pubbliku u tippromwovi l-leġiżlazzjoni.
- Organizza mixja bil-lejl biex tgħallem lill-membri tal-komunità tiegħek dwar prattiki tajbin tad-dawl u l-ħsara tat-tniġġis tad-dawl.
- Issieħeb ma’ organizzazzjonijiet oħra biex ixxerred il-kelma dwar il-Ġimgħa tas-Sema Skur.
- Ingħaqad u agħti s-sehem tiegħek għal dan l-għan globali tal-IDA.
Il-midja soċjali huwa mezz tajjeb ħafna sabiex titgħallem aktar dwar x’inhu jagħmel ħaddiehor biex jiċċelebra l-Ġimgħa Internazzjonali tas-Sema Mudlama, partikolarment billi tfittxu l-hashtags #IDSW2022, #DarkSkyWeek, jew #DiscoverTheNight.
Kun parti mis-soluzzjoni u mhux mill-problema!
by skoperta.net | 05/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Fil-programm Pjazza li jixxandar fuq ONE TV, il-Ministru Chris Fearne għal darb’oħra reġa’ sostna li s-sitwazzjoni fl-isptar Mater hija taħt kontroll u m’hemm l-ebda kriżi.
Huwa saħaq li minkejja li n-numru ta’ każijiet ġodda tal-Covid-19 qed ikun kbir, Malta għandha l-ogħla rata ta’ nies li ħadu l-booster fid-dinja. Għaldaqstant sostna li l-immunità fil-komunità hija waħda għolja.
Huwa qal kien hemm żmien fejn fl-ITU kien hemm 40 pazjent u s-sitwazzjoni wkoll kienet taħt kontroll. Huwa qal li llum hemm erbgħa u Malta għandha l-inqas rata ta’ pazjenti fl-ITU. Żgħid li l-maġġoranza li qegħdin l-isptar u li huma pożittivi għall-Covid-19 mhumiex qegħdin hemm minħabba kumplikazzjonijiet tal-Covid-19 iżda minħabba raġunijiet oħra.
Għal darb’oħra, il-Ministru reġa’ kkonferma li l-pjan ta’ dik li qed tissejjaħ bħala l-exit roadmap, se jkompli għaddej fil-ġranet li ġejjin.
Dan qalu ftit sigħat wara li l-MUMN ħarġet stqarrija li l-isptar Mater Dei jinsab fi kriżi serja minħabba li hemm numru kbir ta’ pazjenti pożittivi għall-Covid-19 mifruxa fis-swali kif ukoll nuqqas kbir ta’ infermiera.
by skoperta.net | 14/Mar/22 | Tagħrif
Kull gwerra tħalli effetti diżastrużi, primarjament fit-telfiet tal-ħajja ta’ diversi persuni. Effett ieħor tal-gwerra huwa wkoll fuq l-ekonomija kemm dak tal-pajjiżi li direttament huma affettwati mill-gwerra u anke ta’ pajjiżi li indirettement ukoll jiġu affettwati.
Il-gwerra fl-Ukrajna ġiet fiż-żmien fejn pajjiżi diġà bdew jesperjenzaw inflazzjoni għolja ikkawżata mill-effett tal-Covid. Fl-Ewropa, l-inflazzjoni s-sena l-oħra kienet kwazi 3%, rata li ilha ma tiġi reġistrata għal aktar minn għaxar snin. Bl-effett tal-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni mistennija tiżdied ħafna iktar. Ir-raġuni primarjament hija minħabba l-importanza tar-Russja fl-ekonomija globali kif ukoll tal-Ukrajna.
Biss biss, mill-aspett ta‘ enerġija, kwazi 40% mill-elettriku fl-Ewropa huwa ġenerat mill-fossil fuels u l-ikbar sors ta‘ gass u żejt ġej mir-Russja. Iċ-ċaqliq fil-kwantità tirrifletti fil-prezzijiet taż-żejt, tant hu hekk li l-prezz taż-żejt beda jeskala b’rata allarmanti. Dan iċ-ċaqliq jiġi rifless ukoll fil-prezzijiet tad-dawl li jħalli impatt qawwi fuq l-enterpriżi kif ukoll familji, partikolari dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Sfortunatement l-Ewropa għadha ma ddiversifikatx biżżejjed is-settur tal-energija u b‘hekk id-dipendenza fuq ir Russja għadha wisq gholja.
L-effett fuq l-ekonomija mistenni jinħass ukoll fuq l-ikel. L-Ukrajna tipproduċi l-akbar volum ta’ sunflower oil u r-Russja t-tieni l-akbar produzzjoni. Bejniethom it-tnejn jipproduċu madwar 60% mill-ammont globali. Dawn iż-żewġ pajjiżi jesportaw ukoll kwazi 30% mill-qamħ globali. Hekk kif il-produzzjoni tieqaf minħabba il-gwerra, il-prezzijiet ta’ dawn il prodotti kif ukoll prodotti li jiddependu fuqhom, bħal ħalib u għaġin, mistennija jiżdiedu sostanzjalment ukoll.
