M’haju allibbirari – Wirja tal-Arti mill-artista Rebecca Ranieri

M’haju allibbirari – Wirja tal-Arti mill-artista Rebecca Ranieri

M’haju allibbirari hija t-tieni wirja għal Rebecca Ranieri. Iżda f’din il-wirja, għad-differenza tal-ewwel waħda, Rebecca se tkun qiegħda tesibixxi waħedha. L-ewwel wirja tagħha kienet dik li ttellgħet waqt ProTaGoNiesTea.


Ranieri ma tridx tillimita ruħha għal-limitazzjonijiet u għall-mistoqsijiet li jaf jiġu imposti fuqha meta tiġi identifiktata bħala artista. Fl-istudjow tagħha, tingħalaq f’dinja għaliha, fejn kollox jintefa’ u l-mistoqsijiet jissiktu. Hemm toħloq figuri li iktar jorbtuha mad-dinja spiritwali milli dik reali. Figuri misterjużi, sfukati li jinħolqu anke b’użu ta’ tekniki spontanji. Tintilef f’dinja oħra biex toħloq esseri li permezz tagħha aħna wkoll, l-osservaturi, nistgħu napprezzaw xi tħoss u x’qiegħda tara waqt dawn il-mumenti intimi; waħedha msakkra fl-istudjow tagħtina ċans inkunu preżenti għall-ħsus tagħha.


M’haju allibbirari hija frażi Siċiljana, li tfisser “Irrid nillibera lili nnifsi”. Rebecca kibret bid-djalett Siċiljan madwarha, permezz ta’ nannuha, minn età żgħira kienet tqatta’ kull Sajf ġewwa Sqallija. Permezz ta’ din il-wirja, Ranieri tixtieq toħloq rabta u kuntatt ma’ dik il-parti fiha li baqgħet tappartjeni għal Sqallija. Ma’ mumenti, memorji u ħsus li għadhom iħufu fiha u li jaf hi stess mhux dejjem konxja tagħhom.

Il-kunċett ta’ din il-wirja jdur madwar armla Siċiljana, armla li tilfet kull tip ta’ affezzjoni li tista’ toffrilha d-dinja. Tgħaddi l-ġranet msakkra waħedha fid-dlam, imdawra bil-memorji, bid-dlam u bis-skiet, skiet li jtarrax. Titrejjaq minn din is-sofferenza biss meta tpinġi.


Rebecca Ranieri trid teħodna lura permezz ta’ din l-armla, fi żminijiet oħra meta l-mewt kienet tinħass preżenti. Li minn żmien il-Griegi kienu jqabbdu lill-qaddejja tagħhom idoqqu mużika tal-mewt. Iktar ‘il quddiem fiż-żmien iżda li kważi, kważi minsija ġewwa Sqallija, il-familjari tal-mejjet kienu jduru madwaru u permezz ta’ kant kienu jitkellmu miegħu. Jitkellmu miegħu bi ħlewwa u jfakkruh f’mumenti sbieħ u koroh li għaddew flimkien; jistaqsuh mistoqsijiet li se jibqgħu mingħajr tweġiba għalihom; jesprimu d-diżappunti tagħhom b’ton t’affettwazzjoni; jirringrazzjawh tal-għerf li għex bih u li għad jirrikorru għalih fil-futur.

F’kelma waħda, ipinġu bi kliem ix-xeni ta’ matul il-ħajja tal-mejjet. Fl-isfond ta’ dan kollu kien ikun hemm ukoll għajjat u twerżiq għat-telfa li ġarrbu.


Kienu jinkrew ukoll bekkejja, piagnone, nisa li jiġu mħallsa sabiex jibku lill-mejjet. Il-kulur iswed kien il-kulur tal-viżtu, tal-ħwejjeġ, tal-biċċiet tad-drapp li jiġu marbuta bħala referenza mal-bieb tad-dar li soffra telfa; tal-velijiet u tad-drapp użat fil-kamra tad-dfin.
Illum nistkerħu u nevitaw is-suġġett tal-mewt. Nittrattawh bħala suġġett li ma jikkonċernaniex, bħala xi ħaġa li mhux se taffettwana personalment imma tikkonċerna dejjem lil ħaddieħor. Fil-passat, kienet storja oħra, il-mewt kienet dejjem preżenti; kienet xi ħaġa familjari u dejjem iddur mas-saqajn. Il-fatt li l-ħajja tal-bniedem kienet iqsar minn dik tal-lum kien ikompli jsaħħah dan il-fatt, speċjalment bl-ammont kbir ta’ mwiet tat-tfal minħabba n-nuqqas t’avvanz li kien għad hawn fil-mediċina.


Rebecca Ranieri f’M’haju allibbirari qiegħda tissombolizza dan kollu permezz t’armla Siċiljana. Armla Siċiljana tipika li tħaddan l-uġigħ li ġġib magħha t-telfa, tħalli dan l-uġigħ jikkunsmaha u twerżaq twerżiq li ħadd ma jista’ jisma’ għax hu twerżiq ġewwieni. Ma tridx toħloq wirja tal-ħsus tagħha, trid biss tpinġi.


Kull biċċa arti f’din il-wirja tirrapreżenta frazzjoni partikolari mid-dinja intima u sentimentali ta’ Rebecca. Il-memorji, il-ħsibijiet u l-ħsus.


Din il-wirja se tittella’ bejn il-25 ta’ Novembru u l-10 ta’ Diċembru 2021, ġewwa Art by the Seaside, 65, Triq il-Mina tax-Xatt, Senglea.

