Select Page
Imut Carlos Marin tal-grupp mużikali Il Divo

Imut Carlos Marin tal-grupp mużikali Il Divo

Il-grupp mużikali Il Divo ħabbar il-mewt tal-kantant Carlos Marin fuq Twitter.

Carlos Marin miet fl-età ta’ 53 sena. Huwa ddaħħal b’urġenza l-isptar f’Manchester fl-aħħar jiem u kien maħsub li jinsab fit-taqsima tal-kura intensiva, għalkemm il-kawża tal-mewt tiegħu għadha ma ġietx ikkomfermata iżda ġie rrappurtat li kien pożittiv għall-Covid-19.

Il-grupp kien diġà ppospona l-kumplament tad-dati tat-tours tagħhom bit-tama li Marin jirkupra.

Il Divo ġie ffurmat minn Simon Cowell fl-2003 u kiseb tliet albums li kklassifikaw fl-ewwel post fir-Renju Unit.

Simon esprima d-dieqa tiegħu għall-mewt tal-kantant permezz ta’ post fuq Twitter. Huwa qal li qed isibha diffiċli biex isib kliem li jesprimu kif qed iħossu. Żied jgħid li Carlos Marin ħabb il-ħajja u dejjem apprezza l-ammiraturi li ssapportjaw il-grupp mill-bidu.

Minbarra l-grupp Il Divo, Carlos Marin ħa sehem f’numru ta’ musicals fosthom Les Miserables, Grease u Beauty and the Beast.

Il-Kreatura tal-Bir – L-ewwel ktieb minn sensiela ġdida ta’ Simon Bartolo

Il-Kreatura tal-Bir – L-ewwel ktieb minn sensiela ġdida ta’ Simon Bartolo

Il-Kreatura tal-Bir  huwa l-ewwel ktieb minn sensiela ġdida ta’ Simon Bartolo. Hija storja li tgħaqqad fiha kemm elementi makabri kif ukoll umoristiċi. Tinvolvi l-familja Borg, li jibdew bħala erbgħa – omm, missier u żewġt itfal – u jispiċċaw tmienja meta jaslu z-zijiet u n-nanna. Nies kemmxejn strambi jkunu dawn. Hemm ritratt ta’ kull waħda u wieħed minnhom impinġijin fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-qoxra tal-ktieb. Din il-familja tiġi attakkata vjolentament mill-Imħalla, kreatura li normalment tgħix fl-ilma frisk tal-bjar imma li għal xi raġuni li niskopru aħna u naqraw il-ktieb, tagħmel eċċezzjoni għax toħroġ mill-bir biex tħebb għall-din il-familja. Apparti l-Imħalla, tant hemm kreaturi oħra li għad irridu niskopru f’dawn il-kotba, li s-sensiela jisimha “Ruxxmata Kreaturi”.

Lil Simon Bartolo niftakruh minn sensiela oħra ta’ kotba għat-tfal – It-Triloġija tal-Fiddien – li huwa kiteb flimkien ma’ Loranne Vella. F’dik it-Triloġija kien hemm kreaturi oħrajn, differenti minn dawn. Hu jistqarr li għalkemm jibża’, xorta jħobb ħafna jikteb dwar il-kreaturi. L-istejjer tiegħu jagħtihom ukoll laqta ċajtiera għax inkella jiġu wisq tal-biża’ u ma jkunx jista’ jorqod billejl! Ippubblika kotba oħra bħal, Kważi Kważi lil Tamara Nżommuha, Kliem ir-Riħ, Deformity, u Il-Leġġenda ta’ Robin Hood u Marian. Jikteb ukoll id-drammi tat-teatru, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Fil-fatt lil Simon dejjem jikteb issibu, jew inkella jkun qed jaħseb dwar xiex se jikteb.

Enable Notifications OK No thanks