BIL-FILMAT: “Ilbieraħ ħallejna din it-tifla tmut bil-għatx” – Peppi Azzopardi

BIL-FILMAT: “Ilbieraħ ħallejna din it-tifla tmut bil-għatx” – Peppi Azzopardi

Ilbieraħ mietet ir-Reġina Eliżabetta II. Imma mietet ukoll tifla li kulma kellha 4 snin.

Peppi Azzopardi jikteb poeżija u jibda billi jħabbrilna dan, u jtemm billi jgħidilha biex ma nibqgħux siekta.

“Nibku t-telfa tar-Reġina, ta’ sitta u disgħin.

Ħallietna kollha mbikkmin.

U t-tifla ta’ 4 snin, li mietet ftit ilu fid-dgħajsa,

Għax karrbet għall-għajnuna,

U bqajna għaddejjin.

It-tifla riedet tixrob, u għax mhijiex Maltija,

Sqijnieha l-apatija.

Id-dgħajsa fiż-żona Maltija ta’ salvataġġ,

U ħallejna lit-tifla tmut bil-għatx.

U l-Gvern jibqa’ jittama, li nbiddu t-twemmin tagħna,

U flok inkunu Nsara, inħarsu xi mkien ieħor,

Għax qajla jimpurtana.

U napprovaw tmexxija,li lil ħutna li jaħarbu

Mill-gwerra u t-tortura,

Flok jagħtihom il-kura,

Bla qalb jibagħthom lura.

Issa żżejjed.

U please għal din it-tifla, tagħmlux minuta silenzju.

Ilna silenzjużi biżżejjed.”

4,000 beagle ġew salvati minn ħalq il-mewt

4,000 beagle ġew salvati minn ħalq il-mewt

Madwar 4,000 beagle qed ifittxu dar, wara li organizzazzjonijiet tas-salvataġġ tal-annimali bdew ineħħuhom minn faċilità ġewwa Virginia, l-Amerika, li trabbihom biex jinbiegħu lil laboratorji għall-esperimenti.

Dan is-salvataġġ ser jieħu 60 jum sakemm l-annimali kollha jinħarġu u eventwalment dawn il-klieb jidħlu fi djar li joffrulhom imħabba.

Xelters minn South Elgin, Illinois sa Pittsburgh bdew jirċievu l-klieb, fejn ser ikunu qed jagħmlulhom eżamijiet mediċi, tilqim u trattamenti oħra. Dan minħabba li ħafna mill-klieb salvati ma kinux mitmugħa biżżejjed u kienu qed isofru minn xi ġrieħi.

Xi wħud kienu wkoll f’xifer il-mewt, u ħafna sfortunatament laħqu mietu. L-għan issa huwa li tingħata attenzjoni medika lill-klieb li għandhom bżonnha qabel ma jsiru disponibbli għall-adozzjoni.

Hemm il-bżonn t’aktar għarfien biex la beagles u l-ebda annimal ieħor ma jkun suġġett għal dawn it-tip ta’ testijiet.

Filwaqt li nirringrazzjaw lil dawn organizzazzjonijiet talli salvaw dawn il-frieħ innoċenti, lilek li qed taqra l-artiklu nħeġġuk tixtri prodotti li mhumiex ittestjati fuq l-annimali!

Il-ħidma ta’ salvataġġ għal tifel ta’ 5 snin li waqa’ fil-bir fil-Marokk waslet fl-aħħar stadji tagħha

Il-ħidma ta’ salvataġġ għal tifel ta’ 5 snin li waqa’ fil-bir fil-Marokk waslet fl-aħħar stadji tagħha

Bħalissa, għaddejja ħidma intensiva ta’ salvataġġ għal tifel ta’ 5 snin li ilu dawn l-aħħar erbat iljieli maqbud ġo bir.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ fit-Tramuntana tal-Marokk ilhom iħaffru biex jippruvaw jilħqu lit-tifel li nqabad fil-qiegħ ta’ bir b’fond ta’ 32 metru wara li waqa’ għal isfel it-Tlieta billejl.

Fl-aħħar sigħat ġie rrappurtat li l-ħidma ta’ salvataġġ waslet fl-aħħar stadji tagħha u resqin aktar lejn il-possibilità li t-tifel, bl-isem ta’ Rayan, jiġi salvat. Fil-fatt, il-midja lokali llum irrappurtat li l-ħaddiema ta’ salvataġġ issa jinsabu 1.8m ‘il bogħod mit-tifel.

