Select Page
Emmanuel Macron jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza

Emmanuel Macron jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza

Emmanuel Macron rebaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza, filwaqt li rnexxielu wkoll jegħleb sfida storika mill-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen waqt il-votazzjoni ta’ nhar il-Ħadd.

Macron ħa 58.5% tal-voti tal-Ħadd, u b’hekk sar l-ewwel mexxej Franċiż li ġie elett mill-ġdid f’20 sena.

Hu u Le Pen għaddew għar-runoff wara li spiċċaw fl-ewwel u fit-tieni post, rispettivament, fost 12-il kandidat li ħarġu fl-ewwel rawnd fl-10 ta’ April.

Filwaqt li l-elezzjoni kienet rematch tar-runoff presidenzjali Franċiża tal-2017, għal ħafna mill-Ewropa, din l-elezzjoni kienet waħda ta’ tħassib għaliex ir-riżultat kien se jiddetermina kif se tiġi affettwata r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea.

Presidenza ta’ Le Pen kienet tibdel b’mod fundamentali r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea u mal-Punent, fi żmien meta l-Unjoni Ewropea u l-alleati tagħha jiddependu fuq Pariġi biex jieħdu rwol ewlieni biex jiffaċċjaw xi wħud mill-akbar sfidi tad-dinja, b’mod partikolari preżentament, il-gwerra fl-Ukrajna.

U għalkemm Macron rebaħ fuq il-viżjoni ta’ Le Pen għal bidla radikali, il-41.5% tan-nies li vvutaw għaliha poġġew lil-lemin estrem Franċiż eqreb lejn il-presidenza minn qatt qabel.

Ħafna minn dawk li ma kinux sodisfatti bl-aħħar żewġ kandidati baqgħu d-dar. Ir-rata ta’ astensjoni tal-votanti għar-runoff kienet ta’ 28%, skont il-Ministeru tal-Intern Franċiż, l-ogħla f’aktar minn 50 sena, skont il-midja Franċiża. Fil-fatt, aktar votanti astjenew milli vvutaw għal Le Pen.

Għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet kienu ferm inqas minn dawk ta’ wara r-rebħa ta’ Macron fl-2017, il-partitarji tiegħu nġabru fuq Champs de Mars, quddiem it-Torri Eiffel fiċ-ċentru ta’ Pariġi, jiċċelebraw ir-riżultat fejn hu ta d-diskors tiegħu u ndaqq ukoll l-innu Ewropew, komunement imsejjaħ “Ode to Joy.”

Fid-diskors tar-rebħa tiegħu, Macron wiegħed li jkun il-president ta’ kulħadd. Imbagħad irringrazzja lill-partitarji tiegħu u rrikonoxxa li ħafna, bħal fl-2017, ivvutawlu sempliċement biex jiżguraw li l-lemin estrem ma jingħatax il-poter.

Macron qal li t-tieni mandat tiegħu mhux se jkun kontinwazzjoni tal-ewwel tiegħu, billi jimpenja ruħu li jindirizza l-problemi attwali kollha ta’ Franza. Huwa ndirizza wkoll lil dawk li appoġġjaw direttament lil Le Pen, u qal li hu, bħala president, irid isib tweġiba għar-“rabja u n-nuqqas ta’ qbil” li wassluhom biex jivvutaw għal-lemin estrem.

Le Pen tat diskors ta’ konċessjoni fi żmien nofs siegħa wara l-ewwel riżultat, u tkellmet mas-sostenituri tagħha miġbura f’Bois de Boulogne fil-Punent ta’ Pariġi.

Minkejja li tilfet l-elezzjoni, Le Pen irrikonoxxiet il-fatt li l-lemin estrem qatt ma mar daqshekk tajjeb f’elezzjoni presidenzjali. Hija sejħet ir-riżultat bħala “storiku” u bħala “rebħa brillanti” li poġġiet lill-partit politiku tagħha, National Rally, “f’pożizzjoni eċċellenti” għall-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju.
“Il-logħba għadha ma spiċċatx,” qalet.

