Evidenza (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Evidenza (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Filwaqt li Jonas kien liebes pulit, xagħru mimxut lura b’mod eleganti, b’dehra impekkabbli, wiċċ donnu dak ta’ żagħżugħ, ġisem imlaħħam sew u maġenb karozza sabiħa lussuża u skura.
Kont qed inħoss il-piż tal-kuxjenza tniggiżni, hekk kif għaffiġt il-basket li kelli mdendel miegħi, taħt idejja b’mod aġitat.
“Ġejt għalija?” staqsejtu b’leħen baxx, nipprova ma nħarisx f’għajnejn ħija.
“U ma tafx li niġi għalik. Issa ejja oqgħod għandi fil-bidu sakemm tissetilja x’imkien ieħor. Jien waħdi ngħix,” qalli Jonas.
U ħadni miegħu d-dar.
L-ewwel ftit jiem ma stajtx nidra l-ħajja normali.
Għalkemm kont naf li ma kinitx ħaġa faċli, bdejt nerġa’ nfittex xogħol. U wara kont beħsiebni nfittex appartament żgħir.
Ħajja ġdida.
Libera.
Iżda kont qed inħossni xi ftit imbarazzat minn ħija.
Kien iħares lejja b’mod stramb.
Ftit diskors.
Mill-inqas.
Sa dakinhar.
Dakinhar li Jonas kien mar lejn ix-xogħol u bħas-soltu kien ħallieni waħdi d-dar.
Ħarist barra lejn il-ġnien.
U lmaħt l-għeruq tas-siġra l-kbira fil-ġnien ħerġin minn hemm taħt b’mod mhux normali.
U kien propju dak il-ħin li ddeċidejt li nirranġalha l-għeruq.
Hekk jew hekk, ma kelli xejn x’nagħmel!
Sibt pala u bdejt nipprova naqla’ ftit il-ħamrija li kien hemm fil-wiċċ.
Wara li kont tellajt ammont ta’ ħamrija ġmielha ‘il fuq, sibt kaxxa tal-ħadid midfuna hemm taħt.
Tgħid din x’kienet?
Tħassibt!
Kienet imdaqqsa.
Ħriġtha.
Ftaħtha.
Qalbi għamlet tikk.
Ġakketta safra.
U mazza.
Kieku flejtha aħjar, kont ninduna.
Kienet imtebba’ bid-demm niexef ta’ ħamsa u għoxrin sena ilu!
U jien……………
Jien kont servejt is-sentenza ta’ ħija!
Ħija it-tewmi.
Ħija Jonas.
Li kien iħarisli b’mod stramb.
Minjaf għalfejn hux?
U din…………….
Din kienet l-evidenza!

Evidenza (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Evidenza (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Għidilna fejn ħbejt l-affarijiet, Trevor,” kienu komplew jinsistu l-pulizija hekk kif kont qiegħed f’dik il-kmajra fejn kienu interrogaw lili, lil ħija u sħabi kollha.
“X’affarijiet huma? Jiena lanqas biss m’għandi idea fuq dak li qegħdin tkellmuni fuqu!” kont stagħġibt b’leħen mitbuq.
“U ejja Trevor. Wara li ħriġtu u wassluk id-dar, erġajt ħriġt bil-mazza u ġakketta safra. Mort għandu, ħabbattlu l-bieb u bdejt tagħtih id-daqqiet bl-addoċċ sa’ xħin rajtu stendut mal-art f’għadira demm!” kien poġġieli l-kliem il-pulizija.
“Għandkom żball! Għandkom żball!” kont smajt leħni stess għadu jidwi f’widnejja u issa donnu kien għadu jdur f’dawk il-kurituri, madwar il-ħabs imdaqqas fejn kont qattajt żmieni, nistenna u nitherra waħdi.
Imbagħad, donnu ħassejt ġismi jinħasad kollu f’salt wieħed.
Issa suppost kont ser nitlaq.
Imma fil-verità kont qed nibża’.
Mhux għax kont drajt hawn ġew. Xejn minn dan. Kif tista’ tidra hawn ġew? Kif tista’ tidra tgħix mingħajr il-libertà mċaħħad mid-dinjità unika tiegħek li tagħmlek individwu?
Imma kont qed nibża’ minn dak li kont ser insib quddiemi.
Ħajti.
X’sens kien fadlilha issa?
Forsi kieku tawni ċans nagħżel jekk ridtx nibqa’ hawn ġew jew noħroġx lura hemm barra kont nagħżel dik l-ewwel waħda.
Li nkompli nitherra f’kamarti. F’dik iċ-ċella minuskola fejn kont tant drajt il-ħajja.
Iżda dawwart ħarsti ‘l quddiem, għafast idejja ponnijiet u bil-basket żgħir li kelli mdendel ma’ kusi, għamilt pass ieħor lejn il-bieb, ninduna li l-ħarsa tal-gwardjan biswiti, kienet qiegħda fuqi.
Blajt ir-rieq li kien tela’ fi griżmejja u b’kuraġġ ta’ sur għamilt pass ieħor.
Kont qed nara l-bieb minfejn kienu joħorġu barra.
Minjaf kemm kont ilni noħlom din il-ġurnata!
U ejja Trevor, ftit kuraġġ oħra u tasal hemm barra!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Mhux affarik! – Tanja Cilia

