by skoperta.net | 28/Jul/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Bħalissa l-Ewropa tinsab ukoll fi kriżi tal-enerġija, u dan ifisser li l-pajjiżi se jissieltu biex iżommu d-djar sħan u l-industrija tibqa’ għaddejja din ix-xitwa.
Dan għaliex ir-Russja naqqset aktar il-provvisti tal-gass naturali tal-Ewropa, użat biex iħaddem fabbriki, jiġġenera l-elettriku u jsaħħan id-djar fix-xitwa. Moska tgħid li l-kunsinni permezz ta’ pipeline maġġuri lejn il-Ġermanja, Nord Stream 1, se jinżlu għal 20% din il-ġimgħa.
Għalkemm ir-Russja qed tgħid li dan qed iseħħ minħabba raġunijiet tekniċi, il-gvern Ġermaniż qal li dan mhuwiex minnu u li ma kien hemm l-ebda raġuni teknika.
Il-mexxejja Ewropej qed jippreparaw għall-possibbiltà li r-Russja taqta’ l-provvisti tal-gass lejn l-Ewropa kompletament, u qalu li l-President Russu Vladimir Putin qed juża l-enerġija għall-influwenza politika fil-konfront tiegħu mal-Punent dwar il-gwerra fl-Ukrajna.
B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lill-pajjiżi biex inaqqsu l-użu tal-gass bi 15% matul is-seba’ xhur li ġejjin.
It-tnaqqis fil-provvisti mill-kumpanija tal-gass tar-Russja Gazprom aktar kmieni din il-ġimgħa, naqqas il-kapaċità tal-pipeline Nord Stream 1, ir-rotta ewlenija tal-kunsinna lejn l-Ewropa għall-gass Russu.
Nord Stream 1 jammonta għal madwar terz tal-esportazzjonijiet kollha tal-gass Russu lejn l-Ewropa.
Dan qed joħloq tħassib fost il-membri tal-Unjoni Ewropea minħabba li jekk ir-Russja tiddeċiedi li taqta’ l-gass kompletament, dan se jaffettwa l-ekonomija tal-pajjiżi.
Is-sena l-oħra, ir-Russja provdiet lill-Unjoni Ewropea 40% tal-gass tagħha.
by skoperta.net | 24/May/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-Qorti fi Kyiv ikkundannat suldat Russu għal għomru l-ħabs talli qatel raġel Ukren li ma kienx armat fl-ewwel jiem tal-invażjoni tal-Ukrajna. Il-verdett jimmarka l-ewwel kundanna ta’ suldat għal reati tal-gwerra minn mindu beda l-kunflitt fl-aħħar ta’ Frar.
Vadim Shishimarin, li għandu 21 sena, wieġeb li hu ħati li qatel raġel ta’ 62 sena f’raħal fir-reġjun tal-grigal ta’ Sumy, erbat ijiem wara li bdiet il-gwerra. Huwa xehed li kien spara lir-raġel minn tieqa miftuħa tal-karozza fuq ordni ta’ żewġ uffiċjali għolja.
Shishimarin qal ukoll lill-Qorti li wieħed mis-superjuri tiegħu kien insista li jisparaw lir-raġel Ukren għax dak il-ħin kien qed jitkellem fuq il-mowbajl, u seta’ ta l-post fejn jinsabu lill-armata Ukrena.
Matul il-ġuri, Shishimarin talab lill-armla tal-vittma biex taħfirlu.
Il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna Iryna Venediktova qalet li l-uffiċċju tagħha qed jaħdem biex jipproċedi fuq każijiet ta’ reati tal-gwerra kontra 41 suldat Russu għal reati li kienu jinkludu bumbardament ta’ infrastruttura ċivili, qtil ta’ ċivili, stupru u serq. L-investigaturi qed jiġbru wkoll evidenza ta’ reati tal-gwerra possibbli biex jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague.
by skoperta.net | 23/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-Papa Franġisku qal li l-laqgħa tiegħu ppjanata f’Ġunju mal-Patrijarka Ortodoss Russu Kirill ġiet imħassra għax f’dan iż-żmien “tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.”
Kirill kien appoġġja l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, fejn ix-xahar li għadda allega li l-parati tal-gay pride kienu parti mir-raġuni għall-invażjoni.
