Select Page
Filmat: Fabrizio għandu messaġġ għalik li qrajt l-artiklu dwaru!

Filmat: Fabrizio għandu messaġġ għalik li qrajt l-artiklu dwaru!

Fabrizio Faniello jgħaddi messaġġ lis-segwaċi ta’ Skoperta, wara r-rispons qawwi li kellna dwar l-artiklu li ppubblikajna ftit tal-jiem ilu.

L-artiklu jittratta dwar post li Fabrizio kiteb fuq Facebook dwar jum speċjali ħafna għalih fejn fih fakkar sa fejn irnexxielu jasal u esprima l-gratitudni tiegħu lejn dawk li kienu hemm għalih u emmnu fih.

Fost diversi kummenti, spikka partikolarment il-kumment ta’ ommu, Anna Faniello, fejn ħeġġitu jkompli jżomm sod u ma jħalli xejn ifixklu. Hija esprimiet ukoll il-gratitudni lejn kull min kien għal binha, għax fi kliemha, għenuh jerġa’ jgħix.

“Inħobbok Fabrizio. Jien dejjem hawn għalik ibni,” spiċċat tgħidlu ommu fil-kumment.

Eluf ta’ nies qraw l-artiklu, b’mijiet minnhom wasslu messaġġi pożittivi u mimlija mħabba lil Fabrizio.

Fabrizio għandu dan il-messaġġ għalik li qrajt l-artiklu u kkummentajt!

F’isem it-tim ta’ Skoperta, ningħaqdu ma’ Fabrizio u nirringrazzjaw lis-segwaċi tagħna tar-rispons qawwi li qed nirċievu.

Ronaldo u Georgina jħabbru isem it-tifla tagħhom

Ronaldo u Georgina jħabbru isem it-tifla tagħhom

Cristiano Ronaldo u s-sieħba tiegħu, Georgina Rodriguez ħabbru isem binthom u qasmu ritratti ġodda, wara li tilfu traġikament lit-tewmi tagħha.

Bella Esmeralda twieldet fit-18 ta’ April, wara li l-koppja ħabbret l-aħbar traġika tal-mewt ta’ binhom. Ronaldo u s-sieħba tiegħu kienu qed jistennew tewmin iżda sfortunatament tilfu wieħed mit-tewmin. Madanakollu, binthom għexet u aktar tard setgħet tmur id-dar u tingħaqad mal-bqija tal-familja tagħhom.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-istilla ta’ Manchester United qasam fuq Instagram, ritratt tiegħu jgeddes miegħu lil bintu. Ir-ritratt iswed u abjad juri lil Ronaldo bla flokk bilqiegħda fuq sufan mat-tarbija tiegħu, bid-deskrizzjoni tal-post li tella’ tgħid “Forever Love…” flimkien ma’ qalb u emoji ta’ talb.

Aktar kmieni wkoll, hekk kif it-tarbija setgħet tmur lura d-dar mal-familja tagħha, Ronaldo qasam ritratt tagħha mal-familja kollha Meta ppubblika r-ritratt, huwa rringrazzja lill-ammiraturi u s-segwaċi tiegħu tas-sapport li tawhom permezz ta’ messaġġi u ġesti.

L-attur André Penza jaqsam magħna talent ieħor li ftit jafu dwaru! X’inhu?!

L-attur André Penza jaqsam magħna talent ieħor li ftit jafu dwaru! X’inhu?!

Ċertament André huwa magħruf sew magħkom is-segwaċi bħala wieħed mill-aqwa atturi li għandna f’pajjiżna, iżda żgur li ħafna minnkom ma tafux li l-aspett artistiku ta’ André mhuwiex biss fir-reċtar!

Il-pandemija tal-Covid-19 wasslet lil André biex jibda proġett ta’ presepju, kollu kemm hu bix-xogħol tal-idejn, iżda mhux presepju tradizzjonali li mdorrijin naraw, għaliex dan huwa presepju li jirrakkonta l-ġrajja tal-passjoni ta’ Ġesù Kristu.

F’kuntatt li skoperta.net għamel ma’ André, skoprejna aktar dwar dan il-presepju u l-perspettiva ta’ André dwar iż-żmien relatat miegħu.

Kif ġietek l-idea li tagħmel dan il-presepju?

Hekk kif f’Marzu tal-2020 instabu l-ewwel każijiet tal- Covid-19, il-filming waqaf, u t-teatru wkoll, u għalhekk sibt ruħi b’ħafna ħin fuq idi li s-soltu ma jkollix. M’iniex it-tip li nintefa’ nara Netflix, u ridt nara x’se nivvinta biex inżomm ruħi attiv. Qatt qabel ma kont ħdimt tafal però minn dejjem kelli x-xewqa li nipprova nagħmel xi ħaġa.

Fl-istess ħin ukoll, kien ilu snin iberren f’moħħi biex nagħmel presepju b’differenza minn dak li mdorrijin naraw fil-Milied. L-unika problema kienet li filwaqt li għal tal-Milied issib pasturi kemm trid u ta’ liema qies trid, fil-każ ta’ presepju għal żmien l-Għid, il- personaġġi ma ssibhomx fil-ħwienet. Allura għidt ħa nipprova nagħmilhom jien.

Kif kien il-proċess u kemm domt biex wasalt għar-riżultat finali?

L-idea kienet illi naħdem personaġġi żgħar ta’ madwar 10cm iżda l-ewwel personaġġ li għamilt ġieni ftit akbar. It-tieni ġieni ftit akbar minnu u allura ddeċidejt li nerġa’ nagħmel l-ewwel personaġġ. Eventwalment spiċċajt kważi finalment biddilt il- personaġġi kollha, kemm għax iktar ma jmur, iktar bdejt nieħu l-qagħda w anke għax finalment iddeċidejt li nagħmilhom ta’ qies ikbar. Kull personaġġ fih 21cm.

Il-proċess jibda billi nħażżeż fuq karta x-xena kif bdejt nimmaġinaha u nistudja l-pożizzjonijiet tal- ġisem. Imbagħad bdejt nagħmel il-qafas tal-fildiferru biex nagħtihom il-pożizzjoni u l-qies u finalment nibda nibni madwaru bit-tafal. Kien hemm xi drabi fejn bdejt naqta’ qalbi għax kien hemm wisq personaġġi x’nagħmel u f’dawk il-mumenti kont nieqaf mit-tafal u naħdem fuq il-presepju nnifsu. Din ukoll kienet uġigħ ta’ ras għax żammejt f’moħħi li dan eventwalment ridt inżarmah biex nerfgħu allura ħdimt kollox modulari, biċċiet li jidħlu f’xulxin mingħajr ma jidhru li mhux presepju sħiħ. Barra minn hekk jien kont qed naħdem kollox id-dar u tista’ timmaġina kemm kont naqla’ mbarazz, però kont nieħu kedda u nnaddaf sew warajja kuljum biex ma titfagħnix ‘il barra l-mara. Però l-fatt li tal-familja tawni s-sapport flimkien mal-ħsieb li t-tfal tiegħi permezz ta’ dan il-presepju kienu se jifhmu aħjar il-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù għamilli kuraġġ biex nippersisti fuq dan il- proġett.

L-aspett artistiku tiegħek jirrifletti sew fil-preżentazzjoni tal-filmat ta’ dan il-presepju. Żgur li ftit nies kienu jafu li għandek dan it-talent, kif nibet? U beħsiebek tkompli tipprattikah?

Onestament ma nħossx li għandi xi talent f’dan il-qasam. F’Malta għandna diversi artisti bravissimi u m’iniex beħsiebni nipprova nidħlilhom fl-għalqa, però min-naħa l-oħra l-forte tiegħi dejjem kienet it- tpinġija u żgur li dan għeni mhux ftit fit-twettieq ta’ dan il-presepju. Issa li ħadt din il- kedda, il-pjan hu li matul is-snin inkompli naħdem fuqu u ntejjeb. Għad baqali ħafna x’nitgħallem u x’nirranġa imma nemmen li bil-prattika u determinazzjoni, eventwalment jirnexxieli nasal għal dak il- pordott finali li qed nimmaġina f’moħħi.

Tqisek bħala persuna spiritwali?

Iva, jien bniedem li nemmen ħafna fit-talb. Nitlob għal ħafna nies li nħoss li jkollhom bżonn. M’iniex xi qaddis miexi fl-art u niżbalja bħal kulħadd però nħaddan prinċipji u valuri sodi ħafna. F’ dan iż-żmien tar-Randan, id-dar inbiddlu r-rutini kollha, anke fejn jidħol l- ikel. Insumu nhar t’ Erbgħa w nhar ta’ Ġimgħa u nieħu gost li meta b’aljenazzjoni ninsew, ifakkruna t-tfal li pereżempju ma nistgħux nieklu laħam, jew meta jaqbduna se nnaqqru xi borża ħelu.

Bħala wieħed li ġieli interpretajt il-parti ta’ Kristu, xi jfisser għalik li tinterpreta din il-parti? U personalment, xi jfisser għalik iż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid?

Meta ġejt magħżul l-ewwel darba biex ninterpreta l- parti ta’ Kristu, kont diġà ilni ammont ta’ snin nimmilita fit-teatru u fidrama fuq it-televizjoni, però qatt ma ħassejt li kelli nittrattaha bħala parti bħall- oħrajn. Dejjem ħassejt responsabilità kbira u għall- kuntrarju ta’ ħafna li jinterpretaw din il-parti, mhux biss kont nenfasizza fuq it-tbatija li għadda minnha imma dejjem pruvajt nuri kemm nista’ l-umanità ta’ Ġesù fl-interpretazzjonijiet tiegħi.

Ġesù minkejja li kien l-iben t’Alla, baqa’ umli quddiem Alla u ġarr is-salib sal-aħħar, u baqa’ jaħfer sal- aħħar nifsijiet tiegħu. Dan iż-żmien inħobbu ħafna għax bla ma trid, tieqaf u tirrifletti fuq il-mixja tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa l-uniku żmien tas-sena li għadu jiġi ċċelebrat fil-ġabra u spiritwalità għall-kuntrarju tal- Milied li ġie ikkumerċjalizzat wisq.

Filmat: André Penza

L-istilla ta’ Gladiator Russell Crowe jinsab Malta għal film ġdid!

L-istilla ta’ Gladiator Russell Crowe jinsab Malta għal film ġdid!

L-istilla ta’ Gladiator, Russell Crowe jinsab Malta! Din id-darba intlemaħ ma’ crew ta’ produzzjoni li qed jiffilmjaw f’diversi postijiet f’Malta.

Skont sorsi fl-industrija, l-istilla Awstraljana x’aktarx se jqatta’ l-ġimgħa f’Malta jiffilmja Prizefighter, film biopic dwar il-puġilist tas-seklu 19 bl-isem ta’ Jem Belcher.

Huwa qed itella’ ritratti ta’ postijiet f’Malta fuq Twitter u jistaqsi lis-segwaċi tiegħu jekk jafux fejn qiegħed.

L-attur ħadem f’Gladiator, taħt id-direzzjoni ta’ Ridley Scott fl-1999, li għalih Crowe u t-tim tal-produzzjoni qattgħu 19-il ġimgħa f’Malta b’Forti Rikażli bħala sostitut ta’ Ruma l-Antika. Ċertament li huwa mill-films favoriti tal-Maltin ta’ kull żmien.

Madwar ġimagħtejn ilu, Crowe kien qed jiffilmja fit-Tajlandja mal-attur Zac Efron. Iż-żewġ atturi għandhom jidhru f’film ibbażat fuq il-ktieb bl-isem ta’ The Greatest Beer Run Ever.

Għada Angie tiftaħ l-ewwel staġun ta’ UEJJA! – Se tarah?

Għada Angie tiftaħ l-ewwel staġun ta’ UEJJA! – Se tarah?

Nitkellmu ma’ Angie Laus

Angie, wara 13-il sena, Ħadd Għalik ġie fi tmiemu. Kienet faċli għalik biex tagħlaq dan il-kapitlu wara dawn is-snin kollha?

Iva ta, kienet faċli…kont deċiża li kellu jieqaf u allura kif kelli l-opportunità li nibdel il-programm ħadtha mill-ewwel. Kuntenta li spiċċa meta kien għadu popolari ħafna…dik tagħtini sodisfazzjon.

Ingħalaq kapitlu, u nfetaħ ieħor bl-isem ta’ UEJJA. UEJJA se jibda jixxandar kull nhar ta’ Ħadd, fil-12:15 fuq TVM. Minn fejn ġie l-isem u kif ġiet l-idea għal dan il-programm?

Ridna game show differenti u allura għażilna logħob li b’xi mod jew ieħor in-nies jafu u ovvjament adattajnihom għalina. Huma kollha logħob li jekk tkun id-dar mal-familja tista’ toqgħod tilgħabhom ukoll. Dan il-kunċett ħloqnih jien u Mick, it-tifel tiegħi, allura aktar għal qalbi. L-isem ma ħriġtx bih jien! Konna t-tim kollu u Mandy, waħda mill-produtturi, tefgħet l-idea tal-isem Uejja u għoġob lil kulħadd!

X’se jagħmel dan il-programm differenti minn Ħadd Għalik?

Dan ftit aktar serju, m’għandu xejn x’jaqsam ma’ Ħadd Għalik ħlief li żammejna l-music machine.

X’impenn u preparamenti jirrikjedi programm bħal dan?

Ma tistax timmaġina. Ilna 3 xhur naħdmu fuq produzzjoni, sett, marketing, filmati, sorpriżi, kontestanti, mistoqsijiet…prattikament kieku mhux għax għandna tim tajjeb naħseb kieku jkun impossibbli.

X’inhi l-aktar ħaġa li int l-aktar ħerqana għaliha f’dan il-programm?

Dan baby ġdid! Eċitament kbir biex jibda u naraw kif jintlaqa’.

Hemm xi ħaġa partikolari li se nkunu qed naraw?

Nahseb li l-art tas-sett hija impressjonanti! Tixgħel kollha, battikata kbira imma worth it! Imnalla kien it-tim tekniku …ma nafx kif ma għollewniex!

Fil-karriera tiegħek ma’ ħafna personaġġi differenti, semmilna tnejn minn l-aktar li ħallew impatt fuqek personali, u għaliex?

Diffiċli din! Wieħed minnhom żgur li hu Peppi għaliex minnu nitgħallem il-ħin kollu. Ma naqblux f’ħafna affarijiet imma xorta għandi rispett kbir lejh għax dak li jemmen jaħdem għalih u ma jaqta’ qalbu qatt anke jekk ikollu id-dinja kontrih. Ma’ Peppi għandi x-xorti li nitkellem kuljum għaliex naħdmu flimkien…ilni 20 sena issa! Ovvja sirna ħbieb kbar.

Imbagħad naħseb se nsemmi żewġ persuni li mhumiex fix-xena tal-entertainment. Fr Martin mid-Dar tal-Providenza, ħabib kbir li għandi rispett lejn dak kollu li jagħmel b’mod inkredibbli. Kieku fid-dinja hawn aktar bħalu kieku tgħidx kemm ngħixu f’dinja aħjar! U Robert li jaħdem mal-Missio. Kien hu li għażilni biex immur l-ewwel darba missjoni…din bidliltli ħajti…inħoss li jien ħafna aħjar bħala persuna bis-saħħa tal-missjoni. Ma’ Robert illum għandi ħbiberija kbira, raġel ta’ rispett kbir u li jaħdem ħafna għall-missjoni.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik xogħlok?

Bla dubju l-ikbar sodisfazzjon ikun meta nirċievi ittri jew emails mingħand nies li għalihom il-programmi jagħmlu differenza. Għadek ma tafx kemm hawn nies li jghixu fis-solitudni u li l-unika kumpanija għalihom huwa t-TV. Tad-dwejjaq anke taħsibha imma sfortunatament din hi realtà li teżisti.

Hija faċli l-ħajja pubblika?

Ma nħallihiex taffettwani ħafna, wara kollox dan huwa xogħol…ovvjament dejjem ħa jkollok min itellagħlek il-moral b’dak li jgħidlek u oħrajn li veru jippruvaw ikissruk, imma dik tistenniha.

Liema kien l-aktar mument li veru stħajt f’ħajtek?

Kelli naqra ta! Però ftit ilu kelli appuntament l-isptar u ridt immur bil-karozza tal-linja u kont ftit tard. Kif wasalt kważi fejn il-bus stop nara tal-linja ġejja u għidt aħjar niġri biex ma nkunx tard…tlaqt niġri u bqajt dieħla f’arblu! Kissirt in-nuċċali tax xemx u rajt lil kulħadd iħares lejja imma kont determinata li nitla’ tal-linja. Xħin tlajt aktar bdew iħarsu lejja u ma stajtx nifhem għaliex! Wasalt l-isptar u qabel ma mort għand it-tabib dhalt fit-toilet ħa niċċekkja x’għandi fil-mera, indunajt li qsamt fuq għajnejja u kont kollni demm! Mhux ta’ xejn bdew iħarsu lejja! Spiċċajt mort għand it-tabib u minflok għamilli t-testijiet qagħad jagħmilli l-butterfly stitches! Minn dakinhar tgħidx kemm qed noqgħod attenta għall-arbli!

Uħud jikkummentaw fuq il-midja soċjali, li skonthom, fuq it-televiżjoni jaraw dejjem l-istess uċuħ. X’inhi r-reazzjoni tiegħek dwar dan?

Dan huwa xogħol, mhux passatemp. Wieħed irid jifhem li jekk jien nieqaf nispiċċa bla xogħol! Din hija l-karriera tiegħi. Nifhem li forsi ilni ħafna nidher imma immaġina tmur fuq għalliema u wara 10 snin tgħidilha issa għadda żmienek! Ma tagħmilhiex hux? Jew fuq avukat, bennej, kittieb, ikun xi jkun…mela ddum tistudja għal dan ix-xogħol imma mbagħad trid tagħmlu għal ftit snin biss? Ma tagħmilx sens! Aħna mhux bħall-barranin ta, dawk f’ħames snin tant jagħmlu flus li jistgħu jirtiraw! U xorta ma jagħmluhiex, insemmilek ftit Gerry Scotty, Maria De Filippi, Ant and Dec, Oprah! Dawn baqgħu għadejjin!

X’inhu l-messaġġ tiegħek lil dawk is-segwaċi li dejjem isegwu u japprezzaw ix-xogħol tagħkom?

Ma nistax nuri biżżejjed apprezzament u gratitudni għan-nies li jibqgħu jsegwuna! Grazzi minn qalbi!

Enable Notifications    OK No thanks