Tiegħek Għal Dejjem (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Tiegħek Għal Dejjem (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Issa bdejt nisma’ lil Kurt u lil Patty ikellmuh fuq il-mobajl u bdew jgħidulu biex jiġi sad-dar!
Tgħid għax ma kontx qed inqum sew? Tgħid minħabba fija?
Għamilt l-almu tiegħi u qomt mis-sodda. Bdejt nimxi kif nista’ u ndur ‘l hemm u ‘l hawn ħalli nurihom li aħjar jgħidulu ma jiġi xejn lil dak l-għafrid!
Iżda xi nofs siegħa wara, hekk kif konna t-tlieta li aħna fuq is-sufan, nifirħu b’xulxin smajt karozza tasal, u ndunajt.
Indunajt li Dottor Mugliett kien wara l-bieb!
Kont diġa bdejt inxomm ir-riħa qawwija ta’ annimali oħra li kellu fuqu!
Kurt beda jagħmilli mossa biex immur fis-sodda tiegħi, u jien smajt minnu.
U daħal.
Daħal Dottor Mugliett, għamilli viżta bħal ma kien qed jagħmilli ta’ spiss u rajtu jċekċek snienu ma’ xulxin u jieħu nifsijiet strambi.
“Ma tantx fadallu. Il-kanċer kielu minn ġewwa………………” kien qed jgħidilhom.
Imma kanċer x’kien eżatt? Kelli xi mostru minn ġewwa? Forsi daħal ma’ dak il-laħam tajjeb li kien jagħtini Kurt? U le……………..Kurt kien iħobbni………….kien jieħu ħsieb jagħtini kollox tajjeb u bnin.
Mela x’kien qed jiekolni minn ġewwa?
Bdejt nibża’……………
Bdejt nibża’ ħafna…………………
Iżda malli telaq it-tabib, Kurt u Patty reġgħu refgħuni u żammewni ħdejhom.
Kemm kont ferħan!
Kemm kont inħobbhom!
“Jien tiegħek għal dejjem,” bdejt ngħid lil Kurt.
U naf……
Naf li kien jifhimni.
Iżda dak il-lejl kien iebes iżjed mis-soltu.
Ħassejt il-bard u bdejt nitriegħed.
U ġrat xi ħaġa li qatt ma kienet ġrat qabel.
Il-lajs kemm fraħt!
Kurt ħallieni norqod fis-sodda tiegħu!
Kemm kont ferħan!
Il-bniedem li jiena kont ngħix għalih, kien qed iżommni miegħu għas-sħana u ħassejtni protett u ferħan! Kollox kien perfett!
Beda’ jisbaħ. Rajt id-dawl tax-xemx dieħel minn ġol-purtieri tal-kamra tas-sodda u bdejt nistenna lil Kurt iqum ħalli joħroġni barra, inxomm ir-riħa nadifa tal-ħaxix u l-ħamrija friska ta’ sbieħ il-jum.
Iżda dakinhar, Kurt ma ħariġnix. Rajtu jħares lejja b’għajnejh ileqqu, iżommni aktar qrib tiegħu.
“Aħfirli, Benny……………..ma nistax inħallik tbati,” qalli.
Ma stajtx nifhem għalfejn kien qalli hekk, iżda wara ftit erġajt rajt lil Patty dieħla mill-bieb u anke lil Dottor Mugliett, b’dik il-misħuta bagalja sewda!
Ħarist lejn Kurt u rajtu jibki.
“Għalfejn qed tibki, għażiż ħabib tiegħi?” staqsejtu.
Iżda donnu llum ma kienx qed jifhimni.
Dottor Mugliett ħareġ xi ħaġa tleqq minn ġol-bagalja, ħassejt tingiża żgħira fuq koxxti u dak il-ħin donnu kollox inbidel.
Ħassejt sieqi tfieq, donnha reġgħet ġiet tajba, ħassejt l-uġigħ li kelli f’żaqqi jitlaq kollu, ħassejt il-muskoli ta’ ġismi kollha jieħdu s-saħħa!