Il-Bank Dinji jwissi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tista’ tikkawża katastrofi umana

Il-Bank Dinji jwissi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tista’ tikkawża katastrofi umana

Il-President tal-Bank Dinji David Malpass qal li d-dinja tista’ tiffaċċja katastrofi umana mill-kriżi tal-ikel ikkawżata mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna

Huwa qal li żidiet rekord fil-prezzijiet tal-ikel se jitfgħu mijiet ta’ miljuni ta’ nies fil-faqar u nutrizzjoni aktar baxxa, jekk il-kriżi tkompli.

Il-Bank Dinji jikkalkula li jista’ jkun hemm qabża kbira ta’ 37% fil-prezzijiet tal-ikel.

Dan jolqot l-aktar lill-foqra, li jieklu inqas u jkollhom inqas flus għal affarijiet oħra, bħall-edukazzjoni.

Huwa qal li hija tip ta’ kriżi inġusta, bħal ma kienet ukoll dik ikkawżata mill-Covid.

Żied jgħid li b’katastrofi umana, mhux biss tonqos in-nutrizzjoni imma ssir ukoll sfida politika għal gvernijiet li ma jistgħu jagħmlu xejn dwarha, ma kkawżawhiex huma u jaraw il-prezzijiet jogħlew.

Malpass qal li ż-żidiet fil-prezzijiet qed jaffettwa l-ikel ta’ kull tip, żjut, grains u aktar prodotti li huma magħmula mill-qamħ, għax jiżdied il-prezz tagħhom la ladarba l-prezz tal-qamħ jiżdied.

Huwa appella lill-pajjiżi biex ma jissussidjawx il-produzzjoni jew jillimitaw il-prezzijiet, minflok, huwa qal li l-enfasi għandha tkun fuq iż-żieda fil-provvisti madwar id-dinja ta’ fertilizzanti u ikel flimkien ma’ assistenza mmirata għall-ifqar nies.

Il-Kap tal-Bank Dinji wissa wkoll dwar kriżi oħra li tista’ tirriżulta mill-inkapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jħallsu d-djun pandemiċi kbar tagħhom, fost iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija.

Saħaq li dan huwa prospett reali ħafna, u qiegħed jiġri f’xi pajjiżi. Żied jgħid li ma jafux sakemm din il-kriżi tista’ teskala iżda 60% tal-ifqar pajjiżi bħalissa qiegħdin jew f’diffikultà ta’ dejn jew f’riskju għoli li jkunu f’dejn kbir.

“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

Nitkellmu ma’ Ryan Hili, ir-rebbieħ tat-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta

Ryan, irnexxielek tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta. Mill-espressjoni li stajna naraw fuq wiċċek kont tidher sorpriż ħafna. X’għadda minn moħħok f’dak il-mument li kont taf li int ir-rebbieħ?

Dak il-ħin meta Ben Camille għajjat ismi, ma stajtx nemmen dak li qed nisma’. Il-fatt li kont mal-ewwel tlieta kienet diġà sorpriża kbira għalija, imma l-fatt li rbaħt kien mument li żgur ma stajtx nemmnu u li mhux ħa ninsa qatt. Ovvjament, kuntent ħafna u grat lejn dawk kollha li tawni s-sapport mill-bidu sal-aħħar.

Xi tfisser din il-kisba għalik personali u għall-karriera tiegħek?

Jien il-mużika nqisha bħala xi ħaġa ferm important f’ħajti. Il-fatt li ddeċidejt li nieħu sehem kien diġà pass kbir u r-rispons li rċevejt mill-bidu kien pożittiv. Il-fatt li rbaħt komplejt nemmen iktar fit-talenti tieghi u se nkompli naħdem biex nibqa’ nuri x’kapaċi nagħmel fil-karriera mużikali tiegħi.

