Riċetta: Torta tas-Salamun biz-Zalza tax-Xibt

Riċetta: Torta tas-Salamun biz-Zalza tax-Xibt

Ingredjenti (għal żewġ porzjonijiet):

600g salamun (biċċa waħda)

Żewġ tazzi ross

700ml stokk tal-ħaxix

Mgħarfa bżar aħmar imqatta’ fin

Kuċċarina tursin frisk imqatta’ fin

450g spinaċi

Żewġ basliet kbar, imqattgħin fin

400g faqqiegħ, imqatta’

Żewġ bajdiet ibsin, imkessħin u mqatta’ slajsis ħoxnin

Żewġ friegħi xibt, imqatta’

Melħ u bżar għat-togħma

Żewġ biċċiet għaġina sfiljurata miftuħin għal 32ċm x 40ċm kull waħda

Bajda mħabbta

Għaz-zalza Dijon Dill:

Kuċċarina Xibt, imqatta’ fin

Mgħarfa inbid abjad

Żewġ imgħaref mustarda ta’ Dijon

100ml krema friska

Żewġ imgħaref butir

Melħ u bżar għat-togħma

Metodu:

  • Qalli l-ispinaċi mal-basal f’taġen kbir bi ftit żejt taż-żebbuġa.
  • Ħalli l-ispinaċi jiksaħ u agħfas il-biċċa l-kbira tal-likwidu mill-ispinaċi. Kessaħ fil-friġġ għal mill-inqas nofs siegħa.
  • Qalli l-faqqiegħ fiż-żejt taż-żebbuġa għal madwar kwarta sakemm ikun karamelizzat. Saffih minn kull likwidu u kessaħ fil-friġġ għal mill-inqas nofs siegħa.
  • Għalli r-ross fl-istokk tal-ħaxix. Meta jkun lest, saffih u żidlu l-bżar aħmar imqatta’ u t-tursin. Ħawwad sew u kessaħ fil-friġġ għal mill-inqas nofs siegħa.
  • Iftaħ biċċtejn għaġina sfiljurata għal daqa ta 32ċm x 40 ċm kull waħda.
  • Saħħan il-forn għal 180.
  • Poġġi biċċa għaġina fuq karta tal-forn fuq dixx.
  • Ibda billi żżid saff ross fuq l-għaġina puff. Is-saff tar-ross jeħtieġ li jkun mill-inqas pulzier għoli. Dan se jikkompressa u bilkemm jibda jidher.
  • Żid is-saff tal-ispinaċi fuq is-saff tar-ross.
  • Żid is-saff tal-faqqiegħ fuq is-saff tal-ispinaċi.
  • Poġġi s-Salamun fuq il-faqqiegħ. Ħawwru sew bil-melħ u bżar.
  • Imbagħad żid biċċiet tax-xibt frisk fuq is-salamun.
  • L-aħħar pass huwa li żżid il-bajd imqatta’ fuq is-salamun.
  • Issa, idlek it-truf tal-għaġina bil-bajda mħabbta. Poġġi l-biċċa għaġina fil-wiċċ u ssiġġilla t-truf b’furketta biex tagħmel qisu pakkett magħluq.
  • Idlek il-pakkett kollu bil-bajda mħabbta. Dan biex jagħti lid-dixx lest finitura sabiħa kannella tleqq.
  • Aħmi fi grad 180 C) għal 50-60 minuta jew sakemm l-għaġina puff tkun ħadet kulur kannella dehbi.
  • Aqsam it-torta f’żewġ biċċiet u servi fuq zalza ta xibt u Dijon.

Għaz-zalza Dijon Dill:

Żid xibt u inbid abjad f’taġen fuq nar medju. Tektek sakemm l-inbid jonqos bin-nofs.

Żid mustarda ta’ Dijon u l-krema friska fit-taġen. Ħawwad, u ħalli sakemm iz-zalza taqgħad ftit.

Neħħi minn fuq in-nar u żid il-butir billi tħawwad b’wire whisk.

L-ikla t-tajba!

Din ir-riċetta ġiet imwassla lilkom minni u minn Vince Busuttil.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ikel u xorb relatat ma’ dan iż-żmien li tista’ u ma tistax tagħti lill-annimali domestiċi tiegħek

Ikel u xorb relatat ma’ dan iż-żmien li tista’ u ma tistax tagħti lill-annimali domestiċi tiegħek

Fost ħafna, l-ikel u xorb jagħmlu parti kbira minn dan iż-żmien ta’ festi.

