Siti elettroniċi pornografiċi se jkunu obbligati jivverifikaw l-età ta’ min jidħol fihom

Siti elettroniċi pornografiċi se jkunu obbligati jivverifikaw l-età ta’ min jidħol fihom

Siti elettroniċi pornografiċi fir-Renju Unit se jkunu legalment meħtieġa jivverifikaw l-età ta’ min jidħol fihom, skont il-liġijiet ġodda dwar is-sikurezza tal-internet.

Il-leġiżlazzjoni, li hija parti mill-abbozz ta’ liġi dwar is-sigurtà onlajn, għandha l-għan li tagħti lit-tfal protezzjoni aħjar minn materjal espliċitu.

Bil-miżuri l-ġodda, biex jiżguraw li dawk li jidħlu jkollhom 18-il sena jew aktar, in-nies se jiġu mitluba jagħtu prova li għandhom karta ta’ kreditu jew jikkonfermaw l-età tagħhom permezz ta’ servizz offrut minn terzi.

Siti li jonqsu milli jaġixxu jistgħu jiġu mmultati sa 10 fil-mija tad-dħul globali tagħhom.

L-abbozz ta’ liġi dwar is-sigurtà onlajn huwa mistenni li jiġi introdott fil-parlament matul il-ftit xhur li ġejjin u huwa maħsub biex jipproteġi lit-tfal minn kontenut li jista’ jagħmel il-ħsara.

Gruppi tas-sigurtà tat-tfal kienu ilhom jitolbu sabiex tiġi vverifikata l-età fuq siti pornografiċi, minħabba tħassib dwar il-fatt li huwa faċli wisq għall-minorenni li jaċċessaw materjal disponibbli pubblikament onlajn.

Kif nista’ nqajjem il-ħajja sesswali tiegħi meta għandi t-tfal id-dar?

Kif nista’ nqajjem il-ħajja sesswali tiegħi meta għandi t-tfal id-dar?

Xi drabi, speċjalment fi żmien il-Covid-19, mhuwiex dejjem possibbli biex nagħmlu dak li nkunu nixtiequ, partikolarment meta t-tfal kienu dejjem qed ikunu d-dar minħabba l-għeluq tal-iskejjel. Forsi għandek il-partner t/jaħdem u inti qiegħed/qiegħda d-dar, jew forsi t-tnejn li intom taħdmu u ssibuha diffiċli biex tqattgħu ħin flimkien, dan mhux bilfors sess imma forsi ma ssibux il-ħin u ċ-ċans biex titkellmu jew tqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. Il-ħajja sesswali tiegħek forsi mhijiex il-mod kif tixtieqha inti. L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biex int li qed taqrah issibu bħala mezz biex ittejjeb ir-relazzjoni mal-maħbub/a tiegħek.

Diversi studji jgħidu li relazzjonijiet sesswali huma tajbin għas-saħħa fiżika u anke għas-saħħa mentali. Is-sess jgħin ukoll sabiex wieħed iħossu aħjar emozzjonalment.

L-ewwel u qabel kollox, importanti li tkunu intimi ma’ xulxin. Forsi għal ċerti nies hija ovvja imma mhuwiex dejjem il-każ għal kulħadd. Billi tkun intimu ma jfissirx biss fis-sess, iżda jfisser li tkunu intimi emozzjonalment ukoll. Dan iseħħ meta ssibu ħin biex titkellmu ma’ xulxin anke fuq affarijiet li huma ‘żgħar’ (jew affarijiet ta’ kuljum), bħal fuq kif kienet il-ġurnata tiegħek jew kif mort ix-xogħol.

Is-sesswologu, Matthew Bartolo jgħid, “Li tgħix mat-tfal mhi faċli xejn tqatta’ ħin intimu, jekk b’ħin intimu tistenna l-istess mumenti li kellkom qabel ma kellkom it-tfal. Il-verità hi li jekk ma tisraqx mumenti flimkien għal xi bewsa jew tagħfisa, jew tippjana mumenti fejn it-tfal se jkunu ma’ adult ieħor, se tispiċċaw mingħajr ħajja sesswali.”

“Għandna bżonn nimxu lil hinn mill-idea ta’ ‘kollox jew xejn’ (all or nothing) għax ma tgħinx il-ħajja sesswali. Biex iżżomm il-ħajja sesswali għaddejja billi kultant tibgħat messaġġ, ritratt, tagħfas lis-sieħba tiegħek waqt li għaddejin minn ħdejn xulxin, sess orali, eċċ. Ħafna koppji jinsistu li s-sess mingħajr penetrazzjoni mhux sess komplut. Din l-idea ġejja minn kultura fejn l-għan tas-sess hu biss dak tal-orgażmu, meta f’relazzjoni l-konnessjoni għandha tilgħab parti wkoll.”