Iddedikajt ir-rebħa għall-papà tiegħek. Għaliex? X’impatt għamel fuqek personali biex wasalt sa fejn wasalt illum?

Sfortunatament, il-papà marad u ħalliena f’temp ta’ xahar. Dan kollu fetaħli għajnejja u urieni biċ-ċar kemm illum hawn u għada ma nafx. Il-ħajja wisq qasira biex tieħu kollox for granted. Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, aqbad u agħmilha issa.

X’messaġġ tixtieq twassal permezz ta’ din ir-rebħa?

Kull min għandu ħolma jagħmel mezz biex għallinqas jipprova jieħu l-ewwel pass. Qatt mhu tard wisq u jekk ma temminx li kapaċi u tkun tajjeb, ikun dispjaċir kbir.

Xi tgħidilna dwar it-tliet finalisti l-oħra?

F’din l-edizzjoni nħoss li veru konna grupp sabiħ. Ir-relazzjoni mal-kontestanti kienet waħda mill-isbaħ u baqgħet sal-aħħar mal-finalisti l-oħra. Kollha kemm huma bravi u l-fatt li d-distakk fil-punti kien ftit turi kemm ir-rebħa setgħet kienet ta’ kulħadd.

Kif għidt int ukoll, fl-edizzjoni ta’ din is-sena nħass spirtu ta’ għaqda bejn il-kontestanti. Ma’ liema kontestanti kont l-aktar viċin?

Kif għidt qabel, ir-relazzjoni mal-kontestanti l-oħra kienet waħda tajba ħafna. Ovvjament, inħoss li kont iktar viċin ma’ Kevin Paul u Drakard għax ħdimna flimkien mill-bidu nett. It-tnejn li huma kienu ta’ sapport kbir għalija.

Ryan, għidilna ftit dwarek u l-istorja tiegħek. Min hu eżattament Ryan Hili? Kif tiddeskrivi ħajtek sal-lum?

Ryan huwa persuna mistħi ħafna imma li lest li jagħmel kollox biex jgħix ħajtu bl-aħjar mod possibbli. Bħalissa naħdem bħala għalliem tad-disinn u teknoloġija fi skola sekondarja. Il-mużika nqisha bħala prijorità u nixtieq li fil-futur qarib inkompli nikber f’dan il-qasam.

B’mod inġenerali, x’kienu l-akbar ostakli li kellek tiffaċċja f’ħajtek?

L-aktar żewġ ostakli li kelli negħleb kienu l-fatt li ma nagħtix kas il-midja soċjali ħafna (fejn jidħlu kummenti negattivi) kif ukoll li noħroġ minn qoxorti meta ġejt biex nipprepara l-kanzunetti.

X’kien li ħajrek tipparteċipa f’X Factor Malta?

Jien qatt ma pparteċipajt f’xejn hawn Malta, però minn dejjem xtaqt li nagħmel dak il-pass. L-X Factor ilni nsegwih mindu kont żgħir u kont naffaxxina ruħi nara l-progress li kienu jagħmlu l-kantanti mill-bidu sal-aħħar. Apparti minn hekk jien inħobb insegwi l-Eurovision Song Contest, allura minn dejjem kien hemm dik il-ħajra għall-kompetizzjoni.

Kif tiddeskrivi l-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta mill-bidu sal-aħħar?

L-avventura kienet waħda surreali fis-sens li bdejt mix-xejn u rnexxieli nasal sal-quċċata. Tgħallimt ħafna minn din l-esperjenza u rnexxieli niltaqa’ ma’ ħafna nies bravi u naħdem ma’ ħafna nies stabbiliti.

Kif kienet l-esperjenza tiegħek mal-erba’ ġurija, partikolarment ma’ Howard?