Alleat għal żmien twil tal-President Russu Vladimir Putin, Kirill huwa figura reliġjuża ewlenija fir-Russja, fejn ir-reliġjon Ortodossa Russa hija meqjusa bħala parti integrali mill-identità tal-pajjiż.
Meta tkellem mal-gazzetta Arġentina La Nacion, il-Papa Franġisku qal li r-relazzjoni tiegħu ma’ Kirill kienet “tajba ħafna”.
Il-Papa qal li ddispjaċih li l-Vatikan kellu jissospendi t-tieni laqgħa mal-Patrijarka Kirill, li kienet skedata għal Ġunju f’Ġerusalemm iżda qal li l-laqgħa f’dan il-mument tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.
Mistoqsi dwar l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, il-Papa Franġisku wieġeb li lest li jagħmel minn kollox biex iwaqqaf il-gwerra.
Mistoqsi għaliex qatt ma semma pubblikament lir-Russja jew lil Putin, il-Papa qal li Papa qatt ma jitkellem dwar kap ta’ stat, u anqas dwar pajjiż, li huwa superjuri għall-kap ta’ stat.
Il-Papa qal ukoll li l-Vatikan jista’ jkollu rwol fin-negozjati għall-waqfien mill-gwerra.
Id-direttur tal-uffiċċju tal-istampa tal-Vatikan Matteo Bruni qal li l-Papa Franġisku qed inaqqas l-attivitajiet tiegħu minħabba diffikultajiet mediċi. Minħabba wġigħ f’irkopptu tal-lemin, kellu bżonn joqgħod bilqiegħda waqt li kien qed jaqra l-messaġġ tiegħu tal-Għid u jiċċelebra l-quddiesa tal-velja tal-Għid.
by skoperta.net | 13/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-President Russu Vladimir Putin iddikjara li se jkompli l-invażjoni fl-Ukrajna sakemm jintlaħqu l-għanijiet “nobbli” ta’ pajjiżu.
F’dehra pubblika, huwa qal li t-taħdidiet ta’ paċi ma wasslu għall-ebda ftehim u saħaq li l-invażjoni, li tinsab fis-sitt ġimgħa tagħha, sejra kif ippjanat.
Dawn kienu l-ewwel kummenti ta’ Putin dwar il-kunflitt f’aktar minn ġimgħa, għaliex b’kuntrast mal-bidu tal-gwerra, reċentement huwa żamm lura milli jikkummenta dwar l-invażjoni.
Huwa qal dan waqt li kien qed iżur faċilità spazjali fil-Lvant tar-Russja mal-mexxej tal-Belarussja Alexander Lukashenko, wieħed mill-eqreb alleati tiegħu, biex jimmarka l-61 anniversarju minn meta Yuri Gagarin sar l-ewwel bniedem li vvjaġġa fl-ispazju.
Madanakollu, uffiċjal Ukren qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li n-negozjati huma diffiċli iżda għadhom għaddejjin.
Il-mexxej Russu sostna li ma kellux għażla oħra ħlief li jordna l-invażjoni biex jipproteġi lill-kelliema Russi fil-Lvant tal-Ukrajna.
Sostna li l-Ukrajna wettqet ġenoċidju kontra kelliema Russi fil-Lvant tal-Ukrajna, iżda m’hemm l-ebda evidenza li tappoġġja dan.
by skoperta.net | 06/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Is-Segretarju Ġenerali Jens Stoltenberg qal li għalkemm ir-Russja issa qed timmira l-attakk tagħha fuq il-Lvant tal-Ukrajna, in-NATO ma rat l-ebda indikazzjoni li l-għan tal-President Russu Vladimir Putin, dak li jikkontrolla l-pajjiż kollu, inbidel.
Meta tkellem mal-ġurnalisti qabel laqgħa fi Brussell tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-alleati tan-NATO, Stoltenberg wissa wkoll li l-gwerra tista’ ddum għaddejja għal snin sħaħ..
Huwa wissa wkoll li l-gwerra tal-Ukrajna se jkollha implikazzjonijiet ta’ sigurtà fit-tul għall-Ewropa irrispettivament minn meta tispiċċa.