L-effett tal-inflazzjoni, u b’hekk l-għoli tal-ħajja, tirriżulta wkoll fit-tnaqqis ta’ konsum u ta’ investiment: żewġ pilastri tal-ekonomija. Hekk kif il-konsum u l-investiment jonqos minħabba ż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll minħabba l-inċertezza globali, l-ekonomija tibda tistagħġna u minflokk tikber tibda tiċkien. Dan jispiċċa jirrifletti fi problemi għall-impjiegi kif ukoll id-dħul għall-ekonomiji.
Għalhekk l-effett ta’ din il gwerra mistenni jkun dirett u indirett kif ukoll effetti ta’dak li huwa immedjat u dak li glad irid jinħass għat-tul ta’ żmien. It-tama hi li s-soluzzjonijiet ma jdumux ma jinstabu u li l-għajnuna tingħata diretta u kif meħtieġa, partikolarment għal min ikun l-aktar affettwat.
by Tanja Cilia | 04/Feb/22 | Riflessjonijiet, Varjetà
Hawn min jgħid li r-rabja hija kurazza li tipproteġina mill-għemil ħażin ta’ ħaddieħor. Hawn min isostni li r-rabja hija velenu li jħassarlek saħħtek.
Dan forsi minnu, u forsi le; li hu żgur hu li wara r-rabja dejjem ikun hemm moħbija emozzjonijiet oħra. Inti forsi taħseb li qed tirrabja ma’ xi ħadd, imma dak il-ħin ma tkunx qed tqis is-sentimenti li tqajmu fik. Din insejħulha l-Anger Iceberg, għax naraw biss li jidher, u d-dwejjaq, il-mistħija, id-dipressjoni, u l-biża’ ma jidhrux.
Ir-rabja ġġiegħel id-demm jiċċirkola f’idejna, ir-rata tat-taħbit tal-qalb tiżdied, u l-ormoni, fosthom l-adrenalina, joħloqu spinta t’enerġija u hawn tidħol l-espressjoni Ingliża “fight or flee”.
Hawn familji fejn ir-rabja ma titħalliex teżisti; kulħadd irid iżomm l-emozzjonijiet negattivi msakkrin fih; u meta niltaqgħu magħhom f’xi ħaddieħor, niksħu.
Identifika s-sentimenti li mhux qed jidhru; Antida tirrabja għax xi ħadd ipparkja fejn soltu tipparkja hi. Imma fil-fatt, illum għeluq sninha, u ħadd ma ftakar.
Janet irrabjata għax il-kolazzjon tal-iskola illum bil-perżut, mhux bil-mortadella; imma fil-fatt, Shanice għaddietha b’żewġ marki fit-test tal-Germaniż. Irene irrabjata għax ix-xita xarbitilha l-ħasla. Imma fil-fatt, qed tibża’ li għandha kanċer. Sophia irrabjata għax inkisrilha difer. Imma fil-fatt, qed tħoss li hi biss, minn sitt aħwa, qed tieħu ħsieb il-ġenituri, “għax baqgħet xebba”.
Kultant ir-rabja tkun l-emozzjoni bażika li nuru għal xi ħaġa li ma tkunx, jew ma tmurx, kif nixtiquha aħna. Imma għalkemm din qisha xi ħaġa normali, ma tibqax hekk, jekk int tagħmel il-ħajja ta’ ħaddiehor miżerja minħabba xi ħaġa li mhux tort tagħhom, u li int ma tistax tirranġaha.
Min ikun qed jirrabja miegħek, mhux bilfors li jkun qed jirrabja għalik; imma dak il-ħin… int hemm quddiemu. Ir-rabja tgħin li dak li jkun biex ma jħossux vulnerabbli; jaħseb li int se titwaħħax, u ma tweġġgħux iżjed.
Jekk int tipprova tifhem il-kawża tar-rabja, forsi tasal biex tifhem lill-persuna li qed tirrabja. Min qed jirrabja forsi jaħseb li s-sentimenti tiegħu qatt ma jkunu indirizzati jew validati, u r-rabja hija l-frustrazzjoni li jħoss.
Jista’ jkun li r-rabja hija talba għall-għajnuna għax il-persuna tħossha megħluba minn xi sitwazzjoni li tkun fiha – abbuż, vizzji, dejn, mard, ġlied…
Jeħtieġ li meta jkun hemm ir-rabja, kemm tagħna u kif ukoll ta’ ħaddiehor, inħarsu lil hinn minnha.
Importanti li meta naraw lil xi ħadd jirrabja, la niddieħqu bih, u wisq inqas, ma ngħidulux biex jikkalma għax qed tirreaġixxi żżejjed. B’hekk, inkunu qed ngħidulu li m’għandux dritt juri li jħoss; aħseb u ara kemm se jrabbi l-kuraġġ biex jiftaħ qalbu dwar dak li mhux qed jidher.
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista
by skoperta.net | 22/Jan/22 | L-Aħħar Aħbar
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-ġimgħa d-dieħla se jitħabbru d-dati ta’ meta se jitneħħew aktar miżuri.
Huwa qal li l-miżuri għandhom jiddaħħlu fis-seħħ u jitneħħew f’waqthom. Il-Ministru żied jgħid li l-isptarijiet u t-taqsimiet tal-kura intensiva baqgħu taħt kontroll u pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ tilqim.