Select Page
Pressjoni fuq Boris Johnson biex jirriżenja wara rapporti dwar parties li saru lejlet il-funeral tal-Prinċep Philip

Pressjoni fuq Boris Johnson biex jirriżenja wara rapporti dwar parties li saru lejlet il-funeral tal-Prinċep Philip

Tiżdied il-pressjoni fuq il-Prim Ministru tal-Ingilterra Boris Johnson biex jirriżenja wara li rapporti żvelaw li saru żewġ staff parties f’10 Downing Street, l-uffiċċju tal-Prim Ministru lejlet il-funeral tal-Prinċep Philip.

Fir-rapporti ġie żvelat li f’dawn il-parties kien hemm nies jixorbu u jiżfnu, u saħansitra xi ħadd minnhom mar jixtri b’bagalja biex jimliha bil-fliexken tal-inbid. Dan kollu seħħ meta l-pajjiż kien f’perjodu ta’ luttu nazzjonali u qabel ma r-Reġina kellha toqgħod bilqiegħda waħedha fil-funeral ta’ żewġha minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Dawn ir-rapporti ma ġewx miċħuda, tant li l-uffiċċju tal-Prim Ministru talab skuża lir-Reġina.

Ġie rrappurtat li ż-żewġ parties saru fis-16 t’April tal-2021 u baqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Il-kelliem tal-Prim Ministru qal li huwa ta’ dispjaċir kbir li dan seħħ fi żmien ta’ luttu nazzjonali.

Skont rapporti, Boris Johnson ma kienx preżenti fl-ebda party iżda qed jiffaċċja mistoqsijiet dwar allegat ksur tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 f’10 Downing Street.

Dan għaliex dak iż-żmien, il-pajjiż kien taħt restrizzjonijiet stretti tal-Covid-19 li jipprojbixxu s-soċjalizzazzjoni ma’ persuni li ma jgħixux fl-istess dar.

Dawn ir-rapporti ħarġu wara oħrajn li żvelaw li l-Prim Ministru Boris Johnson attenda party fil-ġnien ta’ Downing Street waqt l-ewwel lockdown tal-Covid-19. Lanqas dawn ma ġew miċħuda għaliex Boris ammetta u skuża ruħu talli attenda, minkejja li żied jgħid li l-party kien organizzat skont il-protokolli.

Diversi membri parlamentari konservattivi u mill-partit Laburista qed jinsistu għar-riżenja ta’ Boris Johnson.

Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Poġġa t-telefon lura f’postu b’idu tirtogħod mhux ftit.
It-tbissima li kellu fuq fommu kienet tirrifletti mument ta’ sodisfazzjon personali.
Fl-aħħar!
Fl-aħħar kien se jpattihielha!
Kien ilu maħruq. Kien ilu jġemma’ fl-istonku!
U kien propju dak il-ħin li resaq lejn it-tieqa mdaqqsa li kellu fil-kamra tas-salott tal-appartament ċkejken li kien isejjaħ daru u qagħad għal mument iħares lejn il-veduta ta’ blokok kbar mibnija bil-konkos li kellu eżatt faċċata. Hekk biss kien jara. Bini. Aktar bini. U saħansitra aktar bini.
Ħa nifs twil u ħass il-pulmun jimtela’ bis-sodisfazzjon.
Kien ilu jberren kif kellu jsibha. Kif kellu jpattihielha.
Kull ma kien jaf kien isimha.
Agnes Abela.
U li kienet l-iżjed mara antipatka li qatt kien kellem f’ħajtu!
Infaqa’ jidħak. U għal mument kien se jixraq fil-bżieq tiegħu stess.
Issa kien jonqos il-final grandjuż tal-pjan viljakk li kien ħejja! Kien għad fadal l-aħjar parti!
Neil kien jaħdem f’uffiċċju tal-kummerċ bħala persuna li twieġeb it-telefon fuq problemi tal-konsumaturi. Xogħlu ma tantx kien jogħġbu, anzi biex ikun qal kollox kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien ikollu joħroġ minn ġol-friex sħun ta’ filgħodu sabiex iħejji ruħu għal ġurnata telefonati ma jaqtgħu xejn fl-uffiċċju fejn kienu jkunu xi għoxrin ruħ, kollha bil-linja tat-telefon tagħhom. Kollha jagħmlu l-istess xogħol. Dahar ma’ dahar. Skrivanija m’oħra. Storbju ma jaqta’ xejn………….
“Ħellow, S u Ġ Limited, fiex nista’ naqdik?” kien dara jgħid l-istess sentenza għal madwar xi tletin darba kull minuta.
Agnes Abela.
Issa ma kinitx se taħrablu. Kemm kienet antipatka!
Kien iltaqa’ magħha fuq il-linja tat-telefon. Qatt ma kien raha minn wiċċha. Li kien jaf fuqha hu li kienet taħdem mad-ditta tal-produtturi li kienu jagħtuhom ix-xogħol. Din Agnes kienet ċemplet l-ewwel darba għall-ħabta ta’ nofs is-sajf u fil-bidu kien ħabat jaħseb li leħinha kien kważi ġentili.
Iżda malli kien infurmaha li l-prodotti li kienu jġibu mingħandhom kienu għadhom kollha hemm u li ħadd ma kien qed jixtrihom, kienet infexxet toffendih u tkellmu ħażin.
Lilu.
Lil Neil Frendo.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Mistennijin temperaturi aktar kesħin u xita fil-jiem li ġejjin!