Hija xi ħaġa naturali li nkunu nixtiequ naqsmu t-tjubija tal-ikel u x-xorb li ngawdu f’dan iż-żmien mal-klieb u l-qtates tagħna għax bħala membri tal-familja tagħna nkunu rriduhom igawdu magħna, iżda ħafna drabi dak li jkun mingħalina li qed nagħtuhom biex igawdu, fir-realtà jkun qed jagħmlilhom il-ħsara.

Iva, anke l-iktar ikel bnin u sustanzjuż jista’ jikkawża ħsara lill-klieb u l-qtates, għalhekk importanti li noqogħdu attenti x’nagħtuhom u x’inħallu f’postijiet li jistgħu jilħquh faċilment.

Dawn huma ftit mill-ikel u xorb li tista’ u ma tistax tagħti lill-kelb u l-qattus tiegħek:

Għadam tat-tjur

L-għadam tat-tjur, partikolarment tad-dundjan, waħda mill-ikliet tradizzjonali ta’ dan iż-żmien, misjur, jista’ jikkawża ħsara kbira lill-annimali domestiċi. Jekk jittieklu, jistgħu jinferxu u jtaqqbu l-istonku jew l-imsaren tal-annimal. Għalhekk huwa importanti li żżomm l-għadam fejn ma jilħquhomx. Min-naħa l-oħra, il-laħam tas-sider tad-dundjan u tat-tiġieġ, u laħam abjad ieħor mingħajr għadam u ġilda huwa tajjeb għall-annimali domestiċi tiegħek. Idealment il-laħam ikun mgħolli, mingħajr melħ u bżar, u mingħajr tip ta’ zalza.

Ġilda tad-dundjan

Ħafna ikel ta’ dan iż-żmien, bħall-ġilda tad-dundjan u gravy, huwa għoli fix-xaħam u diffiċli għall-annimali domestiċi biex jiddiġerixxu. Dawn it-tipi ta’ ikel jistgħu jikkawżaw marda ta’ ħafna wġigħ magħrufa bħala pankreatite, li twassal ukoll għal rimettar, dijarea u dgħjufija. Jekk m’intix se tikolha, ara li tpoġġiha f’post fejn ma jiħaqhiex il-kelb tiegħek u tarmiha eżatt wara li tkun kilt.

Basal

Il-basal iżid it-togħma delizzjuża għal ħafna platti fl-ikliet ta’ dan iż-żmien, iżda għall-qtates u l-klieb, dawn, flimkien mal-kurrat u t-tewm, jistgħu jikkawżaw anemija, problemi gastrointestinali u żieda fir-rata tal-qalb.

Iċ-ċikkulata

Iċ-ċikkulata tista’ tikkawża aċċessjonijiet u saħansitra tkun fatali għall-annimali domestiċi. Iċ-ċikkulata skura, li n-nies spiss jużaw għad-deżerti tal-ħelu ta’ dan iż-żmien, hija aktar tossika għall-annimali domestiċi miċ-ċikkulata tal-ħalib jew bajda. L-ingredjenti tossiċi jinkludu l-kaffeina u teobromina, kimika li tinsab fil-pjanta tal-kakaw. Kun żgur li żżomm iċ-ċikkulata tiegħek f’post sigur mill-annimali domestiċi.

Diversi tipi ta’ ġewż

Il-ġewż tal-makadamja, li huma ingredjent komuni fil-ħelu u gallettini ta’ dan iż-żmien u anki bħala appetizers, kif ukoll il-pistaċċi, jistgħu jkunu tossiċi għall-klieb. Dan għaliex l-ammont ta’ xaħam li għandhom jista’ jikkawża pankreatite. Barra minn hekk, il-makadamja allegatament fiha tossina mhux magħrufa li tista’ tirriżulta f’sintomi newroloġiċi. Filwaqt li l-avvelenament jista’ mhux dejjem ikun faċli biex jinstab f’annimali domestiċi, sinjali ta’ twissija kliniċi jinkludu dipressjoni, dgħjufija, rimettar, rogħda, ebusija fil-ġogi u nuqqas ta’ koordinazzjoni.

