Select Page
Avviż biex jaqflu l-klieb f’kamra waqt it-tberik iqajjem diversi reazzjonijiet

Avviż biex jaqflu l-klieb f’kamra waqt it-tberik iqajjem diversi reazzjonijiet

Stampa li bdiet tiċċirkola fuq il-midja soċjali f’dawn l-aħħar jiem, li turi avviż kemxejn partikolari, qajmet kontroversja u diversi reazzjonijiet.

Fl-avviż, dawk li għandhom il-klieb qed jiġu mitluba biex waqt it-tberik, iżommu l-klieb taħt kontroll, ma jħalluhomx jiġru madwar id-dar u jżommuhom maqfulin f’kamra għaliex inkella l-qassis ma jkunx jista’ jidħol.

Bosta jaħsbu li dan l-avviż mhuwiex ġust għaliex skont huma, ħadd m’għandu dritt jobbliga lil ħadd x’jagħmel f’daru speċjalment dwar dawk li għal ħafna huma meqjusa bħala membri tal-familja. Għal din ir-raġuni u diversi raġunijiet oħrajn, bosta sostnew li jippreferu ma jbirkux milli jagħmlu dan.

Oħrajn jaħsbu li m’hemm xejn ħażin li wieħed jaqfel il-klieb tiegħu għal ftit ħin waqt it-tberik, speċjalment jekk ir-raġuni għal dan l-avviż ġejja mill-possibilità li l-qassis jibża’ mill-klieb.

Uħud qalu li dan jista’ jiġri għal kwalunkwe persuna li tidħol f’dar ta’ xi ħadd li jkollu l-klieb, inkluż ħaddiema u persuni oħrajn li jagħtu servizz. Għaldaqstant staqsew għaliex xi wħud isibu problema li jaqgħu l-klieb għal ftit ħin waqt it-tberik u ma jsibux problema li jagħmluha għal persuni oħrajn f’ċirkostanzi differenti.

Int x’taħseb dwar dan?

Ir-Russja twissi li r-riskji ta’ gwerra nukleari huma reali u għandhom jittieħdu bis-serjetà

Ir-Russja twissi li r-riskji ta’ gwerra nukleari huma reali u għandhom jittieħdu bis-serjetà

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja Sergey Lavrov wissa li r-riskji ta’ gwerra nukleari huma reali u għandhom jittieħdu bis-serjetà. Madanakollu, huwa qal li pajjiżu qed jistinka biex inaqqas ir-riskju li dan iseħħ.

B’referenza għal dikjarazzjoni famuża minn Ronald Reagan u Mikhail Gorbachev, meta l-mexxejja ta’ dak iż-żmien tal-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika qablu li “gwerra nukleari ma tistax tintrebaħ u qatt ma għandha tiġi miġġielda,” Lavrov qal li “l-inammissibbiltà tal-gwerra nukleari” baqgħet il-“pożizzjoni ta’ prinċipju” tar-Russja.

Lavrov issuġġerixxa wkoll li dawn ir-riskji huma konsegwenzi tar-reazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-Punent u li qed jirrifjutaw li jafdaw lir-Russja. Huwa enfasizza l-falliment li jinstab suċċessur għal trattat tas-snin tmenin bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika li jipprojbixxi l-armi nukleari ta’ medda medja.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat Russa RIA Novosti, Lavrov qal lill-intervistatur Russu li l-pajjiżi tal-Punent kienu qed iħeġġu lill-Ukrajna biex tkompli tiġġieled – muri mit-talbiet li qed jinbidlu tal-Ukrajna, huwa qal.

Iżda qal li għadu jemmen li l-gwerra kienet se tispiċċa b’dak li RIA Novosti ddeskriviet bħala “l-iffirmar ta’ dokument diplomatiku.”

Il-Prim Ministru Awstraljan ikkritikat wara li qal li hu mbierek li m’għandux tfal b’diżabilità

Il-Prim Ministru Awstraljan ikkritikat wara li qal li hu mbierek li m’għandux tfal b’diżabilità

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison ġie kkritikat wara li f’risposta għal mistoqsija li saritlu waqt dibattitu qabel l-elezzjoni minn mara li għandha t-tifel tagħha artistiku, qal li hu mbierek li m’għandux tfal b’diżabilità.

Il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni u oħrajn ikkritikaw il-kumment tiegħu.

Il-Membri Parlamentari tal-Gvern qalu li l-kuntest tal-kumment intilef fir-reazzjoni negattiva li qamet

Waqt id-dibattitu ta’ Morrison mal-Mexxej Laburista Anthony Albanese, il-mara, identifikata bħala Catherine – staqsiet dwar finanzjament għal skema ta’ sapport għad-diżabilità.

Hija staqsietu dwar il-futur tal-Iskema Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tad-Diżabilità taħt il-gvern tiegħu.

Il-Prim Ministru beda billi staqsa lil Catherine għall-isem ta’ binha. Wara li wieġbet li kien Ethan, Morrison qal li hu u martu Jenny imberkin, li għandhom żewġt itfal li ma kellhomx għalfejn jgħaddu minn hekk.

Żied jgħid li għalhekk, għall-ġenituri bi tfal li huma b’diżabilità, jista’ biss jipprova jifhem l-aspirazzjonijiet tagħhom għal uliedhom.

Wara r-reazzjoni li qamet għall-kummenti tiegħu, Morrison qal li l-kumment tiegħu ma qalux b’intenzjoni ta’ diżrispett iżda kien qed jipprova jgħid li peress li mhuwiex fiż-żarbun ta’ ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità, ma jippretendix li jifhem eżatt is-sitwazzjoni daqshom.