L-operazzjoni ta’ salvataġġ ilha għaddejja jiem sħaħ, u eluf inġabru fuq il-post.

Missier Rayan kien qed isewwi xi ħsarat fil-bir fil-ħin tal-inċident, u qal li hu u omm Rayan jinsabu inkwetati ħafna. Huwa qal li dik is-sekonda li neħħa għajnejh minn fuqu, it-tifel waqa’ fil-bir, u stqarr li għadu ma raqadx sekonda.

Waqt li tkellmet mal-midja, bid-dmugħ f’għajnejha omm Rayan qalet li l-familja kollha ħarġet tfittex lit-tifel sakemm imbagħad indunaw li kien waqa’ fil-bir. Hija qalet li għadha tittama li t-tifel joħroġ mill-bir ħaj

Filmati minn kamera mniżżla fil-bir, nhar il-Ħamis urew li t-tifel kien ħaj u f’sensih, għalkemm jidher li qed isofri minn xi ġrieħi ħfief f’rasu.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ niżżlu maskra tal-ossiġnu, ikel u ilma fil-bir u tim mediku jinsab ukoll fuq il-post, lest biex jikkura lit-tifel.

Appell lill-pubbliku biex joqgħod ġewwa – Il-maltemp mistenni jippersisti sal-lejla

Appell lill-pubbliku biex joqgħod ġewwa – Il-maltemp mistenni jippersisti sal-lejla

Maltemp qawwi li qed jaħkem lill-gżejjer tagħna minn kmieni dalgħodu qed jikkawża għarar u diversi diffikultajiet fit-toroq.

Ċerti żoni f’Malta, intlaqtu aktar minn oħrajn, fosthom Burmarrad u l-Marsa.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-pulizija, li bħalissa għaddejjin ukoll b’ħidma ta’ salvataġġ, qed jappellaw lill-pubbliku biex joqgħod ġewwa kemm jista’ jkun u jevita żoni l-aktar maħkuma mill-maltemp.

Skont rapporti meteoroloġiċi, il-maltemp mistenni jibqa’ jippersisti sa tard illejla, b’possibilitajiet ta’ aktar xita qawwija, ragħad u silġ.

109 snin ilu seħħet it-traġedja tat-Titanic

109 snin ilu seħħet it-traġedja tat-Titanic

Mija u disa’ snin ilu, proprju fil-15 ta’ April tal-1912, vapur lussuż tal-passiġġieri, li kien meqjus li ma jistax jegħreq, laqat iceberg u għereq barra mill-kosta ta’ Newfoundland. Għalkemm b’kollox mietu aktar minn 1,500, ittieħdu 73 sena biex it-tifrik tal-vapur finalment jinstab, u ħafna snin oħra biex tinkixef l-istorja sħiħa tat-traġedja.

Issa, aktar minn seklu wara, it-Titanic għadu wieħed mill-aktar stejjer affaxxinanti fl-istorja, u ispira għadd ta’ films, kotba u riċerka dwar ir-rakkont traġiku u misterjuż tiegħu.

Imma kemm nafu verament dwar is-sigrieti tat-Titanic u dawk abbord?

Irnexxielna niskopru fatti u dettalji li żgur ma rajnihomx fil-film, li jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien jibqa’ tant popolari u segwit.

Ma ġiex irħis! Il-vapur sewa $7.5 miljun biex jinbena. Fatt interessanti huwa li l-film ta’ James Cameron tal-1997 dwar id-diżastru kellu baġit ta’ produzzjoni ta’ $200 miljun.

Żgur li ma kienx xogħol ta’ raġel wieħed. Ħadu 3,000 bennej tal-bastimenti Harland & Wolff biex jibnu l-vapur.

Kien twil aktar minn 882 pied li jiġi ekwivalenti għal kważi tliet grounds tal-futbol. Kien jiżen ukoll 52,310 tunnellata.

Waħda mill-ismokestacks ma kinitx taħdem. Tlieta minnhom biss kienu fil-fatt funzjonali. Dak żejjed kien biss biex il-vapur jidher aktar impressjonanti.

Kien hemm biss 20 dgħajsa tas-salvataġġ. Il-vapur kien mgħammar biex iżomm 64. Ħafna mid-dgħajjes tas-salvataġġ intbagħtu qabel ma kienu mimlijin. Kien hemm 28 persuna fuq l-ewwel dgħajsa meta kienet tesa’ 65 persuna.

