Select Page
Weraq Niexef (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Għaddew xi jiem. Il-bank tal-iskola ta’ Jean kien vojt. Kien ilu ftit ma jersaq lejn l-iskola.
Waqt il-lezzjonijiet, Christopher kien joqgħod jiċċassa jħares lejn il-bank ta’ Jean.
Dak il-mument li għajnejhom it-tnejn kienu ltaqgħu ma’ xulxin qatt ma kien se jinsih. Kien ħass ħafna emozzjonijiet għal dak it-tifel. F’temp ta’ sekonda kien esperjenza d-dulur li kien għaddej minnu Jean. Jean l-imwarrab. Għax hekk kienu jsibuh sħabu l-oħra.
Ma damx ma reġa’ ltaqa’ miegħu.
“Wara l-iskola tridu mmorru f’dik id-dar l-abbandunata li hemm fit-tarf tar-raħal illejla?” staqsihom Andrew dakinhar stess.
Kulħadd qallu iva. Mur għidlu le lil Andrew! Kieku kien idawwar lill-grupp kollha konfoffa kontrik!
U wara l-iskola erħewlha lejn din id-dar abbandunata.
Kienet dar qadima, mingħajr bibien u twieqi, snin twal ta’ abbandun totali kienu ġabuha lok perfett fejn grupp subien ta’ dik l-età setgħu jesploraw u jgħaddu ftit ħin.
Kien fiha ġnien kbir fuq wara, mimli għollieq, ħurrieq u xi ħaxix twil ieħor li s-subien ma setgħux jagħrfuh.
“Jien sejjer sas-sular ta’ fuq,” qalilhom Andrew.
Għalkemm ħadd minnhom ma ried imur miegħu, tefa’ ħarstu fuq Christopher.
“Ejja miegħi, Christ,” qallu.
“Jien………?” U għal mument, Christopher kien se jgħidlu le, iżda beża’ li jekk jirrifjuta, Andrew kien ipattihielu.
Sħabhom baqgħu jduru fil-ġnien.
Hekk malli qabdu tielgħin it-taraġ, Christopher għamel it-tarf tal-komma tal-flokk quddiem imnifsejh għax kien hemm riħa ta’ moffa taqsam. Anke l-kulur tal-ġebel kien sfar u l-injam tat-taraġ kien kollu mkisser u ċedut lejn is-sular t’isfel.
Malli telgħu fis-sular ta’ fuq indunaw li l-madum kien kollu maqlugħ, b’xi partijiet tal-art sfrondut. Ix-xorok li kien hemm taħt, ftit li xejn kienu jipprovdu protezzjoni.
“Tal-biża’ hawn fuq,” wieġbu Christopher, saqajh kważi tegħleb bil-biża’.
“Tgħidlix li qed tibża’?” staqsieh sieħbu.
“Ma tarax!” gideb l-ieħor.
U kien propju dak il-ħin. Instema’ ħoss kbir. Ix-xorok ċeda. Il-madum ixxaqqaq aktar. L-art tas-sular ta’ fuq bdiet isserraħ ‘l isfel. Christopher ħass ġismu jegħleb u beda nieżel ‘l isfel mill-parti li sfrondat!
“Andrew!” beda’ jwerżaq.
Andrew telaq lejn it-tarf tal-kamra, lejn it-taraġ.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Enable Notifications    OK No thanks