Għeneb u żbib

Fl-1989, database ta’ tossiċità kompjuterizzata għenet lill-veterinarji jidentifikaw l-għeneb u ż-żbib bħala l-kawża ta’ insuffiċjenza tal-kliewi fil-klieb. L-għeneb u ż-żbib, huma tossiċi għall-qtates u l-klieb. Għalhekk importanti li żżomm kwalunkwe deżerta jew platter li jkun fihom żbib jew għeneb ‘il bogħod mill-qattus u l-kelb tiegħek.

Għaġina bil-ħmira

Dawk li jħobbu jaħmu partikolarment f’dan iż-żmien iridu joqogħdu attenti mill-għaġina mhux moħmija peress li jekk tittiekel mill-annimali tiegħek tista’ tespandi fl-istonku tiegħu u tirriżulta f’rimettar, uġigħ addominali qawwi u nefħa.. Jekk tissuspetta li l-kelb tiegħek ħa xi biċċa għaġina mhux moħmija, ċempel lill-veterinarju tiegħek kemm jista’ jkun malajr.

Noċemuskata (Nutmeg)

Dan il-ħwawar popolari, komunament użat għal xi torta tal-qara ħamra u patata ħelwa, qatt m’għandu jingħata lill-annimali domestiċi tiegħek. Dan il-ħwawar jista’ jikkawża aċċessjonijiet, rogħda u problemi oħra. F’każijiet severi ġew irrappurtati anke mewt. Min-naħa l-oħra, il-qara ħamra plejn u l-patata ħelwa huma tajbin għall-annimali domestiċi tiegħek, għalhekk tista’ twarrab ftit biex tagħtihom qabel ma żżid ingredjenti oħra.

Ħalib

Minħabba li l-annimali domestiċi m’għandhomx ammont sinifikanti ta’ lactase (l-enzima li tkisser il-lattożju fil-ħalib), il-ħalib u prodotti oħra tal-ħalib jistgħu jikkawżaw dijarea jew taqlib diġestiv ieħor li jista’ jwassal għal deidrazzjoni. Oqgħod attent li tillimita l-ammont ta’ prodotti tal-ħalib li jieklu l-annimali domestiċi tiegħek bħala parti minn ikel ieħor li tista’ tagħtihom.

Il-kafè

Kull min iħobb il-kafè jaqbel li m’hemm xejn bħal tazza kafè wara l-pranzu f’lejl kiesaħ. Madanakollu, il-kafè huwa ħażin ħafna għall-klieb, qtates u annimali domestiċi oħra. Il-kaffeina tista’ tqanqal aċċessjonijiet u ritmi anormali tal-qalb fl-annimali domestiċi, u xi kultant tista’ tkun fatali. Xorb ieħor bil-kaffeina, bħal te u luminata wkoll mhumiex tajbin għalihom.

Alkoħol

Minħabba li huma tipikament iżgħar min-nies, l-annimali domestiċi m’għandhomx għalfejn jieħdu ħafna alkoħol biex jagħmlilhom ħażin b’mod perikoluż. Żomm dawk it-tazzi tal-inbid ‘il bogħod mill-annimali domestiċi kollha biex tevita kwalunkwe kwistjoni.

Ikel ieħor li huwa tajjeb għall-annimali domestiċi tiegħek huma:

Is-salamun, karrotti, piżelli, tuffieħ, banana, cranberries.

Għalkemm il-klieb jistgħu jieklu l-ikel imsemmi hawn fuq, ftakar li kull tip ta’ treat, kemm ikel minn tagħna kif ukoll tal-klieb, għandhom jagħmlu biss 10 fil-mija tal-konsum ta’ kaloriji tagħhom ta’ kuljum. Id-90 fil-mija l-oħra għandhom jiġu minn ikel tal-klieb b’dieta bilanċjata.

M’għandekx tagħti lill-kelb tiegħek ħafna ikel ġdid f’daqqa lanqas, anki jekk ikel bħad-dundjan u l-karrotti huwa sikur, wisq ikel ġdid f’daqqa jista’ jirriżulta f’taqlib tal-istonku.

