“Alla ta don lil kulħadd… m’għandi xejn aktar speċjali minn ħaddieħor” – Kyran

“Alla ta don lil kulħadd… m’għandi xejn aktar speċjali minn ħaddieħor” – Kyran

Nitkellmu ma’ Kyran Bonello, ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent.

Nistqarr li mill-ewwel darba li rajt u smajt lil Kyran, emozzjonani mhux ftit, u baqa’ jemozzjonani kull darba, tal-mument li ġie ddikjarat rebbieħ.

F’Kyran nara ħafna aktar minn dan it-talent fenomenali li għandu, għaliex lil hinn minn dan, jien nara lil Kyran bħala xempju tal-paċi, umiltà u ġenwinità, u filwaqt li ninsab ċerta li se jkollu karriera mużikali ta’ suċċess kbir, ninsab ċerta wkoll se jkompli jagħmel differenza u ħafna ġid, permezz tat-talent u l-personalità unika tiegħu.

Kyran, onorata li ddedikajt ftit mill-ħin tiegħek biex nagħmlu din l-intervista. Grazzi.

Kyran, għaddew ftit jiem mill-mument li tħabbar li int ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent. Kif qed tħossok?

Ngħid l-verità, għadni emmozzjonat s’issa. Kien mument li mhux se ninsewh qatt.

Kif ħassejtek kif Gianni ħabbar li int ir-rebbieħ?

Dak il-ħin kont qisni qed ngħix f’ħolma, u għalkemm issa għaddew ftit jiem, għadni ma nistax nemmen. Li bis-saħħa t’Alla u bil-voti tal-pubbliku wasalt biex irbaħt hija xi ħaġa inkreddibli. M’hemmx kliem biżżejjed biex tiddeskriviha.

X’kien li ġiegħlek tapplika għal Malta’s Got Talent?

Daqs kemm ħajruni l-ġenituri u l-għalliema tal-kant tiegħi, għalhekk bħal speċi għedt issa la ġietni l-opportunità napplika u mbagħad f’idejn il-Mulej.

Kont qed tistenna li se tirċievi rispons daqshekk pożittiv mill-pubbliku?

Biex ngħidlek il-verità ma kellix idea li se jkolli daqshekk rispons mill-pubbliku.

Liem mill-prestazzjonijiet li għamilt hija l-aktar għal qalbek?

Kollha ħadt pjaċir nagħmilhom u kollha kemm huma kienu emozzjonanti. F’kollha bkejt bil-ferħ. Pereżempju fl-audition kelli l-mument tal-golden buzzer li kien mument inkredibbli u memorabbli. Fis-semifinali kantajt il-kanzunetta favorita tiegħi, li hija l-Ave Maria. Fil-finali imbagħad kien hemm il-mumemt tar-rebħa allura ovvja li se jkun mument speċjali ħafna għalina.

Semmejt lil Sarah Zerafa, xi tgħidilna dwarha?

Mara mill-aħjar u kuntent ħafna li sirt nafha għax mill-ewwel darba tal-audition tiegħi f’Malta’s Got talent, mill-ewwel emmnet fija.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fuq Malta’s Got Talent?

Esperjenza sabiħa mmens, m’hemmx biżżejjed kliem biex niddiskriviha.

X’fisser għalik is-sapport tal-ġenituri tiegħek matul dan il-vjaġġ?

Is-sapport tagħhom ifisser ħafna għalija, mhux matul dan il-vjaġġ biss imma dejjem sibthom hemm għalija. Il-ġenituri huma l-ewwel persuni li ssibhom matul ħajtek, anke fid-diffikultajiet.

Issa li nistgħu ngħidu li int persuna pubblika, kif inbidlet ħajtek minn wara Malta’s Got Talent?

Veru li issa sirt persuna pubblika imma ħajti li l-istess baqgħet għaliex jien m’għandi xejn aktar speċjali minn ħaddieħor. Alla ta don lil kulħadd biex jużah sew ladarba jiskoprih, jużah biex iferraħ lil ħaddieħor u hekk nipprova nagħmel jien.

Jumejn ilu, fl-iskola fejn tattendi, il-Kulleġġ ta’ Santa Tereża, l-Imrieħel, għamlulek sorpriża mill-isbaħ. Kif ħassejtek dak il-ħin?