Mhux affarik! – Tanja Cilia

Ara ma tgħidx, “Tmutlix għalissa!”

Oħti Carmen ilha mejta kważi 40 sena – u għadni nsib minn jistaqsini, “Imma x’kellha, għid?”, bħallikieku r-risposta tiegħi se tagħmlilhom xi differenza f’ħajjithom.

Niftakar darba kont nieżla d-dar, u waqqfitni waħda mara li għadni sal-lum ma nafx min hi. Staqsietni, “Oħtok orrajt?” u jien inħsadt. Għidtillha l-verità, jiġifieri, li kienet id-dar tistrieħ. “Ara, jaħasra. Kemm qed nieħu gost li qed tgħidli hekk. Kienu qed jgħidu li kważi mietet.”

Issummajt. Anqas flaħt inweġibha. Kif dort il-kantuniera, irremettejt.

Kull meta nsemmi dan l-inċident, insib li huwa simili ta’ xi ħaġa li tkun ġrat lil ħafna oħrajn; kemm jekk ikollhom marda terminali huma, u kif ukoll jekk ikun xi ħadd mill-maħbubin tagħhom li jkun marid.

Għaldaqstant ħsibt li din il-mistoqsija sfiqa, almenu, ma tkunx saret għalxejn.

Ikkuntattjajt xi ħbieb tiegħi u tlabthom il-fehma tagħhom. Flimkien tellajna lista li l-konklużjoni tagħha hi: “Jekk iżżomm ħalqek magħluq, x’aktarx li taqta’ figura isbaħ.”

  • Jekk tara li xi ħadd ħxien jew irqaq f’daqqa, la tgħaddix kummenti. U la tistaqsiha jekk hux tqila, u anqas jekk hux qed tagħmel id-dieta. Hawn mard, u mediċini, li jaffettwaw il-piż ta’ dak li jkun.
  • L-istess jekk tinduna li xi ħadd qed jaqagħlu xagħru, jew li għandu l-kulur tal-ġilda mhux bħal tas-soltu. Billi tagħmel il-ħajja diffiċli għal ħaddiehor, mhux se tidher helwa, tafx.
  • Tippruvax issemmi l-marda ta’ dik u l-kundizzjoni tal-oħra, biex forsi dak li jkun jiftaħ qalbu miegħek. Dawn vavati. U bilħaqq – tkunx banali u tgħid xi ċajta biex mingħalik “tnessi” li dak li jkun, ladarba jiftaħ qalbu miegħek.
  • Jekk xi ħadd jgħidlek li marid sew, tgħidlux, “U iva, daż-żmien ta’ kollox isibu tarf ta,” qisek trid tgħatti x-xemx bl-għarbiel. Biżżejjed toffri li jekk ikun hemm bżonn xi għajnuna, int lest li toffriha, u li tgħid li jiddispjaċik. Ara ma tgħidx, “Tmutlix għalissa!”
  • Anqas, biex tipprova tnissel tbissima fuq wiċċ il-marid, m’għandek tgħid, “U iva, mhux kulħadd irid imut?” Anzi, kultant m’hemmx bżonn kliem. Tgħanniqa tkun biżżejjed.
  • Anqas titwemmen imma jkun hawn min jistaqsi, “Qalulek kemm baqagħlek ħajja?” Il-mewt, tafux, mhux b’marda terminali biss tiġi. Ħadd, u ħadd, nerġa’ ngħid, ma jaf bl-eżatt kemm baqagħlu ħajja.
  • “Issa ngħid lil kulħadd jitlob għalik,” tfisser li se tgħid lil kulħadd li din il-persuna hi marida. U din forsi ma tridx turi, u int ha tikxfilha xturha?
  • M’għandekx għalfejn issemmi lil kull min taf li kellu l-istess marda, iżjed u iżjed jekk mietu żgħar. U jekk il-marda tkun kanċer, tistaqsix fejn qiegħed.
  • Tindaħalx. Jekk jgħidulek li sejrin btala, li se jqaxxru xagħarhom “bil-lest”, li se jiżżewġu… ara ma tiftaħx ħalqek u tgħidilhom biex jaħsbuha dartejn. Mhux affarik. U ara ma tistaqsix jekk is-safra tkunx “għall-kura”.
  • Insa l-kliem ‘jaħasra’ u ‘miskina’, u tagħmilx wegħdiet kontra wegħdiet li tkun se tmur taraha meta tkun l-isptar. Staqsi jekk tkunx tridek tmur. U forsi, wara kollox, ma tmurx l-isptar.