Riċetta: Tagliatelle bis-Salamun u l-Krema

Riċetta: Tagliatelle bis-Salamun u l-Krema

Għandek bżonn (għal 4 porzjonijiet):

400g tagliatelle jew għaġin ieħor

400g steaks tas-salamun (mingħajr ġilda jekk possibbli)

Ftit onion powder

Melħ u bżar skont il-gosti tiegħek

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

Mgħarfa butir

200ml inbid abjad

Mgħarfa meraq tal-lumi

200ml krema friska

Tliet sinniet tewm imqattgħin irqaq ħafna

100g ġobon parmesan maħkuk

Mgħarfa dqiq

Mgħarfa tursin frisk imqatta’

Metodu:

  • Għalli borma misħun bil-melħ. Meta jagħli itfa’ l-għaġin u ħallih isir sakemm ikun ‘al dente’.
  • Warrab ftit mill-ilma li tkun għallejt l-għaġin fih. Saffi l-għaġin u warrbu.
  • Roxx is-salamun bl-onion powder, melħ u bżar fuq iż-żewġ naħat.
  • F’taġen fond, żid iż-żejt taż-żebbuġa u l-butir fuq nar medju.
  • Kif iż-żejt u l-butir jisħnu, żid is-salamun. Aqli s-salamun għal madwar 3 minuti fuq kull naħa.
  • Neħħi s-salamun mit-taġen u warrbu.
  • Żid l-inbid abjad, il-meraq tal-lumi, il-krema friska, it-tewm u l-parmesan.
  • Ħallat sew u sajjar għal 3 minuti.
  • Żid bil-mod id-dqiq maż-zalza, u ħawwad kontinwament biex tevita li jkollok ċapep.
  • Żid is-salamun lura fit-taġen u kissru bil-wooden spoon biex jiġik biċċiet żgħar.
  • Ħawwad is-salamun bil-mod maz-zalza. Sajjar għal madwar 5 minuti sakemm iz-zalza tagħqad ftit u s-salamun ikun sar.
  • Issa żid l-għaġin fit-taġen, flimkien ma’ żewġt imgħaref mill-ilma li tkun sajjart l-għaġin fih.
  • Ħawwad kollox bil-mod u ħallih fuq nar baxx għal madwar 5 minuti.
  • Servi mill-ewwel, imżejjen bit-tursin u ftit parmesan fil-wiċċ.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

109 snin ilu seħħet it-traġedja tat-Titanic

109 snin ilu seħħet it-traġedja tat-Titanic

Mija u disa’ snin ilu, proprju fil-15 ta’ April tal-1912, vapur lussuż tal-passiġġieri, li kien meqjus li ma jistax jegħreq, laqat iceberg u għereq barra mill-kosta ta’ Newfoundland. Għalkemm b’kollox mietu aktar minn 1,500, ittieħdu 73 sena biex it-tifrik tal-vapur finalment jinstab, u ħafna snin oħra biex tinkixef l-istorja sħiħa tat-traġedja.

Issa, aktar minn seklu wara, it-Titanic għadu wieħed mill-aktar stejjer affaxxinanti fl-istorja, u ispira għadd ta’ films, kotba u riċerka dwar ir-rakkont traġiku u misterjuż tiegħu.

Imma kemm nafu verament dwar is-sigrieti tat-Titanic u dawk abbord?

Irnexxielna niskopru fatti u dettalji li żgur ma rajnihomx fil-film, li jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien jibqa’ tant popolari u segwit.

Ma ġiex irħis! Il-vapur sewa $7.5 miljun biex jinbena. Fatt interessanti huwa li l-film ta’ James Cameron tal-1997 dwar id-diżastru kellu baġit ta’ produzzjoni ta’ $200 miljun.

Żgur li ma kienx xogħol ta’ raġel wieħed. Ħadu 3,000 bennej tal-bastimenti Harland & Wolff biex jibnu l-vapur.

Kien twil aktar minn 882 pied li jiġi ekwivalenti għal kważi tliet grounds tal-futbol. Kien jiżen ukoll 52,310 tunnellata.

Waħda mill-ismokestacks ma kinitx taħdem. Tlieta minnhom biss kienu fil-fatt funzjonali. Dak żejjed kien biss biex il-vapur jidher aktar impressjonanti.

Kien hemm biss 20 dgħajsa tas-salvataġġ. Il-vapur kien mgħammar biex iżomm 64. Ħafna mid-dgħajjes tas-salvataġġ intbagħtu qabel ma kienu mimlijin. Kien hemm 28 persuna fuq l-ewwel dgħajsa meta kienet tesa’ 65 persuna.