Id-disinn interjuri kien ibbażat fuq lukanda ta’ Londra. The Ritz, fil-viċinat ta’ Picadilly f’Londra ispirat id-disinn ta’ ġewwa tal-vapur. Il-lukanda fetħet fl-1906 u għadha topera sal-lum.

Kien hemm ħafna kumditajiet fil-parti tal-ewwel klassi tal-vapur. Parti minn dan il-lussu kien jinkludi pixxina, banju Tork, squash court, u kennel tal-klieb.

Kien jeħtieġ ħafna faħam. Iktar minn 800 tunnellata ta’ faħam inħarqu biex iħaddmu l-vapur kuljum.

Iktar minn 100,000 persuna attendew għat-tnedija tal-vapur. Telaq minn Belfast, l-Irlanda.

Abbord kien hemm aktar minn 2,200 persuna. In-numri jvarjaw kemm kien hemm eżattament nies fuq il-vapur, iżda 32% biss salvaw mill-għarqa.

In-numru eżatt ta’ mwiet għadu mhux magħruf. Hemm approssimattivi bbażati fuq il-manifesti tal-vapur, iżda n-nies ivvjaġġaw taħt ismijiet foloz u minn tant postijiet differenti li dawk il-listi ma kinux kompletament preċiżi.

Kellha tkun vaganza romantika għal xi wħud. 13-il koppja abbord kienu fuq il-qamar il-għasel tagħhom.

Kien hemm biss 23 membru tal-ekwipaġġ nisa. Dawk it-23 mara kienu jiffurmaw it-885 membru tal-ekwipaġġ li kienu abbord.

Il-mużiċisti ma kellhomx biċċa xogħol faċli! Il-mużiċisti fuq il-vapur kienu mistennija li jkunu jafu t-352 kanzunetta kollha elenkati fil-ktieb tal-kanzunetti mogħtija lill-passiġġieri tal-ewwel klassi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu t-talbiet tagħhom.

Huma komplew għaddejjin anki waqt li kien qed jegħreq il-vapur! Ix-xena ikonika mill-film ġrat ukoll fil-ħajja reali, bl-għan li jagħtu l-għajnuna tagħhom biex jikkalmaw il-passiġġieri, il-mużiċisti komplew idoqqu anki waqt li kien qed jegħreq it-Titanic, u fl-aħħar mill-aħħar tilfu ħajjithom fl-għarqa.

Il-vapur kellu l-gazzetta tiegħu stess. The Atlantic Daily Bulletin kienet tiġi stampata u mqiegħda kull filgħaxija fil-kamra tat-tipjip tal-passiġġieri tal-ewwel klassi.

L-aħħar pranzu tal-vapur kien festa. L-aħħar ikla servuta fuq it-Titanic kienet tikkonsisti f’10 korsijiet. Il-menu kien jinkludi oysters, soppa tax-xgħir, salamun moqli, u ħafna aktar.

Kellu 15,000 flixkun birra ale u, 1,000 flixkun inbid abbord. Il-vapur kien ukoll maħżuna bi 850 flixkun likur kif ukoll 8,000 sigarri! Uħud mix-xampanja fil-fatt instabu meta ġie skopert in-nawfraġju fl-1985.

Kien hemm passiġġieri tal-ewwel klassi, u kien hemm ukoll John Jacob Astor IV. Aston kien l-iktar passiġġier sinjur abbord. Huwa kien jiswa aktar minn $90 miljun. Dan huwa aktar minn żewġ biljun dollaru skont l-istandards tal-lum meta titqies l-inflazzjoni.

Il-furnar tal-vapur, Charles Joughin, kien fost dawk li salvaw. Joughin qatta’ sagħtejn fl-ilma qabel ma ġie salvat. Huwa sostna li kien kapaċi jdum daqshekk għax xorob ħafna whiskey minn qabel.

Mara li baqgħet ħajja mill-għarqa tat-Titanic, aktar tard irnexxielha ssalva wkoll minn għarqa ta’ vapur ieħor! Stewardess u infermiera Violet Jessop baqgħet ħajja mill-għarqa tat-Titanic biss biex tesperjenza vapur ieħor li għereq fuq il-Britannic erba’ snin wara, fl-1916. Jessop irnexxielha terġa’ ssalva iżda sofriet ġrieħi trawmatiċi f’rasha.

