Select Page
Il-Gvern fi Spanja jħeġġeġ lin-nisa inkwetati dwar kif jidher ġisimhom biex imorru l-baħar

Il-Gvern fi Spanja jħeġġeġ lin-nisa inkwetati dwar kif jidher ġisimhom biex imorru l-baħar

Il-ministeru tal-ugwaljanza fi Spanja nieda kampanja tas-sajf biex iħeġġeġ lin-nisa inkwetati dwar kif jidher ġisimhom biex imorru l-baħar.

Il-kampanja bl-isem ta’ “Is-sajf tagħna wkoll,” qed tiġi ppreżentata permezz ta’ poster li fih jidhru ħames nisa differenti.

Il-Ministru tas-Servizzi Soċjali Ione Belarra qalet li kull ġisem huwa “beach body”.

Il-Kap tal-Istitut tan-Nisa Antonia Morillas qalet li l-aspettattivi ta’ kif wieħed jidher affettwaw lin-nisa mhux biss fil-kunfidenza fihom innifishom iżda ċaħduhom ukoll id-drittijiet tagħhom.

L-illustrazzjoni tal-kampanja ta’ ħames nisa li qed jirrilassaw fuq il-bajja tinkludi wkoll mara topless wara intervent mediku relatat mal-kanċer.

Il-messaġġ li jrid jitwassal permezz ta’ din il-kampanja hu wieħed m’għandux joqgħod lura milli jmur il-baħar minħabba d-dehra tiegħu.

Iżda mhux kulħadd kien impressjonat bil-kampanja.

Xi wħud esprimew l-opinjoni tagħhom li l-kampanja kellha tinkludi l-irġiel ukoll, filwaqt li oħrajn qalu li l-kampanja hija biss attentat biex toħloq problema fejn ma teżistix.

Kif tista’ tgawdi BBQ li huwa sostenibbli fis-sajf? – Loriana Mazzonello

Kif tista’ tgawdi BBQ li huwa sostenibbli fis-sajf? – Loriana Mazzonello

Ikel tajjeb u temp sabiħ jgħaqqduna flimkien, il-BBQs fis-sajf huma ideali biex tqatta’ ħin mal-familja u l-ħbieb. Mill-aspett soċjali sal-gost tat-tisjir fil-beraħ, huwa mod divertenti u rilassanti, li jagħmilha tradizzjoni tas-sajf.

Madankollu, flimkien mal-ikel u l-gost jiġi univers sħiħ ta’ plastik, aċċessorji prodotti bil-massa u potenzjal għall-iskart, b’barbikjus li jintużaw darba u ikel imgeżwer bil-plastik.

Dawn huma xi modi sempliċi li tista’ tadotta/timplimenta biex tagħmel BBQ kemm jista’ jkun sostennibli.

  • Ixtri l-ikel tiegħek minn produtturi lokali u sostenibbli.

Hija ta tentazzjoni li tmur dritt fis-supermarket biex tixtri l-ikel tal-BBQ. Hekk, l-ispiża hija orħos peress li tista’ tixtri pakketti kbar ta’ burgers, zalzett u kull ħaġa oħra li tixtieq.

Iżda l-provenjenza u l-ippakkjar tal-ikel huma importanti ħafna, ikkunsidra minn fejn qed tixtri. Li tiekol lokali huwa dejjem aħjar għall-ambjent.

Jekk int tiekol il-laħam jew għandek mistednin li jieklu laħam, sib biċċier jew il-bejjiegħ tal-ħut lokali tiegħek. Ix-xiri mingħandhom iżomm negozju lokali jopera u jistgħu jagħtuk parir dwar x’inhu l-aktar frisk u sostenibbli.

  • Fittex ukoll qatgħat tal-laħam mhux komuni.

“Aktar ma tkun avventuruż bl-għażla tal-qatgħat tiegħek, aktar tgħin biex tiekol il-laħam b’mod sostenibbli,” jgħid John Pallagi, fundatur ta’ Farmison & Co.