Avolja t-tfal huma parti importanti tal-ħajja tagħkom, m’hemmx għalfejn li titkellem dwar uliedek il-ħin kollu, qabel ma kellkom it-tfal – fuq xiex kontu titkellmu? Tajjeb li ssibu xi ħaġa li għandkom komuni u titkellmu dwarha. Imbagħad hemm ukoll intimità fiżika fejn pereżempju jekk tgħannqu lil xulxin tħossukom aktar intimi f’dan l-aspett. Affarijiet żgħar li jfissru ħafna. Ir-riċerka turi li koppji li jbusu u jkollhom kuntatt fiżiku ma’ xulxin, huwa relatat ma’ relazzjonijiet pożittivi. Dan għaliex l-oxytocin (li huwa hormone assoċjat mal-kuntentezza) huwa mreddes filwaqt li l-livelli tal-cortistol jinżlu (cortistol huwa l hormone assoċjat mad-dwejjaq u stress) meta hemm kuntatt fiżikali bejn il-maħbubin.

Idea tajba oħra hija li ssibu lil xi ħadd li jkun jiista’ jieħu ħsieb lit-tfal ħalli jkollkom aktar ħin għalikom fejn tistgħu tesploraw lil xulxin bħala koppja. Mhux dejjem se jkun hemm in-nanniet li jkunu jistgħu jgħinu, f’dak il-każ, aħna qiegħdin hawnhekk għalik, it-tim tal-Willingness għandu s-servizz taċ-‘Childminders’. ‘Willingness Childminders’ huwa tim professjonali u b’esperjenza biex jieħdu ħsieb lil uliedkom, jagħmlu attivitajiet bħat-tpenġija u logħob edukattiv. Tista’ tagħżel liema persuna tixtieq li jieħu ħsieb uliedek minn fuq is-siti elettroniċi tagħna: Childminding – Willingness jew ChildMinders (childmindersmalta.com)

Dr. Mintz (2009) hija sessoloġista li temmen li hija idea tajba li l-koppji jippjanaw rutina għas-sess. Dan huwa essenzjali meta l-koppja tħossha għajjiena u stressjata. Dr. Mintz tispjega wkoll kif il-kobor tad-dar tinfluwenza r-relazzjoni sesswali bejn il-koppji, minħabba s-sempliċi raġuni li f’dar żgħira huwa aktar faċli li tagħmlu ħin flimkien bħala familja. Avolja dan huwa sabiħ fil-modi tiegħu biex tiksbu ħin għalikom, tridu taħsbu f’ideat innovattivi. Ħin ta’ kwalità tajjeb għalik u l-partner tiegħek. Dan il-ħin jista’ jkun waqt li t-tfal ikunu qed jagħmlu x-xogħol tad-dar jew ikunu qed jaraw xi programm televiżiv, b’hekk huma għandhom distrazzjoni fejn intom ikollkom siegħa jew sagħtejn għalikom. Il-faċendi huma essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum, imma jekk taqbiżhom għal lejl wieħed biex jkollok naqra ħin mal-partner m’inti tagħmel xejn ħażin!

Mhux vera li l-kamera ma tigdibx! – Tanja Cilia

Mhux vera li l-kamera ma tigdibx! – Tanja Cilia

Konna qed nilgħabu bil-kliem – mhux bid-diskors! – u għidt, kif dejjem ngħid, kemm hu sabiħ il-Malti.

L-Ingliżi għandhom corner, imma aħna għandna rokna u kantuniera.

L-Ingliżi għandhom selfie, u aħna għandna, jew almenu jista’ jkolna – selfie, selfek, selfu, selfha, selfna, selfkom, u selfhom… skont min jieħu r-ritratt u skont min jiġi fih.

Kulħadd daħaq, u fakkruni li bil-Malti, il-kelma hija stessu – imma ma ċedejtx. U kienu biss, li la m’għandniex ġens newtrali, il-kelma kellha tkun stessa, għax selfie huwa “xbiha”. Kien hemm min qabel miegħi, u kien hemm min qal li selfie huwa ritratt, u għaldaqstant, il-kelma tieħu nom tal-ġens maskil.

Jew, forsi, raġel jieħu stessu, u mara tieħu stessa.

Kos, kemm tixbaħ il-kelma selfish, hux, il-kelma selfies?

Ara tarawhiex bħali… hawn min jitfa’ għexieren ta’ ritratti fuq is-siti soċjali, biex kulħadd jgħaddi l-kummenti bħal “xi ġmiel” jew “kemm hu ħelu xagħrek hekk”…

Dan il-fenomenu narċissista tant ħa, li l-Oxford English Dictionary kien iddikjara li selfie hija l-kelma tas-sena fl-2013.

Hawn min jisħaq li huwa importanti li tgħix il-mument preżenti; u m’hemm xejn iżjed preżenti minn selfie, għax jurik kif int filwaqt u l-ħin li tkun ħadtu.