L-esperjenza mall-ġurija kienet waħda tajba ħafna, tgħallimt ħafna mingħandhom u avolja ma kinux il-mentors tiegħi xorta għenuni. Howard kien l-aqwa mentor li qatt seta’ kelli. Irnexxielu joħroġni minn qoxorti u baqa’ sal-aħħar jgħallimni kif għandi nkun artist komplut. Kien hemm żmien fejn kienet diffiċli għalina biex insibu kanzunetta adattata għalija, però llum il-ġurnata nirringrazzja ‘l Alla bl-għażliet li għamilna għax nemmen li kienu kollha ta’ kwalità. Howard huwa peruna li jaf x’inhu jagħmel u kull suġġeriment li tani dejjem ħareġ il-frott minnu.

Fl-audition tiegħek esprimejt il-fatt li xtaqt tipparteċipa qabel f’X Factor Malta iżda ma kontx kunfidenti biżżejjed. Għaliex?

Domt ħafna biex iddeċidejt li nieħu sehem għas-sempliċi raġuni li jien qatt ma rajt lili nnifsi lest biex nidher quddiem in-nies. Il-fatt li jien għandi ‘bionic hand’ ma kinitx tgħin fid-deċiżjoni għax bżajt ħafna mill-kummenti ħżiena tan-nies. Il-midja soċjali tista’ tkun waħda pożittiva però tista’ tkun negattiva wkoll.

Liema mumenti mill-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta tgħożż l-aktar? U liema prestazzjoni hija l-aktar għal qalbek?

L-iktar mumenti għal qalbi apparti meta rbaħt huma meta kien ikollna r-rehearsals. Il-memorji li għandi huma ħafna u napprezza lil kull kontestant, lit-tim tal-midja soċjali, kif ukoll lill-crew kollu li tella xow mill-isbaħ. L-iktar prestazzjoni li ħadt gost nagħmel kienet tal-Live Show 4 għax kantajt f’nofs l-udjenza.

X’inhi r-reazzjoni tiegħek għar-rispons qawwi li rċevejt u għadek tirċievi mill-pubbliku? Stennejt daqshekk sapport?

Is-sapport li kelli mingħand in-nies kien kbir. L-għada li rbaħt irċevejt ħafna messaġġi u kummenti pożittivi u għadni nirċievi s’issa wkoll. Napprezza immens lil kull min b’xi mod jew ieħor tani s-sapport għax bis-saħħa tagħhom irnexxieli nasal s’hawn.

Int ukoll għalliem. X’reazzjonijiet kellek mill-kollegi u l-istudenti tiegħek wara li rbaħt?

Il-kollegi kienu ta’ sapport kbir għalija. Mill-ewwel ġurnata tawni ħafna sapport u anke sorpriżi wara l-finali għamluli. L-istudenti mhux inqas. Kull xħin rawni fil-kurituri tal-iskola kienu jgħajtuli biex jgħiduli li vvutawli u biex jgħiduli prosit.

Matul il-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta, ġieli rċevejt kritika li affettwatek? Kif taġixxi għall-kummenti li jkunux qed iwasslu kritika kostruttiva, iżda personali?

Fortunatament ma tantx kelli kritika negattiva u dik apprezzajta ħafna. Il-ftit li kien hemm pruvajt ma nagħtix kashom għax ħafna minnhom kienu jkunu minn ‘fake profiles’. Minn kollox issib u naf biċ-ċert li ħa nibqa’ nsib. Ma tistax tingħoġob ma’ kulħadd.

Irbaħt is-somma ta’ €50,000. X’beħsiebek tagħmel bihom?

Il-ħamsin elf beħsiebni ninvestihom fil-mużika billi nużahom biex nixtri xi apparat ħalli nkun nista’ naħdem fuq il-mużika tiegħi stess.

X’inhu l-pass li jmiss għal Ryan Hili?