Mistennijin temperaturi aktar kesħin u xita fil-jiem li ġejjin!

Skont rapporti meteoroloġiċi, minn għada mistennijin temperaturi aktar kesħin u ħalbiet tax-xita li xi drabi jistgħu jkunu b’silġ żgħir jekk kif riħ qawwi f’livell għoli tal-atmosfera jerġa’ jistabilixxi ruħu fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u jidderieġi firxa wara oħra ta’ pressjoni baxxa lejn il-gżejjer Maltin.

Dan mistenni jibqa’ matul il-ħamest ijiem li ġejjin!

“Nitlobkom maħfra u nieħu passi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru” – Arċisqof Charles Scicluna

“Nitlobkom maħfra u nieħu passi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru” – Arċisqof Charles Scicluna

Waqt l-omelija tal-quddiesa mill-Kurja tal-lum, l-Arċisqof Charles Scicluna talab maħfra lil kull min iħossu mweġġa’ minħabba l-kliem iebes li ntqal minn Fr David Muscat. Talab maħfra wkoll lil dawk li mhux biss huma mweġġgħin imma jħossuhom ittraduti mill-Knisja li tant iħobbu.

Huwa qal li f’dawn l-aħħar sigħat kienu ħafna li kkuntattjawh biex juru d-dispjaċir u r-rabja tagħhom għall-kliem li qal is-saċerdot dwar persuni omosesswali. Stqarr li xxukkja ruħu jisma’ u jaqra dak li qal; li tkun omosesswali huwa agħar milli tkun imxajtan.

Fost oħrajn huwa qal li jekk wieħed jgħid li jħobb lil Alla u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Kompla jgħid li mibgħeda tista’ tkun permezz ta’ kliem iebes u ta’ disprezz.

L-Arċisqof qal ukoll li se jieħu passi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru.

Weraq Niexef (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Għal mument Jean għalaq għajnejh u ħass il-qalziet li kellu fuqu jixxarrab bil-biża’. Ftakar fl-aħħar xebgħa li kienu tawh u beda jagħfas ruħu kemm jista’ mas-siġra ħalli ħadd minnhom ma jarah.
Iżda wara ftit ħin, kollha kemm huma bdew iduru ‘l hawn u ‘l hemm qalb is-siġar. Jean ħass ruħu ħierġa minn ġismu bil-biża’!
U rah.
Christopher rah.
Hekk malli rah, it-tifel skanta jħares lejh.
Għajnejn iż-żewġ subien iltaqgħu ma’ xulxin. Għajnejn Christopher kbar u ċari u għajnejn Jean, skuri u żgħar.
“Christ……..” kien se jgħidlu, iżda t-tifel l-ieħor hekk kif rah hemm f’dik is-sura, moħbi qalb il-weraq niexef, imkeffen sew wara s-siġra, ħass qalbu tingħafas.
Jean kien għadu qed iħares lejh, jistennieh jgħajjat lil sħabu sabiex jiġu jsibuh hawn.
“Xxxxxxxxx,” lissen Christopher hekk kif għolla subgħajh quddiem xufftejh. Dawwar rasu ħalli jara li l-ebda tifel ieħor ma kien qed iħares lejhom. “Itlaq issa!” reġa’ qallu minn taħt, hekk kif ħbieh b’ġismu stess ħalli Jean ikun jista’ jaħrab.
Jean ried jirringrazzjah.
Jean ried jurih li kien se jibqa’ jafulu.
Iżda minflok ma wieġbu, qabad il-basket tal-iskola li kien mgħaffeġ ħdejn saqajh u telaq jiġri b’kemm kellu saħħa sa xħin wasal id-dar ta’ nanntu.
“Sibtuh lill-imwarrab?” staqsa Andrew kważi rrabjat. “Hawn suppost kien!”
Iżda sa fejn kien jaf hu, lil Jean l-imwarrab ħadd ma kien rah.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications    OK No thanks