Kien mument impekkabbli ħafna għalija xħin rajt lill-sħabi tal-klassi jifirħuli u l-kumplament tat-tfal. Xħin ġew il-familja tiegħi Kif ukoll xħin ġiet il-judge Sarah Zerafa (Sosa) bħala sorpriża, bħal speċi għall-ewwel ma ridtx nemmen lil għajnejja kienet xi ħaġa emozzjonanti ħafna. Kif ukoll xħin tawni l-statwa ta’ San Lawrenz mingħand l-istaff kollu u l-istudenti tal-iskola kollha. Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom minn qalbi lill-staff kollu tal-iskola u lill-sħabi kollha.

Kemm hu importanti li kellek is-sapport kollu li kellek bżonn mill-iskola sabiex stajt tipparteċipa f’Malta’s Got Talent?

Importanti ħafna li l-iskola tappoġġja lill-istudenti tagħha biex jiskopru u jkabbru t-talenti tagħhom, mhux għalija biss iżda għall-istudenti kollha. Hija xi ħaġa sabiħa ħafna wkoll li ssib is-sapport u l-għajnuna minn sħabek ukoll.

Lil hinn minn Malta’s Got Talent, min hu Kyran Bonello? Għidilna ftit dwarek..

Jiena nħobb ħafna l-affarijiet sagri, inħobb narma ħafna għall-festi ta’ matul is-sena kollha, pereżempju fil-Milied, fil-Ġimgħa l-Kbira, u b’mod speċjali għall-festa tal-patruna tagħna Santa Liena. La nikber, jekk dejjem irid il-Mulej, għandi l-vokazzjoni għal saċerdot.

Kif nibtet il-passjoni tiegħek għall-mużika?

Darba konna qegħdin Karoake u jiena ta’ tifel li kont, kelli bejn wieħed u ieħor xi 9 jew 10 snin, kont staqsejt lill-mamà biex nitla’ nkanta d-diska favorita tiegħi L-Ave Maria u tlajt, u minn dakinhar il-ġenituri u l-familja ndunaw li hija passjoni tiegħi u ddeċidew li jeħduni għal-lezzjonijiet tal-kant.

Xi jfisser Alla għalik?

Alla għalija jfisser ħafna ħafna, mingħajru żgur ma jien xejn. Dejjem inħossu miegħi, kemm f’mumenti sbieħ kif ukoll f’dawk diffiċli. Dejjem nitolbu biex imexxini u jeħlisni minn kull tiġrib u biex iħarisna lkoll. Ma nixbax ngħidlu grazzi.

Esprimejt ix-xewqa li ssir qassis. Għaliex tixtieq issir qassis?

Biex inxandar il-kelma t’Alla fil-beraħ u nkattru flimkien il-fidi vera fih. U wkoll biex ngħin lin-nies fil-bżonn.

X’tip ta’ qassis tixtieq tkun? Fiex tixtieq tkun involut l-aktar kieku bħala qassis?

Qassis kif iridni l-Mulej. Nixtieq inkun involut fil-kor ta’ adulti u tfal biex b’hekk inkunu nistgħu nfaħħru ‘l Alla flimkien.

Hemm xi artisti Maltin li fil-futur tixtieq li jkollok opportunità li tikkollabora magħhom?

Biex ngħid l-verità, ma’ kulħadd nieħu pjaċir inkanta u m’għandix artisti partikolari li nixtieq inkanta magħhom għax kulħadd għandu talent differenti u sabiħ. Kull opportunità hija esperjenza unika.

X’inhi l-akbar ħolma li tixtieq twettaq?

Li nkanta fil-kor tal-Papa biex b’hekk inkun nista’ niltaqa’ miegħu, din minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi, li xi darba niltaqa’ miegħu.

Wara Malta’s Got Talent, x’inhu l-pass li jmiss għalik?

Li nkompli l-karriera tiegħi tal-kant u li nħalli f’id il-Mulej issa li jinfetħu opportunitajiet ġodda pereżempju bħal kunċerti, tiġijiet u dak kollu relatat mal-kant.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk kollha li ssapportjawk matul l-avventura tiegħek fuq Malta’s Got Talent?