Il-pass li jmiss hu li niffoka iktar fuq mużika oriġinali kif ukoll anke naħdem ma’ kantanti oħra stabbiliti. Meta konna inkunu rehearsals konna nifthemu biex la jgħaddi kollox nibdew nikkollaboraw flimkien.

Kieku kellek tikteb kanzunetta f’dan il-mument, dwar xiex tkun?

F’dan il-mument probabbli nikteb kanzunetta dwar kif wieħed m’għandux jaqta’ qalbu. Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom.

Hemm xi artisti Maltin li tixtieq tikkollabora magħhom fil-futur?

Hemm ħafna kantanti li nixtieq naħdem magħhom, però l-iktar tnejn huma Amber u Brooke.

Għandek xi ħolm partikolari li tixtieq twettaq?

Waħda mill-ħolmiet tiegħi hi li nkanta jew nirrappreżenta lil Malta f’pajjiż differenti.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li qed jaqraw din l-intervista?

Minn qalbi nixtieq li kull min għandu xi ħolma u qed iżomm lura, jagħmel mezz biex għallinqas jipprova. Il-ħajja wisq qasira biex inżommu lura u importanti li ngħixu l-ħajja b’mod komplut.

X’sorpriżi se jkollhom il-mistednin f’Sibtek li jmiss?!

X’sorpriżi se jkollhom il-mistednin f’Sibtek li jmiss?!

Sibtek jirritorna din id-darba ma’ personalitajiet mix-xena tal-ispettaklu u se jkun mimli mużika lajv!

Il-personalitajiet huma ħadd ħlief Glen Vella, Georgina, Pamela Bezzina u ż-żeffien Jes Sciberras.


Dawn se jkunu l-mistiedna ta’ Ryan u Josmar waqt l-edizzjoni li jmiss ta’ Sibtek li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq TVM mill-12.15 ‘l quddiem.

Waqt din l-edizzjoni Glen Vella se jkollu sorpriża minn mara li għad għanda CD tal-ewwel kanzunetti ta’ Glen ta’ ‘l fuq minn 25 sena ilu.

Pamela se tiltaqa’ ma’ ħabiba mill-passat u mill- preżent li flimkien għaddew ħafna sfida diffiċli u tad-daħq ukoll.

Jes Sciberras se jkollu l-ħolma l-kbira tiegħu ssir realtà.

Georgina se jkollha sorpriża permezz ta’ ħafna ritratti u xi filmati li qatt ma dehru qabel!

Il-mistiedna ta’ Ryan u Josmar se jgħaddu minn bosta sfidi divertenti u sorpriżi li żgur ħadd mhu se jistenna.

Bħal dejjem, ma tonqosx ukoll il-mużika lajv flimkien ma’ Christian Arding.

Jekk tħobb issegwi Sibtek, dan huwa programm ieħor li ma tistax titlef!

Howard jagħżel is-6 kontestanti tiegħu miċ-Chair Challenge

Howard jagħżel is-6 kontestanti tiegħu miċ-Chair Challenge

Nathan, Kevin Paul, Aidan Drakard, Isaac Tom, Ryan Hili u Rheez huma s-sitt kontestanti li għażel Howard Keith Debono ilbieraħ mill-kategorija tas-subien.

Għal darb’oħra kienet kategorija li kompliet turi talent mill-aqwa, madanakollu dehret li ma kinitx sfida daqshekk diffiċli għal Howard biex jagħmel l-għażliet tiegħu.

Il-ġimgħa d-dieħla jintgħażlu l-aħħar sitt kontestanti mill-kategorija tal-gruppi, li hija l-kategorija ta’ Philippa Naudi.

Is-sitt kontestanti flimkien mat-18-il kontestant l-ieħor se jkunu qed jikkompetu fil-fażi li jmiss, dik tal-Judges’ Houses.

Tgħid min se jkunu s-sitt kontestanti li jmiss?!

X Factor Malta jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fid-9 ta’ filgħaxija fuq TVM.

Enable Notifications OK No thanks