Ikkunsidra l-porzjonijiet ukoll. Huwa faċli li taqbad tixtri ħafna ikel ‘għal li jista’ jkun’ imma affarijiet bħall-insalata u boroż kbar ta’ ħass jistgħu jispiċċaw jixxarrbu fil-friġġ, u l-plastik ma jkunx riċiklabbli.

Minflok ma tuża fojl għat-tisjir, aħseb dwar l-użu ta’ BBQ mesh u skewers tal-metall għall-kebabs, li jistgħu jintużaw is-sena kollha fil-kċina.

  • Sajjar ikel ibbażat fuq il-pjanti u inkludi għażliet mingħajr laħam.

Ibbilanċja l-affarijiet b’xi għażliet ibbażati fuq il-pjanti. Il-pjanti huma ferm inqas intensivi fil-klima mill-laħam: tofu, tempeh, seitan, faqqiegħ, jackfruit, ġewż, fażola, grains u legumi. Jistgħu jkunu grilled, (air-fried), u naturalment immarinati. Ikel bażiku bħal falafels, stir-fries, għaġin, sopop, insalati, u platti li jinkludu l-grain jistgħu faċilment isiru veġetarjani.

Illum il-ġurnata hawn ukoll għadd kbir ta’ burgers mingħajr laħam, inklużi patties iddisinjati biex jimitaw it-taħlita u t-togħma tal-laħam.

  • Investi f’BBQ u fjuwil tajjeb.

L-għażla tal-BBQ hija importanti wkoll. Huwa faċli li tixtri biss BBQ li tuża darba u tarmih. Evita dawn il-BBQs tal-fojl li jintużaw darba biss, li huma magħmula minn materjali ta’ kwalità baxxa u huma kważi impossibbli li jiġu riċiklati.

Investi f’xi ħaġa ta’ kwalità għolja bħal BBQ magħmul mil-metall li se jdum iservi għal żmien twil.

U xi ngħidu fuq il-faħam? Filwaqt li l-barbecues tal-faħam jagħtuk dik it-togħma distintiva tal-BBQ, il-faħam jirrilaxxa madwar tliet darbiet l-ammont ta’ gassijiet serra minn grills tal-gass.

Fuq is-suq issa hemm disponibbli faħam sostenibbli, bħal Cocoshell Briquettes, li huma magħmula minn qxur tal-ġewż tal-Indi (Coconut shells) kkompressati u jinħarqu sa tliet darbiet daqs il-faħam konvenzjonali. Dan inaqqas il-ħtieġa ta’ top-ups u l-ammont ta’ ħin li trid tistenna għal faħam ġodda biex jisħnu.

L-aħjar għażla għal dan iż-żmien hija BBQ tal-elettriku fuq barra, idealment imħaddem b’enerġija rinnovabbli.

  • Żomm l-għatu tal-grill magħluq.

Żomm l-għatu fuq il-grill tiegħek magħluq waqt li l-ikel tiegħek ikun qed isir sabiex kollox jissajjar aktar malajr u b’mod uniformi u tuża inqas fjuwil.

  • Evita ikel lest u ppakkjat minn qabel.

Filwaqt li s-sezzjoni tal-BBQ/ tal-laħmijiet immarinata minn qabel hija dejjem attraenti, dawn il-prodotti ħafna drabi jiġu fi plastiks riġidi li ma jistgħux jiġu riċiklati. Għaliex ma tippreparax il-burgers tiegħek int stess minflok?

  • Evita li tuża plastiks li jintużaw darba biss.

Platti, tazzi u frieket u skieken tal-plastik – il-BBQs jistgħu jkunu problema tal-plastik li jintuża darba biss. Dan is-sajf, żomm lura milli tużahom. Fittex materjali li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħall-injam. Ixtri xi skutelli u dak li għandek bżonn tal-bambu, il-bambu hija l-iktar pjanta fid-dinja li tikber b’rata mgħaġla. Kun żgur li tevita straws tal-plastik, u tagħżel srievet li jistgħu jerġgħu jintużaw minflok srievet tal-karti.