L-elezzjoni tal-Awstralja se ssir fil-21 ta’ Mejju. Il-polls kienu ippruvati li ma kinux affidabbli fl-aħħar elezzjoni, iżda bħalissa juru li l-oppożizzjoni hija kemxejn favorita biex tirbaħ.

Il-Papa jbus il-bandiera Ukrena u jikkundanna l-massakru li sar f’Bucha

Il-Papa jbus il-bandiera Ukrena u jikkundanna l-massakru li sar f’Bucha

Il-Papa Franġisku kkundanna l-massakru li sar f’dawn l-aħħar jiem fil-belt Ukrena, Bucha u bies il-bandiera Ukrena mibgħuta proprju minn din il-belt.

L-imwiet f’Bucha, barra Kyiv, qajmu reazzjonijiet ta’ niket u rabja madwar id-dinja, u wegħdiet ta’ aktar sanzjonijiet kontra r-Russja mill-Punent.

Waqt li kien qed jindirizza l-udjenza ġenerali tiegħu fil-Vatikan Papa qal li l-aħbarijiet dwar il-gwerra fl-Ukrajna, minflok ġabu serħan u tama, ġabu atroċitajiet ġodda.

Għal darb’oħra, il-Papa appella biex jintemmu l-atroċitajiet li dehru f’Bucha, fejn instabu katavri ta’ nies innoċenti mifruxa mat-toroq.

Ir-Russja ripetutament ċaħdet l-allegati atroċitajiet u l-allegazzjonijiet huma mmirati biex jagħmlu l-ħsara.

Filwaqt li l-Papa Franġisku għadu ma marx l-Ukrajna minn mindu bdiet l-invażjoni, nhar is-Sibt it-2 t’April, waqt li kien fi triqtu lejn Malta, qal lill-ġurnalisti li żjara fl-Ukrajna qiegħda fil-pjanijiet tiegħu.

Filmat: “Għandna tant artisti tajbin f’Malta, għaliex ma ninvestux aktar fihom?” – Angele Galea

Filmat: “Għandna tant artisti tajbin f’Malta, għaliex ma ninvestux aktar fihom?” – Angele Galea

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin f’pajjiżna li ħafna jsostnu fuqhom hija dik li minkejja l-potenzjal u t-talent, ix-xogħol tal-artisti Maltin mhuwiex apprezzat biżżejjed u ma jiġix meqjus bħala professjoni bħall-kumplament tal-professjonijiet l-oħra.

Uħud isostnu li din il-mentalità tirrifletti l-isfidi li l-artisti Maltin ilhom jiffaċċjaw għal snin twal, u li għadhom għaddejjin sal-ġurnata tal-lum, prinċiparjament minħabba li l-qasam tal-arti ma jingħatax prijorità kif xieraq mill-istat.

Is-serata tal-Malta Film Awards li ttellgħet riċentament qanqlet bosta reazzjonijiet u kritika minn numru ta’ artisti, li wħud minnhom saħansitra ma daħħlux ix-xogħlijiet tagħhom biex iwasslu messaġġ.

Fost diversi kwistjonijiet li qajmu kontroversja fuq din is-serata kienet dik li ħafna ħassew li ma kienx ġust il-fatt li ntefqu ammont kbir ta’ flus fuq serata meta n-nuqqas ta’ investiment fl-artist innifsu għadha waħda mill-problemi kbar f’din l-industrija.

skoperta.net għamel kuntatt mal-artista Angele Galea, u qasmet magħna l-ħsibijiet tagħha fuq dan.

Angele qalet li tawgura li l-wegħda li l-investiment isir aktar fl-artisti milli fix-shows tinżamm, għaliex huwa investiment għaqli meta tinvesti fl-artisti.

Hija qalet li l-artisti jafu jippreżentaw storja f’diversi forom li tista’ tiġi ppreżentata fosthom sensiliet televiżivi u films.

“Investiment f’dan it-tip ta’ arti jista’ jgħin biex pajjiż ikun aktar sostenibbli, għaliex int qed tinvesti fit-talenti tan-nies li jgħixu fil-pajjiż u qed toħloq interess kull fejn tesporta l-istorja”

Angele Galea

Angele spjegat kif films bħal Simshar u Luzzu, li t-tnejn li huma jittrattaw dwar stejjer li ġraw Malta minn nies Maltin, huma reklam sabiħ ħafna għal Malta minkejja li jkunu qed jittrattaw kull aspett tal-pajjiż, kemm dak ħażin kif ukoll tajjeb.

Fid-diskors tagħha, Angele irreferiet għall-investiment li sar mill-Ministeru tal-Kultura tal-Korea fl-1997 minħabba l-kriżi finanzjarja li kienu għaddejjin minnha.

Hija qalet li minħabba li għarfu li għandhom jinvestu fl-istory tellers, irnexxielhom mhux biss jippromwovu mad-dinja dak kollu li hu Korean imma wkoll qed jiġbdu lejn il-Korea investimenti ġodda, turiżmu, interess anke fil-lingwa u fil-prodott li jipproduċu huma. Żiedet tgħid li dan kollu ħareġ mill-investiment li sar dak iż-żmien u għadu għaddej sal-lum fl-artisti tagħhom.

“… Għandna tant artisti tajbin f’Malta, u lesti, u ħerqana, għaliex ma ninvestux aktar fihom?”

Angele Galea

Enable Notifications OK No thanks