Id-disinn interjuri kien ibbażat fuq lukanda ta’ Londra. The Ritz, fil-viċinat ta’ Picadilly f’Londra ispirat id-disinn ta’ ġewwa tal-vapur. Il-lukanda fetħet fl-1906 u għadha topera sal-lum.

Kien hemm ħafna kumditajiet fil-parti tal-ewwel klassi tal-vapur. Parti minn dan il-lussu kien jinkludi pixxina, banju Tork, squash court, u kennel tal-klieb.

Kien jeħtieġ ħafna faħam. Iktar minn 800 tunnellata ta’ faħam inħarqu biex iħaddmu l-vapur kuljum.

Iktar minn 100,000 persuna attendew għat-tnedija tal-vapur. Telaq minn Belfast, l-Irlanda.

Abbord kien hemm aktar minn 2,200 persuna. In-numri jvarjaw kemm kien hemm eżattament nies fuq il-vapur, iżda 32% biss salvaw mill-għarqa.

In-numru eżatt ta’ mwiet għadu mhux magħruf. Hemm approssimattivi bbażati fuq il-manifesti tal-vapur, iżda n-nies ivvjaġġaw taħt ismijiet foloz u minn tant postijiet differenti li dawk il-listi ma kinux kompletament preċiżi.

Kellha tkun vaganza romantika għal xi wħud. 13-il koppja abbord kienu fuq il-qamar il-għasel tagħhom.

Kien hemm biss 23 membru tal-ekwipaġġ nisa. Dawk it-23 mara kienu jiffurmaw it-885 membru tal-ekwipaġġ li kienu abbord.

Il-mużiċisti ma kellhomx biċċa xogħol faċli! Il-mużiċisti fuq il-vapur kienu mistennija li jkunu jafu t-352 kanzunetta kollha elenkati fil-ktieb tal-kanzunetti mogħtija lill-passiġġieri tal-ewwel klassi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu t-talbiet tagħhom.

Huma komplew għaddejjin anki waqt li kien qed jegħreq il-vapur! Ix-xena ikonika mill-film ġrat ukoll fil-ħajja reali, bl-għan li jagħtu l-għajnuna tagħhom biex jikkalmaw il-passiġġieri, il-mużiċisti komplew idoqqu anki waqt li kien qed jegħreq it-Titanic, u fl-aħħar mill-aħħar tilfu ħajjithom fl-għarqa.

Il-vapur kellu l-gazzetta tiegħu stess. The Atlantic Daily Bulletin kienet tiġi stampata u mqiegħda kull filgħaxija fil-kamra tat-tipjip tal-passiġġieri tal-ewwel klassi.

L-aħħar pranzu tal-vapur kien festa. L-aħħar ikla servuta fuq it-Titanic kienet tikkonsisti f’10 korsijiet. Il-menu kien jinkludi oysters, soppa tax-xgħir, salamun moqli, u ħafna aktar.

Kellu 15,000 flixkun birra ale u, 1,000 flixkun inbid abbord. Il-vapur kien ukoll maħżuna bi 850 flixkun likur kif ukoll 8,000 sigarri! Uħud mix-xampanja fil-fatt instabu meta ġie skopert in-nawfraġju fl-1985.

Kien hemm passiġġieri tal-ewwel klassi, u kien hemm ukoll John Jacob Astor IV. Aston kien l-iktar passiġġier sinjur abbord. Huwa kien jiswa aktar minn $90 miljun. Dan huwa aktar minn żewġ biljun dollaru skont l-istandards tal-lum meta titqies l-inflazzjoni.

Il-furnar tal-vapur, Charles Joughin, kien fost dawk li salvaw. Joughin qatta’ sagħtejn fl-ilma qabel ma ġie salvat. Huwa sostna li kien kapaċi jdum daqshekk għax xorob ħafna whiskey minn qabel.

Mara li baqgħet ħajja mill-għarqa tat-Titanic, aktar tard irnexxielha ssalva wkoll minn għarqa ta’ vapur ieħor! Stewardess u infermiera Violet Jessop baqgħet ħajja mill-għarqa tat-Titanic biss biex tesperjenza vapur ieħor li għereq fuq il-Britannic erba’ snin wara, fl-1916. Jessop irnexxielha terġa’ ssalva iżda sofriet ġrieħi trawmatiċi f’rasha.