Persuna oħra li rnexxielha ssalva, aktar tard saret attivista u ħarġet għas-Senat tal-Istati Uniti. Waħda mill-aktar persuni famużi li salvaw mit-traġedja tat-Titanic kienet Margaret Brown, li aktar tard ġiet imlaqqma “The Unsikable Molly Brown.” Hija saret attivista avida, tappoġġja s-sugffraġju tan-nisa u saħansitra ħarġet għas-Senat.

L-iżgħar persuna li salvat mietet fl-2009. Milvina Dean kellha xahrejn meta kienet fuq it-Titanic. Għexet sal-età ta’ 97 sena.

Milton S. Hersey suppost kellu jkun passiġġier. Il-magnat taċ-ċikkulata kellu biljett u kollox, iżda kellu jaqleb għal vapur ieħor li ħadu lejn New York aktar qabel minħabba xi laqgħat tan-negozju li kellu.

Kellu jkun hemm eżerċizzju tad-dgħajjes tas-salvataġġ dakinhar li għereq il-vapur. Il-Kaptan Edward John Smith ikkanċella dan l-eżerċizzju li kien ippjanat dakinhar tal-għarqa iżda r-raġuni ħadd ma jafha.

Ġie magħruf minn fejn ġiet l-iceberg. Il-biċċa silġ ta’ 100 pied ġiet traċċata lura għal glaċier fi Greenland.

Il-vapur ħa 400 tunnellata ilma kull minuta wara li laqat l-iceberg. L-ewwel ma ntliet bl-ilma kienet il-parti ta’ quddiem tal-vapur, li kkawża l-parti ta’ wara titla’ fl-arja u eventwalment tinqata’.

Kien 400 mil mill-art meta għereq. Newfoundland kienet l-eqreb destinazzjoni, iżda t-Titanic kien diġà taħt l-ilma ftit sigħat wara li laqat l-iceberg.

Il-gazzetti ma rrapurtawx l-istorja tat-traġedja sewwa. Meta l-aħbar dwar l-għarqa laħqet il-kontinent, diversi gazzetti rrapurtaw ħażin li ma kienx hemm vittmi. Ladarba n-numri veri bdew deħlin, in-nies ingħaqdu flimkien biex jiġbru flus għall-vittmi.

Film dwar it-traġedja ħareġ inqas minn xahar wara li ġrat. Kien film sieket maħruġ f’Mejju tal-1912. Kien ikkaratterizzat minn Dorothy Gibson, attriċi li baqgħet ħajja mill-għarqa.

Ħa ħafna żmien biex jinstab ir-relitt. Il-missjonijiet ta’ tfittxija bdew kważi immedjatament wara li l-vapur sparixxa taħt l-ilma, iżda ma nstabx sal-1985. Robert Ballard sab ir-relitt waqt li kien abbord vapur ta’ riċerka Franċiż imsejjaħ Le Suroît.

Irkupraw ħafna mir-relitt. Ġew irkuprati madwar 6,000 artifatt, li jinsabu għall-wiri f’mużewijiet madwar id-dinja u xi wħud inbiegħu bl-irkant bi prezzijiet għoljin.

Il-lookouts tal-vapur ma setgħux jaċċessaw il-binokli. Il-binokli tal-vapur apparentament kienu msakkra ġewwa kabinett, imma ħadd ma seta’ jsib iċ-ċwievet minħabba li uffiċjal tal-vapur aċċidentalment nesa jagħtihomlhom. Għaldaqstant kellhom jiddependu fuq il-vista tagħhom biss, wieħed mill-ħafna fatturi li huma maħsuba li kkontribwixxew fit-traġedja tal-vapur.

Il-fdalijiet tal-vapur qed jisparixxu. Hemm batterja li tiekol is-sadid imsejħa Halomonas titanicae li bil-mod qed tikkonsma l-fdalijiet tal-vapur. Huwa mistenni li jkun sparixxa kompletament sal-2030.

Hemm Titanic ieħor ippjanat! Fl-2012, il-miljunarju Awstraljan Clive Palmer ħabbar pjanijiet biex jibni replika moderna tat-Titanic, imsejħa Titanic II, f’assoċjazzjoni mal-kumpanija Blue Star Line. Il-bord tal-kumpanija jikkonsisti f’żewġ dixxendenti ta’ persuni li salvaw mill-għarqa.

Enable Notifications OK No thanks