Kien fl-1839 li ttieħed l-ewwel “awto-ritratt”, kif issejjaħ dak iż-żmien. Robert Cornelius, dilettant tal-fotografija, spiżjar dilettant u spiżjar, li kien jgħix f’Philadelphia, irnexxielu jidħol f’ritratt li ħadu hu stess billi waqqaf il-kamera fuq tripied, ta l-ħabel lill-arloġġ, u ġera għal quddiem il-lenti.

Dawn il-mutetti m’għadx hawn bżonnhom, għax selfie jittieħed tipikament minn tablet, jew smartphone, jew webcam, b’mod instantanju.

Jingħad li l-kelma nnifisha kienet ivvintata fl-2002, meta Nathan Hope żagħżugħ Awstraljan, għalaq 21 sena. Waqt il-festin tiegħu, kien kemmxejn imlaħlaħ, iżda xorta dehrlu li kien kapaċi jieħu ritratt tiegħu innifsu; l-iżjed biex juri lid-dinja li kellu l-punti f’xoftu, fuq sit soċjali.

Il-kumment li tefa’ kien: u skużawni li dan mhux iffokat, għax dan selfie…

Nibtu l-Ħelfie (selfie tax-xagħar), il-Belfie (selfie tal-warrani), u l-Welfie (waqt li wieħed ikun qiegħed jagħmel xi eżerċizzju). U hemm ukoll, ħaġa tal-għaġeb, id-Drelfie, li wieħd jieħu meta jkun fis-sakra.

Hemm saħansitra sit minnhom invażat b’selfies li jittieħdu waqt funeral… f’uħud minnhom saħansitra jidhru l-kadavri fit-twiebet miftuħa.

Imma dawn in-nies jafu jistħu? Jew tant huma wiċċhom sfiq li anqas tgħaddilhom minn moħħom li għandhom jistħu?

Il-kelma selfie nnifisha turi li r-ritratt huwa xi ħaġa egoċentrika. X’jimporta li int mort Ta’ Pinu, jew it-Taj Mahal, jew il-Piramidi, jew is-Sydney Opera House? Mhux basta tieħu selfie? Ħalliha tinżel, lix-xemx, u tinseġ elf kulur fuq ix-xefaq. Mhux basta tieħu ritratt tiegħek innifsek quddiemha? Jekk mhux għal kollox isbaħ, imma għall-anqas, żgur iżjed importanti…

Hawn min jgħidlek biex ma tintremiex, u hawn min jgħidlek biex ma tiftaħarx, għax jisħtuk. Mela allura, l-ewwel iżżejjen il-paġni tiegħek b’għadd ta’ selfies, u mbagħad tgħid “Isma’, il-ġmiel mhux kollox…” Mela allura, qed tikkonferma li int taħseb li int sabiħa, u wara, tgħidilna li taħseb li għandek doni oħrajn ukoll.

Il-ħajja ta’ vera ta’ xi wħud twaħħdet mal-ħajja diġitali tagħhom. Nafu x’kielu, meta biddlu l-kulur ta’ xagħarhom, fejn marru, u ma’ min iltaqgħu iżjed milli t-telespettaturi ta’ The Truman Show kienu jkunu jafu x’qed jagħmel Truman Burbank [parti maħduma minn Jim Carey].

Il-lenti ta’ quddiemhom forsi ma tħallihomx ikunu “huma”, iżda jsiru “huma ta’ quddiem il-kamera”, artifiċjali u mimlija bihom infushom. Int trid tkun bħal qatta’ oħrajn li qabel joħorġu mid-dar jiġbdu ritratt? Int trid li titfa’ selfie f’xi wieħed minn dawk is-siti fejn jgħidulek “Jaqq kemm int ikraħ, mur aqbeż minn fuq is-sur…”?

Aħna nafu kif il-fotografi tal-midja jsusu wara l-personalitajiet biex jiġbdulhom ir-ritratti meta jkunu mhux f’tagħhom. U dawn, biex juruna li huma xorta sbieħ, u mhux dejjem ikunu libsin tracksuit kerha, jitfgħu ħafna selfies fuq is-siti tagħhom.

Snapchat, Tumblr, Facebook, Twitter, u siti oħra, lilna jagħtuna l-istess opportunità… għax jekk xi ħadd ma jaħmilniex pinġuti jitfa’ ritratt tagħna qisna x-xuxani, jew meta nkunu qed nirrabjaw, biex iwaqqgħuna għaċ-ċajt, aħna dlonk nitfgħu ħamsa, sitta, bil-kosmetiċi u b’maxta perfetta.

Aħna min aħna? Dawk li jidhru fir-rirtatti “mhux tagħna”; jew dawk tas-selfies, li qatt ma juruna mill-ġenb biex imneħierna ma jidhirx kbir, jew x’imkien fin-nofs? Jew dawn huma tliet diskrizzjonijiet foloz, għax l-awtentiċità ma titkejjilx?

Enable Notifications OK No thanks