  • Evita l-ħela tal-ikel.

Naturalment, hija r-responsabbiltà tiegħek bħala l-ospitant li tiżgura li jkun hemm biżżejjed ikel għal kulħadd, imma tagħmilx iżżejjed. Ħu idea mingħand il-mistednin bil-quddiem biex ikollok ħjiel ta’ x’se jkun l-aktar popolari; jekk jiġri li jkollok eċċess ta’ ikel, ħalli n-nies jieħdu l-ikel id-dar f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw.

  • Ixtri għamara tal-ġnien diġà użata (second hand).

Ipprova fittex xi ħaġa diġà użata – aktar milli tixtri għamara li tużaha darba għas-sajf biss. Facebook Marketplace u Maltapark huma siti tajbin fejn tista’ ssib affarjiet użati li jkunu għadhom f’kundizzjoni tajba u li jistgħu jerġgħu jintużaw.

Jekk se tixtri xi ħaġa ġdida, evita l-plastik u kkunsidra materjali sostenibbli.

Filmat: Azzar – Kanzunetta ġdida minn Skald dwar il-qawwa tal-imħabba

Filmat: Azzar – Kanzunetta ġdida minn Skald dwar il-qawwa tal-imħabba

Azzar hija l-aħħar kanzunetta li nieda l-grupp mużikali Skald.

Din il-kanzunetta tittratta dwar il-qawwa tal-imħabba ta’ veru. Dik l-imħabba li taf tfeġġ fejn mhix mistennija. L-imħabba li tagħti saħħa u kuraġġ fl-inċertezzi u d-diffikultajiet.

Dik l-imħabba li biha tħobb u tkun maħbub, li żżommok tkompli għaddej b’ħajtek minkejja kollox.

Azzar hi prologu għal matul is-sajf bħala tħejjija għal kunċert minn Skald bl-isem ta’ “Xaqq ta’ dawl” li se jsir fi tmiem is-sajf, is-Sibt l-24 ta’ Settembru ġewwa Theatre Next Door, il-Magħtab.

Bil-filmat: Iseħħ fenomenu msejjaħ bħala tsunami atmosferiku f’San Ġiljan u Marsaskala

Bil-filmat: Iseħħ fenomenu msejjaħ bħala tsunami atmosferiku f’San Ġiljan u Marsaskala

Kmieni dalgħodu, residenti minn San Ġiljan u Marsaskala esperjenzaw fenomenu li bil-Malti huwa magħruf bħala “il-milgħuba” filwaqt li bl-Ingliż isejħulu “seiche waves”.

Dan il-fenomenu li l-esperti jirreferu għalih bħala “tsunami atmosferiku”, mhuwiex wieħed rari u jista’ jseħħ kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa, fil-bnazzi u fil-maltemp.

Filmat: Stephen Bell

Ġieli esperjenzajt dan il-fenomenu mill-viċin?

Nuqqas ta’ servizzi skolastiċi għas-sajf għal tfal bl-awtiżmu joħloq diffikultajiet għalihom u għall-ġenituri

Nuqqas ta’ servizzi skolastiċi għas-sajf għal tfal bl-awtiżmu joħloq diffikultajiet għalihom u għall-ġenituri

Għall-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu, kif joqrob is-sajf jibda t-tħassib. Speċjalment għal dawk il-ġenituri li jridu jkomplu bir-rutina tax-xogħol tagħhom. Tħassib fuq x’servizzi jeżistu u fejn jistgħu jibagħtu lit-tfal tagħhom biex iqattgħu l-ħin matul il-ġimgħa, jieħdu pjaċir, jitgħallmu u jħossuhom parti mill-komunità bħat-tfal l-oħra.