Grazzi u grazzi minn qalbi tas-sapport li tajtuni mill-ewwel ġurnata tal-audition tiegħi, mumenti li mhux se ninsa qatt. Jiena nwegħdkom li t-talb min-naħa tiegħi ma jonqosx. Nirringrazzja b’mod speċjali lill-Kalkariżi, il-ġenituri tiegħi Graziella u Christopher, lill-ħuti, il-familja u l-ħbieb, l-abbatini tal-parroċċa kif ukoll l-għalliema tal-kant tiegħi, Ms Gillian Attard u Ms Bianca. Il-Mulej magħkom.

Marco Mengoni jikkunsidra li jmur għall-Eurovision b’kanzunetta differenti

Marco Mengoni jikkunsidra li jmur għall-Eurovision b’kanzunetta differenti

Marco Mengoni, il-kantant li għat-tieni darba rebaħ il-festival prestiġjuż tal-Italja, Sanremo żvela dwar il-possibilità li ma jmurx għall-Eurovision bil-kanzunetta li rebaħ biha.

Huwa rebaħ Sanremo 2023 bil-kanzunetta ballata Due Vite,

F’intervista għall-programm televiżiv TG1, Mengoni ġie mistoqsi jekk hux se jikkompeti bil-kanzunetta Due Vite fil-Eurovision f’Liverpool. Huwa qal li se jaħseb ftit dwar jekk hux se jikkompeti biha jew b’kanzunetta oħra.

Aktar tard waqt intervista fuq ir-Rai, Marco reġa’ ġie mistoqsi jekk hux se jbiddel il-kanzunetta u għal darb’oħra reġa’ tenna li ma kienx ċert, u li se jara jekk jiġuhx ideat biex jikteb xi kanzunetta oħra.

Jekk jiddeċiedi li jikkompeti b’Due Vite, xorta waħda jridu jsiru xi arranġamenti minħabba li l-kanzunetta hija twila aktar minn tliet minuti.

Skont ir-regoli tal-Eurovision, il-kanzunetti jridu jkunu twal tliet minuti.

Marco Mengoni jirbaħ Sanremo 2023

Marco Mengoni jirbaħ Sanremo 2023

Marco Mengoni rebaħ it-73 edizzjoni tal-festival tant prestiġjuż tal-Italja, Sanremo, bil-kanzunetta Due Vite.

Din hija t-tieni d-darba li Marco Mengoni rebaħ il-festival. Fil-fatt, huwa kien ikklassifika fis-7 post fil-Eurovision Song Contest tal-2013 fl-Iżvezja.

Mengoni ddedika din ir-rebħa lin-nisa kollha li pparteċipaw f’Sanremo

Bi preżentazzjoni ta’ Amadeus, Gianni Morandi u Chiara Ferragni f’Teatro Ariston, il-pubbliku kellu xalata ta’ mużika Taljana f’erba’ serati ta’ semifinali li bdew minn nhar it-Tlieta 7 ta’ Frar.

The Busker jirbaħ il-Malta Eurovision Song Contest 2023

The Busker jirbaħ il-Malta Eurovision Song Contest 2023

Il-grupp The Busker huwa r-rebbieħ tal-Malta Eurovision Song Contest 2023.

Huma pparteċipaw bil-kanzunetta Dance (Our Own Party)

Malta se tkun qed tipparteċipa fl-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest, nhar it-Tlieta 9 ta’ Mejju f’Liverpool. It-tieni semifinali se ssir nhar il-Ħamis 11 ta’ Mejju filwaqt li l-finali se ssir nhar is-Sibt 13 ta’ Mejju.

Ara l-mument li tħabbar ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent

Ara l-mument li tħabbar ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent

Wara serata mimlija talent, bl-erba’ ġurija preżenti, Ray Attard, Valentina Rossi, Sarah Zerafa u Gordon Bonello, u ppreżentata minn Gianni Zammit, it-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent intemm ilbieraħ b’Kyran Bonello bħala r-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni.

Iż-żeffiena Dancing Angels ikklassifikaw fit-tieni post filwaqt li l-mużiċista Beth, li kienet ingħatat il-Golden Buzzer minn Gordon Bonello, ikklassifikat fit-tielet post.

Il-finalisti kienu Dancing Angels, La Voix Harmonies, Sheron, Guitar Projects, Kyran Bonello, United Performers, Street Elements, Olivia Lilith u Beth.

Ara l-mument li tħabbar ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent:

Dawn huma l-prestazzjonijiet tat-tliet parteċipanti li ġabu l-akbar ammont ta’ voti fis-serata finali:

Enable Notifications OK No thanks