Filmat: Maħbub – Kanzunetta ddedikata lil Ġorġ l-Għannej tal-Mulej

Filmat: Maħbub – Kanzunetta ddedikata lil Ġorġ l-Għannej tal-Mulej

Ilbieraħ, il-kantanta lokali Simone Gauci nediet il-kanzunetta Maħbub, kanzunetta ddedikata lil Ġorġ Agius, magħruf man-nies bħala Ġorġ tal-Mużew jew L-Għannej tal-Mulej. Il-kanzunetta għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas u arranġament mużikali ta’ Andrew Zammit minn Tone Studios.

Mal-kanzunetta, il-kantanta nediet ukoll vidjow mużikali, miġbud fil-parti l-kbira tiegħu ġewwa l-Birgu, art twelid Ġorġ Agius. Il-kanzunetta hi waħda sentimentali ferm, li tfakkar il-memorja ta’ Ġorġ, li tista’ tgħid kien maħbub minn kulħadd. Kienu bosta dawk li ltaqgħu miegħu tul is-snin u hu dejjem nissel it-tama, il-fiduċja, il-kuraġġ u l-wens ma’ kull min iltaqa’.

Il-vidjow mużikali huwa xogħol ta’ Mauro D’Amato u t-tpenġija ta’ Ġorġ li ntużat waqt il-vidjow hija ta’ Mariana Spiteri. Simone tistqarr li kienet għażla naturali li taħdem kanzunetta dwar Ġorġ għax xtaqet li tfakkar il-memorja tiegħu. Dejjem ammirat it-talent sabiħ li kellu, talent li kien juża biex ifaħħar lil Alla u jgħin lil min ikollu bżonn ftit faraġ. Simone tgħid ukoll li missierha kien jaf lil Ġorġ għaliex kienu jattendu għal xi laqgħat reliġjużi flimkien. Simone tgħid, “Missieri, li ġie nieqes ħmistax-il sena ilu kien jaf lil Ġorġ personalment u dejjem tkellem b’rispett kbir lejh.”

Simone Gauci tħossha naturali tkanta bil-lingwa Maltija, hi temmen li biha tesprimi lemozzjonijiet bl-aħjar mod u hemm bżonn li l-lingwa tiġi apprezzata ħafna aktar, speċjalment b’kanzunetti Maltin u x’hemm isbaħ milli tfaħħar lil Ġorġ bil-lingwa li tant u tant kien jgħożż.

Enable Notifications OK No thanks