Dwar dan tkellimna ma’ Justine Grima, omm ta’ żewġt itfal li għandhom l-awtiżmu.

Justine qaltilna li tfal bl-awtiżmu jkollhom bżonn li jżommu ċerta rutina u struttura fil-ġurnata tagħhom, u servizz fejn il-bżonnijiet tagħhom jiġu milqugħa. Sfortunament l-għażliet ta’ faċilitajiet li huma adattati għall-bżonnijiet ta’ tfal bl-awtiżmu mhumiex ħafna u mhumiex konvenjenti għal kulħadd.

“Bħat-tfal kollha hemm is-servizz ta’ SkolaSajf tal-gvern li huwa servizz pjuttost affordabbli (€25 mal-applikazzjoni) u bħala skola tista’ tagħżel fil-lokalità tiegħek li jaf tkun ta’ konvenjenza għal dak li jkun. Għalkemm SkolaSajf hija għat-tfal kolla, għal dawk it-tfal bi bżonn ta ‘shared’ LSE m’hemmx garanzija li t-tfal se jibbenefikaw minn dan is-servizz fi SkolaSajf għax jiddependi skont kemm japplikaw ħaddiema, kemm ikun hemm każijiet bi bzonn ta’ LSE eċċ.

Mill-banda l-oħra, tfal li jikkwalifikaw għall-beneficcju ta’ one-to-one LSE, jingħataw Child Support Worker individwali. Però mhux dejjem huwa l-każ li l-CSW tkun persuna kwalifikata specjalment fejn jidħlu certi abbiltajiet differenti. Ħafna mil-CSW ikunu studenti li għadhom kif bdew jew qed jistudjaw fil-qasam tal-edukazzjoni u ġieli lanqas ikunu esperjenzati. U minħabba f’hekk, għall-genituri mhijiex ta’ serħan il-mohh meta japplikaw għal dan is-servizz.

Hemm ukoll skejjel privati li joffru s-servizz ta’ Skola għas-sajf u hemm minnhom adattati u huma bbażati direttament fuq il-bżonnijiet tat-tfal, anke bħala terapija. Il-vantaġġ ta’ dawn l-iskejjel huwa li huma mmexxijin minn nies professjonali fuq dan il-qasam u l-gruppi ta’ tfal ikunu limitati, sabiex ikunu jistgħu jagħtu tagħlim u attenzjoni individwali għal kull tifel u tifla. Però peress li l-gruppi jkunu limitati, mhux dejjem għandek garanzija li se ssib post, għax l-applikazzjonijiet jittieħdu mill-ewwel u m’hawnx biżżejjed għal kulħadd. Sfortunatament dawn is-servizzi mhumiex affordabbli għal kulhadd għax jiswew il-mijiet. U meta dawn il-ġenituri diġà jħallsu l-mijiet fuq terapiji oħra li huma bżonn għat-tfal, mhux dejjem tkun possibbli jew kwazi impossibli li l-ġenituri jaffordjaw iħallsu għal servizz ieħor apparti. Kien hawn fil-passat skema tal-gvern ma’ ċerti skejjel privati fejn kienu jingħataw rimborz fl-aħħar tas-sajf fuq l-ammont tas-somma totali li titħallas għall-iskejjel tas-sajf però għal min ma jkunx jaffordja jħallas minn qabel din hija inutli, u hemm inċertezza jekk din l-iskema għadhiex teżisti jew le.”

Fl-aħħar nett, Justine qaltilna li x-xewqa tal-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu hija li jkun hawn aktar opportunitajiet għal servizzi għal uliedhom li huma ta’ serħan tal-moħħ u affordabbli u adattati għal dawn it-tfal. Fejn ikollhom post sigur fejn imorru jieħdu pjaċir, jilagħbu, jagħmlu ħbieb, u jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Enable Notifications OK No thanks