Wirja tal-Arti mill-artist Antoine Farrugia – Miftuħa sal-15 ta’ Frar

Wirja tal-Arti mill-artist Antoine Farrugia – Miftuħa sal-15 ta’ Frar

Xulliela Bajda, wirja tal-arti mill-artist Antoine Farrugia, qed tittella’ fil-Kamra ta’ Fuq, Mqabba, u għandha miftuħa sal-15 ta’ Frar.

Xulliela, il-kelma li tintuża biex niddeskrivu l-lat tal-ġebla li jitħalla fl-istat naturali, mhux maħdum, għaliex ikun se jinħeba, preċiżament wiċċu mal-ħajt, għal dejjem.

Dan huwa titlu li jixraq u jaqbel sew max-xogħol ta’ Farrugia peress li 80 fil-mija tax-xogħol tiegħu hu esegwit fuq ġebel diġà użat, riċiklat, u forsi anke mwarrab, skartat, u li bil-kapaċità immensa u t-talent uniku li għandu jerġgħu jingħataw il-ħajja, nifs ġdid, ċans ieħor, din id-darba mhux wiċċhom mal-ħajt imma bħala protagonisti.

Antoine jippreferi juża ġebel antik, peress li bil-bjuda u bl-għebusija tiegħu jkun jista’ joħroġ l-aħjar riżultati. Aktar minn hekk, ir-referenza għall-kelma bajda fit-titlu, tagħmel enfasi fuq il-fatt li qiegħed jesperimenta fuq metodi u proċessi partikolari li jippreservaw il-bjuda u l-kulur oriġinali tal-ġebla li hu jkun qiegħed jittrasforma.

F’din il-wirja, naraw lil Farrugia jimraħ u juża teknika ġdida fejn il-forom tiegħu jgħaddu mill-proċess ta’ patinament. Wara snin ta’ esperimentar u wara li fuq l-iskultura tiġi applikata t-tempera, l-artist sab mod kif jippreserva l-kulur pristin tal-ġebla mingħajr ma jitlef xejn mill-oriġinalità meta tiġi applikata x-xemgħa u l-prodott finali jkun illustrat.

Il-forom li għandu għall-wiri huma tipiċi tiegħu, astratti, illustrati u senswali, li jġiegħluk kważi tigdem xufftejk hekk kif għajnejk iduru mal-kontorni, mal-kurvaturi, u jixorbu l-kumplessità tas-sempliċità tax-xogħlijet tiegħu.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mit-Tnejn sas-Sibt – Mis-6 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Il-Ħdud – Mis-7 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Il-wirja Xulliela Bajda hija kkurata minn Art Sweven.

Kull min jattendi jrid jippreżenta ċertifikat validu tal-vaċċin.

Riċetta: Spaghetti alla Carbonara

Riċetta: Spaghetti alla Carbonara

Kważi l-platti kollha tal-għaġin Taljani jeħtieġu vera ftit ingredjenti … u l-Carbonara mhix eċċezzjoni! Tjubija fis-sempliċità!

Għandek bżonn – (għal 4 porzjonijiet):

400g spagetti
200g guanciale, maqtugħ f’biċċiet żgħar irqaq
4 bajdiet
100g ġobon pecorino romano maħkuk
Bżar skont il-gosti tiegħek

Metodu:

  • Imla borma kbira bl-ilma, żid ftit melħ, u poġġiha fuq in-nar waqt li tipprepara l-ingredjenti l-oħra.
  • Imbagħad saħħan taġen fond nonstick u aqli l-guanciale fix-xaħam tiegħu stess sakemm isir iqarmeċ.
  • Ħallih fit-taġen u warrbu għal issa.
  • Ġo buqar ħawwad il-bajd, il-ġobon, u ftit bżar sakemm ikollok zalza qisha krema. Warrabha.
  • Agħlli l-ispagetti għal madwar 12-il minuta sakemm isir ‘al dente’.
  • Ħames minuti qabel ma l-ispagetti jkun sar, poġġi t-taġen bil-pancetta fuq nar medju u żid miegħu żewġ imgħaref mill-ilma tal-għaġin. Ħawwad u ħalliha ttektek.
  • Warrab tazza mill-ilma tal-għaġin fil-każ li jkollok bżonn tuża ftit aktar tard.
  • Saffi l-għaġin u immedjatament żidu ġot-taġen mal-pancetta u x-xaħam tagħha.
  • Ħawwadhom sew għal madwar 2 minuti fuq nar qawwi.