“Kurt,” bdejt ngħidlu. Kont naf li għalkemm ma stajtx nitbissem bħall-umani, kelli għajnejja jleqqu bil-ferħ. “Jien tiegħek għal dejjem.”
Qomt bilwieqfa, eżatt malli t-tabib xengel rasu u telaq ‘il barra.
Kurt u Patty kienu t-tnejn li huma qegħdin jibku.
Ma stajtx nifhem għalfejn kienu qegħdin jibku.
Donnhom kellhom xi ħaġa f’idejhom. Qisu kellhom kelb ċkejken ieħor, eżatt bħali!
“Tibqax imdejjaq Kurt! Hawn jien għalik!” bdejt ngħidlu, hekk kif smajtu jolfoq u jbennen dak il-ġisem bla ħajja li kellu f’idu.
“Jien qatt mhu ser nitilqek! Jien tiegħek għal dejjem!”
U hu jaf.”

Tiegħek Għal Dejjem (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Tiegħek Għal Dejjem (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Iżda llum bilkemm flaħt niċċaqlaq.
Ftaħt għajnejja u ħarist lejn Kurt. U hu ħares lejja.
Ma kienx hemm bżonn kliem. Jien u Kurt konna niftehmu b’ħarsa biss.
Jien u Kurt.
Kurt kien l-iżjed persuna li jiena kont inħobb.
U jiena kont ngħix għalih.
F’mument wieħed smajt il-bieb jinfetaħ u jingħalaq u daħlet Patty.
Patty kienet ħabiba ta’ Kurt, u jiena tgħidx kemm kont inħobbha!
Mhux daqs Kurt tafx! Ejja nagħmluha ċara din!
Imma kienet waħda mill-iżjed bnedmin favoriti tiegħi.
Patty ġiet ħdejja u ħassejt denbi jiċċaqlaq bil-ferħ. Ma kienx ikolli kontroll fuqu. Kien jiċċaqlaq waħdu.
Ippruvajt inqum ftit minn taħt il-kutra u donnu beda jirnexxili. Ridtha tarani sabiħ. Ridtha tifraħ bija.
U refagħtni.
Kemm ħadt gost!
Bejnietna, għalkemm lil Kurt kont inħobbu aktar, Patty aktar kellha idejha delikati u ma kinitx goffa bħalu.
Imma eżatt malli refagħtni u bdiet tħares lejha, b’dawk l-għajnejn ċari tagħha, rajt demgħa nieżla minn ma’ wiċċha u bdiet tagħfasni magħha iżjed milli suppost.
“Iva,” qalet lil Kurt.
Iżda jiena ma kont qed nifhem xejn.
Reġgħu poġġewni fis-sodda tiegħi u bdew iċemplu lil iżjed persuna li kont nibża minnu!
Nisma’ ismu biss, ukoll jibdew jirtogħdu saqajja!
Dottor Mugliett!
It-tabib tal-annimali.
Kont nibża’ minnu. Kull darba li ltqajt miegħu, dejjem kien iweġġagħni. Kurt kien iwennisni wara, xħin immorru d-dar, iżda dan ir-raġel kattiv kellu bagalja sewda u minnha kienu joħorġu ħafna affarijiet ileqqu. U kienu jniggżu wkoll! U meta konna mmorru d-dar tiegħu, li Kurt kien isejħilha ‘Il-Klinika’, kien ikun hemm iżjed annimali, li kollha kemm huma kienu jkunu mwerwrin bħali. U dik ir-riħa, dik ir-riħa qawwija ta’ mediċinali kienet iddejjaqni, biex ma nsemmix il-bjuda li kien hemm kullimkien; mal-art, mal-ħajt u fuq l-imwejjed……………..
Ajma, ara, lanqas niftakar ma rrid!

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Enable Notifications OK No thanks