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Imwielda fil-belt ta’ New York ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka iżda residenti ġewwa r-raħal pittoresk ta’ Għajnsielem f’Għawdex, il-kantanta Charlene Rae għandha mħabba kbira lejn il-lingwa Maltija, kif ukoll lejn il-ġeneru ta’ mużika rock, tant hu hekk li tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tamalgamhom flimkien. Dan kien il-punt tat-tluq għall-kanzunetta L-Isbaħ Fjura.

Fuq kompożizzjoni ta’ Glen Vella, lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Matteo Depares, L-Isbaħ Fjura hija kanzunetta oriġinali bil-Malti li Charlene Rae, permezz tal-paġni uffiċjali fuq Facebook u Instagram iddiskreviet bħala “personali, dedikazzjoni għal missieri, bniedem lli għalkemm ħalla ħafna swied ta’ qalb, tani ħafna kuraġġ tul ħajti”.

Ritratt minn Owlet Photography

L-għażla tad-data tat-tnedija tal-kanzunetta, il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju ma kinitx b’kumbinazzjoni iżda waħda bi ħsieb, għaliex hija l-aħħar ġurnata tal-ġimgħa qabel tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Jum il-Missier. Għaldaqstant, Charlene Rae flimkien mat-tim tagħha ħasbu li l-messaġġ ta’ din il-kanzunetta jista’ joffri wens lil dawk li tilfu lill-għażiż missierhom.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura, hija akkumpanjata minn vidjo ta’ lirika, maħdum minn Angie u Duane Laus ta’ Lava Graphics, fejn l-iskop hu li wieħed jifhem aktar r-relazzjoni bejn missier u bint, permezz tal-lirika mirquma bl-aktar mod sentimentali.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.

“…It-tifkiriet tal-meravilji li għamel dan il-ġisem imperfett, u tant perfett, f’daqqa…” – Corazon Mizzi

“…It-tifkiriet tal-meravilji li għamel dan il-ġisem imperfett, u tant perfett, f’daqqa…” – Corazon Mizzi

“…U ma jimpurtax jekk jibqgħu marki fuq ġildti – it-tifkiriet tal-meravilji li għamel dan il-ġisem imperfett, u tant perfett f’daqqa…” – Corazon Mizzi

Ilbieraħ, il-kantawtriċi Corazon Mizzi, wara ftit ġranet li saret omm ta’ tewmin, qasmet ħsieb profond u sentimentali fuq il-midja soċjali tagħha mas-segwaċi tagħha.

Corazon qalet li meta kienet żgħira kienet tixtieq li jkollha figura ta’ mudella, twila u rqiqa. Madanakollu, maż-żmien tgħallmet tħobb ġisimha bl-imperfezzjonijiet kollha tiegħu. Dak il-ġisem li ta żewġt itfal.

Qalet li forsi ġisimha qatt ma jerġa’ jiġi kif kien, u l-istess ħajjitha, qatt mhi se terġa’ tiġi kif kienet iżda se tkun differenti, għall-aħjar, mimlija u sħiħa.

Żiedet tgħid li ma jimpurtax jekk jibqgħu marki fuq il-ġilda tagħha, għaliex dawk il-marki huma t-tifkiriet tal-meravilji li għamel dak il-ġisem imperfett, u tant perfett, f’daqqa.

Filmat: Maħbub – Kanzunetta ddedikata lil Ġorġ l-Għannej tal-Mulej

Filmat: Maħbub – Kanzunetta ddedikata lil Ġorġ l-Għannej tal-Mulej

Ilbieraħ, il-kantanta lokali Simone Gauci nediet il-kanzunetta Maħbub, kanzunetta ddedikata lil Ġorġ Agius, magħruf man-nies bħala Ġorġ tal-Mużew jew L-Għannej tal-Mulej. Il-kanzunetta għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas u arranġament mużikali ta’ Andrew Zammit minn Tone Studios.

Mal-kanzunetta, il-kantanta nediet ukoll vidjow mużikali, miġbud fil-parti l-kbira tiegħu ġewwa l-Birgu, art twelid Ġorġ Agius. Il-kanzunetta hi waħda sentimentali ferm, li tfakkar il-memorja ta’ Ġorġ, li tista’ tgħid kien maħbub minn kulħadd. Kienu bosta dawk li ltaqgħu miegħu tul is-snin u hu dejjem nissel it-tama, il-fiduċja, il-kuraġġ u l-wens ma’ kull min iltaqa’.

Il-vidjow mużikali huwa xogħol ta’ Mauro D’Amato u t-tpenġija ta’ Ġorġ li ntużat waqt il-vidjow hija ta’ Mariana Spiteri. Simone tistqarr li kienet għażla naturali li taħdem kanzunetta dwar Ġorġ għax xtaqet li tfakkar il-memorja tiegħu. Dejjem ammirat it-talent sabiħ li kellu, talent li kien juża biex ifaħħar lil Alla u jgħin lil min ikollu bżonn ftit faraġ. Simone tgħid ukoll li missierha kien jaf lil Ġorġ għaliex kienu jattendu għal xi laqgħat reliġjużi flimkien. Simone tgħid, “Missieri, li ġie nieqes ħmistax-il sena ilu kien jaf lil Ġorġ personalment u dejjem tkellem b’rispett kbir lejh.”

Simone Gauci tħossha naturali tkanta bil-lingwa Maltija, hi temmen li biha tesprimi lemozzjonijiet bl-aħjar mod u hemm bżonn li l-lingwa tiġi apprezzata ħafna aktar, speċjalment b’kanzunetti Maltin u x’hemm isbaħ milli tfaħħar lil Ġorġ bil-lingwa li tant u tant kien jgħożż.

Enable Notifications OK No thanks