Issa għall-parti delikata – trid tgħaġġel!

  • Meta l-guanciale u l-ispagetti jitħalltu sew u jkunu sħan sew, itfi n-nar imma ħalli t-taġen fuq l-istess burner, biex jibqgħu fuq is-sħana.
  • Jekk tħalli n-nar mixgħul, il-bajd se jissajjar wisq u jiġi qisu scrambled eggs.
  • Kif titfi n-nar, mejjel it-taġen biex l-ispagetti jaqa’ għal naħa waħda, u ferra s-sauce tal-bajd u l-pecorino fuq l-ispazju vojt.
  • Issa ħawwad malajr kemm tista’ sabiex il-bajd ikun totalment inkorporat fl-ispagetti mingħajr ċapep.
  • Il-konsistenza hija importanti ħafna. Jekk tara li huwa niexef wisq meta tkun qed tħallat, żid ftit imgħaref mill-ilma li warrabt tal-għaġin.
  • Jew, jekk hemm wisq likwidu, żid mgħarfa ġobon.
  • Servi immedjatament.
  • Żejjen bi ftit biċċiet ta’ guanciale mqarmċin, pecorino maħkuk u bżar.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Niftakar Meta – Paġna ta’ Nostalġija u Tifkiriet

Niftakar Meta – Paġna ta’ Nostalġija u Tifkiriet

Niftakar meta…

Hekk nibdew b’dawn il-kelmiet kull meta rridu nirrakkuntaw xi tifkira għażiża u xi mument ta’ nostalġija. Tifkiriet ikollu kulħadd, ta’ min sbieħ u ta’ min forsi inqas. Kull tifkira tqanqal emozzjoni u kull tifkira nħarsu lejha bħala esperjenza diretta tal-ħajja.

Dak li għamel Daniel Mangani billi kważi ħames snin ilu beda proġett fuq Facebook fejn permezz tal-paġna NIFTAKAR META jfakkar diversi tifkiriet tal-imgħoddi. Dawn it-tifkiriet, ħafna minnhom ibbażati fuq esperjenzi personali, huma fl-istess ħin komuni mal-ħajja ta’ ħafna oħrajn.

Dawn it-tifkiriet iġibu magħhom tbissima speċjalment meta tinnota kemm l-affarijiet u l-ħajja kienu tassew differenti u sempliċi.

Kif jgħid l-istess awtur “Kulhadd għadda mit-tfulija u miż-żgħożija, u l-ħajja mgħaġla kif inhi llum il-ġurnata, faċli tnessik ħafna mill-memorji u tifkiriet li tkun għaddejt minnhom. L-iskop tal-paġna ‘Niftakar Meta’ huwa appuntu sabiex inħallu dawn il-memorji jibqgħu jiġġeddu u b’xi ftit nostalġija nerġgħu niftakru f’meta l-affarijiet sempliċi kienu ħafna.

Eventwalment dan il-proġett kompla jikber, u minn tifkiriet qosra, ħareġ proġett ieħor bħala blogg. Il-blogg, fuq l-istess tema u isem, jieħu l-forma ta’ stejjer qosra. Il-praspar tat-tfulija, is-sempliċità tal-ħajja kif ukoll il-mumenti nostalġiċi tal-awtur li huma familjari ma’ kulħadd.

Il-paġna NIFTAKAR META fuq Facebook jkollha tifkiriet regolari, waqt li l-blogg bl-istess isem, ikollu storja kull ġimgħa.

Wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook – Niftakar meta | Facebook

U l-blogg – Niftakar Meta…

Fil-ġranet li ġejjin, Daniel se jkun qed jagħti aktar informazzjoni dwar il-pjan li jmiss tiegħu relatat ma’ dan il-kunċett.

Enable Notifications OK No thanks