Aħjar elf kelma nieqsa, milli kelma waħda żejda.

Il-Pjanta Bougainvillea – Kif tista’ tieħu ħsiebha?

Il-Pjanta Bougainvillea – Kif tista’ tieħu ħsiebha?

Jekk teħtieġ pjanta sabiħa li tiffjorixxi trid tagħżel il-bougainvillea. Din il-pjanta bil-fjuri se żżejjen il-bejt jew il-ġnien tiegħek faċilment.

Il-bougainvillea hija pjanta tropikali li tikber f’żoni fejn it-temperaturi tax-xitwa ma jkunux baxxi ħafna. Il-pjanta ġeneralment tipproduċi tliet rawnds ta’ fjorituri vibranti fir-rebbiegħa, fis-sajf u fil-ħarifa.

Tmur tajjeb f’kontenitur relattivament żgħir. Meta l-pjanta tkun kibret biżżejjed biex tbiddlilha l-pot, poġġiha f’wieħed ta’ daqs wieħed biss ikbar. Uża ħamrija normali tal-pjanti mingħajr livell għoli ta’ peat moss; ħafna peat jista’ jirriżulta f’taħsir tal-għeruq. Kull kontenitur użat għandu jkollu mill-inqas toqba waħda.

Jekk tkun għadek kif tħawwel il-pjanta, saqqiha spiss biex iżżomm il-ħamrija niedja iżda ladarba l-pjanta tkun stabbilita tiffjorixxi l-aħjar jekk il-ħamrija tkun ftit niexfa. Madanakollu tħallix li l-ħamrija ssir niexfa kompletament. Saqqi l-pjanta immedjatament jekk tkun tidher li qed titbiel.

Il-bougainvillea teħtieġ fertilizzazzjoni regolari biex tipproduċi blanzuni matul l-istaġun tat-tkabbir. Tista’ tuża fertilizzant li jinħall fl-ilma kull 7 sa 14-il jum jew applika fertilizzant li jerħi bil-mod fir-rebbiegħa u f’nofs is-sajf.

Din hija pjanta li tiffjorixxi fuq tkabbir ġdid. Dan ifisser li tista’ tnaqqas minnha kif meħtieġ biex iżżomm id-daqs mixtieq.

Hemm diversi kuluri differenti, bajda, ħamra, oranġjo, safra iżda l-aktar waħda popolari hija żgur tal-kulur vjola.J

Teħtieġ mill-inqas 6 sigħat ta’ dawl tax-xemx dirett biex ikollha foritura sħiħa.

Il-pjanta tal-bougainvillea mhijiex daqstant tossika għall-annimali domestiċi tagħna, imma jekk tinbela’ fi kwantitajiet kbar jista’ jwassal għall-mard. Il-weraq tal-Bougainvillea mhumiex tossiċi, iżda pikkata mix-xewk qawwi tal-pjanta tista’ twassal għal dermatite, raxx tal-ġilda tipikament ikkawżat minn reazzjoni allerġika.

Għalkemm il-bougainvillea tikber tajjeb fil-pots iżda l-aktar li hu rrakkomandat li tuża għal dan hija waħda mill-varjetajiet ta’ tkabbir baxx. Dawk l-aktar għoljin jeħtieġu pot kbira ħafna biex jakkomodaw is-sistemi ta’ għeruq kbar jew jistgħu jitħawlu faċilment fl-art biex jikbru f’siġra kbira.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din il-pjanta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks