Select Page
Aħmar Ħelu w’Qares – Wirja tal-Arti mill-artist Darren Tanti

Aħmar Ħelu w’Qares – Wirja tal-Arti mill-artist Darren Tanti

Aħmar ħelu w’Qares, hija r-reazzjoni istintiva tal-artist Darren Tanti għall-mumenti l-aktar profondi f’ħajtu; mumenti ta’ ferħ bla qies ta’ ħajja twarrad u mumenti storiċi mqanqlin mir-riflessjoni dwar tmiem il-ħajja. Għalkemm dawn huma istanti personali fil-ħajja tal-artist, nistgħu ngħidu li kull wieħed u waħda minna jgħaddi minn episodji bħal dawn, episodji li jagħmluna dak li aħna u li jibqgħu jiġġerrew fil-kuriduri ta’ moħħna tul ħajjitna kollha. Dawn l-istejjer ngħixuhom kuljum u ta’ dan għandna prova tal-arti.

Ispirat mir-riflessjoni tiegħu stess, Tanti jagħtina xogħlijiet li jorbtu l-passat mal-preżent, f’għoqda li għalkemm mhux marbuta, ma tinħallx malajr. Ix-xogħlijiet kbar tiegħu jippreżentaw il-Kamra ta’ Fuq b’tali mod li il-viżitatur se jħossu preżenti fl-istess kuriduri ta’ moħħ Tanti, l-istess kuriduri li f’kull rokna għandhom ħsieb, emozzjoni jew xi sigriet moħbi. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet huma rappreżentazzjoni ta’ xogħlijiet minn artisti oħra, magħmula tul is-snin u li juruna kif, l-esperjenzi li l-umanità tgħaddi minnha tul il-vjaġġ mortali tibqa’ tirrepeti ruħha ad infinitum bħall-ħolqa f’idejn id-destin.

Tanti jagħmel użu b’mod estensiv tal-kulur iswed, il-ġibs u lapes abjad u żebgħa taż-żejt fuq it-tila. F’ċerti istanti, il-forom jinkixfu u joħorġu mistħija minn bejn is-saffi ta’ kulur, u f’waqtiet oħra jipproġettaw irwieħħhom bħal-logħba psikoloġika stil Rorschach. Huwa dan il-varjant mix-xogħlijiet oriġinali li jgħaqqad il-passat mal-preżent, l-esperjenzi u r-riflessjonijiet tal-predeċessuri tagħna ma’ dawk li l-artist irnexxielu jgħaqqad.

Xogħlijiet interessanti w uniċi li jgħinu l-dak li jkun isib lilu nnifsu jew, minn angolu ieħor, iġiegħlu jistenbaħ u jinduna li għal dan iż-żmien kollu kien mitluf fi ħsieb jew ħolma li kulħadd huwa parti minnha.

Il-wirja Aħmar ħelu w’Qares fetħet il-bibien tagħha nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Novembru u se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 12 ta’ Diċembru.

Idħol fil-paġna ta’ Facebook, Il-Kamra ta’ Fuq, għal dettalji dwar il-ħinijiet tal-ftuħ.

Riċetta: Apple Crumble

Riċetta: Apple Crumble

Għandek bżonn (għal dixx ta 9”):

Għall-mili:

Sitt tuffiħat imqaxxrin u imqattgħin fi flieli rqaq

10 imgħaref ilma

Nofs kuċċarina nocemuskata

Nofs kuċċarina cinnamon

Mgħarfa zokkor. (Jekk tipreferi li ma tiġikx ħelwa ħafna, għalli t-tuffieħ mingħajr ma żżid iz-zokkor)

Għall-crumble:

300g dqiq plain

Niskata melħ

175g zokkor ismar

200g butir imqatta’ dadi

Ftit butir biex idellek id-dixx

Metodu:

  • Poġġi l-ingredjenti kollha tal-mili ġo kazzola u sajjar fuq nar baxx għal 10 minuti.
  • Ixgħel il-forn u ħallih jisħon fuq 180.
  • Idlek id-dixx li se tuża bil-butir.
  • Sadanittant ġo skutella ħallat id-dqiq, iz-zokkor l-ismar u l-melħ.
  • Ħawwadhom sew u mbagħad ibda żid il-butir ftit ftit u ħawwad b’idejk sakemm tkun żidt il-butir kollu u jkollok taħlita tixbaħ lill-frak tal-ħobż.
  • Issa saffi it-tuffieħ mill-ilma u rranġa l-biċċiet tat-tuffieħ fil-qiegħ tad-dixx.
  • Ferrex it-taħlita tal-crumble fil-wiċċ. Kemm jista’ jkun għatti it-tuffieħ kollu.
  • Daħħal id-dixx fil-forn u aħmi għal 45 minuta sakemm il-wiċċ jieħu kulur dehebi.
  • Serviha sħuna ma’ ġelat jew custard.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Tagliatelle bis-Salamun u l-Krema

Riċetta: Tagliatelle bis-Salamun u l-Krema

Għandek bżonn (għal 4 porzjonijiet):

400g tagliatelle jew għaġin ieħor

400g steaks tas-salamun (mingħajr ġilda jekk possibbli)

Ftit onion powder

Melħ u bżar skont il-gosti tiegħek

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

Mgħarfa butir

200ml inbid abjad

Mgħarfa meraq tal-lumi

200ml krema friska

Tliet sinniet tewm imqattgħin irqaq ħafna

100g ġobon parmesan maħkuk

Mgħarfa dqiq

Mgħarfa tursin frisk imqatta’

Metodu:

  • Għalli borma misħun bil-melħ. Meta jagħli itfa’ l-għaġin u ħallih isir sakemm ikun ‘al dente’.
  • Warrab ftit mill-ilma li tkun għallejt l-għaġin fih. Saffi l-għaġin u warrbu.
  • Roxx is-salamun bl-onion powder, melħ u bżar fuq iż-żewġ naħat.
  • F’taġen fond, żid iż-żejt taż-żebbuġa u l-butir fuq nar medju.
  • Kif iż-żejt u l-butir jisħnu, żid is-salamun. Aqli s-salamun għal madwar 3 minuti fuq kull naħa.
  • Neħħi s-salamun mit-taġen u warrbu.
  • Żid l-inbid abjad, il-meraq tal-lumi, il-krema friska, it-tewm u l-parmesan.
  • Ħallat sew u sajjar għal 3 minuti.
  • Żid bil-mod id-dqiq maż-zalza, u ħawwad kontinwament biex tevita li jkollok ċapep.
  • Żid is-salamun lura fit-taġen u kissru bil-wooden spoon biex jiġik biċċiet żgħar.
  • Ħawwad is-salamun bil-mod maz-zalza. Sajjar għal madwar 5 minuti sakemm iz-zalza tagħqad ftit u s-salamun ikun sar.
  • Issa żid l-għaġin fit-taġen, flimkien ma’ żewġt imgħaref mill-ilma li tkun sajjart l-għaġin fih.
  • Ħawwad kollox bil-mod u ħallih fuq nar baxx għal madwar 5 minuti.
  • Servi mill-ewwel, imżejjen bit-tursin u ftit parmesan fil-wiċċ.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks