Select Page
Raġel titwaħħallu qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja

Raġel titwaħħallu qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja

Raġel Amerikan sar l-ewwel persuna fid-dinja li ħa trapjant tal-qalb ta’ ħanżir modifikata ġenetikament.

Skont it-tobba, David Bennett, ta’ 57 sena, jidher li sejjer tajjeb tlett ijiem wara l-proċedura sperimentali ta’ seba’ sigħat f’Baltimore.

It-trapjant kien meqjus bħala l-aħħar tama li ssalva l-ħajja tar-raġel, għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma ċ-ċansijiet tiegħu li jgħix fit-tul.

Bennett qal li ż-żewġ għażliet li kellu kienu jew jagħmel din l-operazzjoni jew imut.

Huwa kien tqies bħala li ma kienx eliġibbli għal trapjant uman, deċiżjoni li ħafna drabi tittieħed mit-tobba meta l-pazjent ikun f’kundizzjoni ta’ saħħa ħażina ħafna.

It-tobba fiċ-Ċentru Mediku tal-Università ta’ Maryland ingħataw permess speċjali mir-regolatur mediku tal-Istati Uniti biex iwettqu din il-proċedura.

Għat-tim mediku li wettaq it-trapjant, dan jimmarka l-qofol ta’ snin ta’ riċerka u jista’ jibdel il-ħajjiet madwar id-dinja.

Il-kirurgu Bartley Griffith qal li din l-operazzjoni se tressaq lid-dinja pass eqreb lejn is-soluzzjoni tal-kriżi tan-nuqqas ta’ organi.

Bħalissa 17-il persuna jmutu kuljum fl-Istati Uniti jistennew trapjant, b’aktar minn 100,000 irrappurtati li qed jistennew trapjant.

Enable Notifications    OK No thanks