Persuna oħra li rnexxielha ssalva, aktar tard saret attivista u ħarġet għas-Senat tal-Istati Uniti. Waħda mill-aktar persuni famużi li salvaw mit-traġedja tat-Titanic kienet Margaret Brown, li aktar tard ġiet imlaqqma “The Unsikable Molly Brown.” Hija saret attivista avida, tappoġġja s-sugffraġju tan-nisa u saħansitra ħarġet għas-Senat.

L-iżgħar persuna li salvat mietet fl-2009. Milvina Dean kellha xahrejn meta kienet fuq it-Titanic. Għexet sal-età ta’ 97 sena.

Milton S. Hersey suppost kellu jkun passiġġier. Il-magnat taċ-ċikkulata kellu biljett u kollox, iżda kellu jaqleb għal vapur ieħor li ħadu lejn New York aktar qabel minħabba xi laqgħat tan-negozju li kellu.

Kellu jkun hemm eżerċizzju tad-dgħajjes tas-salvataġġ dakinhar li għereq il-vapur. Il-Kaptan Edward John Smith ikkanċella dan l-eżerċizzju li kien ippjanat dakinhar tal-għarqa iżda r-raġuni ħadd ma jafha.

Ġie magħruf minn fejn ġiet l-iceberg. Il-biċċa silġ ta’ 100 pied ġiet traċċata lura għal glaċier fi Greenland.

Il-vapur ħa 400 tunnellata ilma kull minuta wara li laqat l-iceberg. L-ewwel ma ntliet bl-ilma kienet il-parti ta’ quddiem tal-vapur, li kkawża l-parti ta’ wara titla’ fl-arja u eventwalment tinqata’.

Kien 400 mil mill-art meta għereq. Newfoundland kienet l-eqreb destinazzjoni, iżda t-Titanic kien diġà taħt l-ilma ftit sigħat wara li laqat l-iceberg.

Il-gazzetti ma rrapurtawx l-istorja tat-traġedja sewwa. Meta l-aħbar dwar l-għarqa laħqet il-kontinent, diversi gazzetti rrapurtaw ħażin li ma kienx hemm vittmi. Ladarba n-numri veri bdew deħlin, in-nies ingħaqdu flimkien biex jiġbru flus għall-vittmi.

Film dwar it-traġedja ħareġ inqas minn xahar wara li ġrat. Kien film sieket maħruġ f’Mejju tal-1912. Kien ikkaratterizzat minn Dorothy Gibson, attriċi li baqgħet ħajja mill-għarqa.

Ħa ħafna żmien biex jinstab ir-relitt. Il-missjonijiet ta’ tfittxija bdew kważi immedjatament wara li l-vapur sparixxa taħt l-ilma, iżda ma nstabx sal-1985. Robert Ballard sab ir-relitt waqt li kien abbord vapur ta’ riċerka Franċiż imsejjaħ Le Suroît.

Irkupraw ħafna mir-relitt. Ġew irkuprati madwar 6,000 artifatt, li jinsabu għall-wiri f’mużewijiet madwar id-dinja u xi wħud inbiegħu bl-irkant bi prezzijiet għoljin.

Il-lookouts tal-vapur ma setgħux jaċċessaw il-binokli. Il-binokli tal-vapur apparentament kienu msakkra ġewwa kabinett, imma ħadd ma seta’ jsib iċ-ċwievet minħabba li uffiċjal tal-vapur aċċidentalment nesa jagħtihomlhom. Għaldaqstant kellhom jiddependu fuq il-vista tagħhom biss, wieħed mill-ħafna fatturi li huma maħsuba li kkontribwixxew fit-traġedja tal-vapur.

Il-fdalijiet tal-vapur qed jisparixxu. Hemm batterja li tiekol is-sadid imsejħa Halomonas titanicae li bil-mod qed tikkonsma l-fdalijiet tal-vapur. Huwa mistenni li jkun sparixxa kompletament sal-2030.

Hemm Titanic ieħor ippjanat! Fl-2012, il-miljunarju Awstraljan Clive Palmer ħabbar pjanijiet biex jibni replika moderna tat-Titanic, imsejħa Titanic II, f’assoċjazzjoni mal-kumpanija Blue Star Line. Il-bord tal-kumpanija jikkonsisti f’żewġ dixxendenti ta’ persuni li salvaw mill-għarqa.

Enable Notifications OK No thanks