Select Page
Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Is-sapport lill-familji ta’ persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna. Dan minħabba li l-persuni b’diżabilità jiggwadanjaw ferm meta jkunu qed jgħixu fil-komunità, u jibqgħu jgħixu d-dar mal-familja. Madanakollu, il-familji jgħaddu minn diversi ċirkostanzi li jekk ma jsibux għajnuna, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex ikomplu jieħdu ħsieb lill-individwu b’diżabilità, jistgħu jikbru.


Fin-nukleu tal-familja hemm ukoll l-ulied l-oħra, l-aħwa li minn ċkunithom ikunu draw li hi responsabilità ta’ kull membru li jindokra lill-membru b’diżabilità. L-esperjenzi ta’ dawn l-aħwa huma varji – min jieħu r-rwol ta’ kuratur maż-żmien, min iħoss li ma jkunx forsi ingħata biżżejjed attenzjoni daqs ħuthom b’diżabilità minħabba ċ-ċirkostanzi, min kien involut fit-trobbija ta’ ħuthom b’diżabilità u min le.

Fattur komuni bejn l-aħwa kollha jibqa’ li kollha għandhom għal qalbhom il-benesseri ta’ ħuthom u li jagħmlu minn kollox sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħinu lil ħuthom b’diżabilità tul ħajjithom u jagħtu l-kontribut tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-fatt li l-ħajja tagħhom evolviet u li f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkun li jkollhom bżonn is-sostenn huma wkoll.

Dawn huma biss ftit mill-fatturi li Aġenzija Sapport tindirizza waqt sessjonijiet li professjonisti fi ħdanha, inkluż ħaddiema soċjali, imexxu bħala gruppi ta’ sostenn għal aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità.

Dawn is-sessjonijiet joffru spazju fejn dawn l-aħwa jiltaqgħu flimkien u jaqsmu flimkien esperjenzi, diffikultajiet, ħsibijiet u sfidi ma’ oħrajn li jkunu fl-istess sitwazzjoni tagħhom, waqt li jkunu jistgħu wkoll jevalwaw kwistjonijiet u possibilitajiet għall-futur.

Parteċipanti minn gruppi simili fil-passat stqarrew li dawn il-gruppi u laqgħat servew sabiex iħossuhom li mhumiex weħedhom u li wkoll ingħataw stampa ċara anke dwar x’servizzi huma u l-familjari tagħhom jistgħu jaċċessaw.


Uħud mis-suġġetti li huma koperti waqt dawn is-sessjonijiet huma:

  • Relazzjonijiet familjari: X’impatt ikollhom il-ġenituri fuq l-ulied li għandhom diżabilità
  • Kif tħares il-komunità lejn persuni b’diżabilità u kif iħossuhom l-aħwa dwar dan
  • Kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom
  • Servizzi disponibbli
  • L-impatt fuq deċiżjonijiet tal-ħajja tagħhom

Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet għal gruppi ġodda li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sessjonijiet se jsiru darba fix-xahar. Se jkun hemm 12-il sessjoni b’kollox, u kull sessjoni ddum sagħtejn. Sabiex ikun assigurat li nimxu mal-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa kull workshop se jkollu massimu ta’ 10 parteċipanti, bi preżentazzjoni ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin. Grupp żgħir hu ideali sabiex kull parteċipant ikollu ħin biżżejjed biex jiddiskuti l-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Grupp żgħir jgħin ukoll biex il-persuna tħossha komda li tista’ titkellem.

Dawn il-gruppi huma miftuħa għal aħwa li jkunu għalqu t-18-il sena. L-attendenza hija mingħajr ħlas iżda wieħed jeħtieġ li jibbukkja.

Dan jista’ jsir permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni li tista’ titniżżel jew tintbagħat mis-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew billi wieħed jagħmel kuntatt ma’ Aġenzija Sapport (Helpline – Freephone 153 u jagħfas in-numru 5 / iċempel fuq 2256 8000 / jibgħat email fuq sapport@gov.mt). Wieħed jista’ jagħżel li jattendi sessjonijiet filgħodu jew filgħaxija.

“Enzo għallimni naħfer…kien speċjali wisq” – Indri Attard

“Enzo għallimni naħfer…kien speċjali wisq” – Indri Attard

Nitkellmu ma’ Indri Attard dwar Enzo Gusman

Indri, għal min ma kienx jafu personali, kif tiddeskrivi lil Enzo?

Enzo kien persuna speċjali ħafna. Min ma jkunx kellmu jista’ jkun li jieħu impressjoni li jrid jgħallem, però li kien perfezzjonist hija veru imma li ssir tafu mill-viċin tibda tifhem kemm it-tali li kien iwassal kellu skop ġenwin.

Kif sirt tafu personali, u kif kienet ir-relazzjoni ta’ bejnietkom?

Sirt nafu għax fl-1994 skoprejtu fuq ir-radju. Ġenninni għal warajh bil-programmi li kien itella’. Ħlift li nsir ħabib tiegħu u kienet faċli. Enzo kien jagħmel ħbieb ma’ kulħadd f’sekonda.

Enzo u l-familja. X’kienet tfisser għalih il-familja?

Enzo kien maqsum min-nofs. Il-maġġorparti taż-żmien jaħdem mid-dlam sad-dlam f’Malta u familtu jgħixu l-Kanada. Wara l-mewt ta’ ommu telaq ħdejn familtu għal kollox. Kien iħobbhom b’mod li ma tispjegahx. Martu Carmen kienet ġojjell għalih. Jitkellem dwarha kontinwament, u uliedu u n-neputijiet għalih kienu n-nifs tiegħu.

X’kont tammira l-aktar f’Enzo?

Enzo kien trasparenti. Kollox mikxuf litteralment. Li jaħseb jgħidu. Però kellu kariżma speċjali u kien kapaċi jikkoreġi żbalji tiegħu stess.

Liema mumenti miegħu l-aktar li tgħożż?

Enzo kien iħobbni daqs li kieku kont ibnu. Ma nistħix ngħid li wara konverżazzjoni fuq it-telefown kien jispiċċa b’I love you. Kont inħobbu ta’ vera u hu kien jaf.

Hemm xi ħaġa li int personali tgħallimt mingħandu?

Tgħallimt inkun xandar li jisma’. Li l-aqwa programm għadni ma ppreżentajtux u li l-lingwa Maltija jixirqilha li tixxandar bl-aħjar mod possibbli. Kultant kont inħossu qed jesaġera u mhux l-ewwel darba li illatikajna.

Hemm xi ħaġa li kien qallek u li baqgħet dejjem f’moħħok?

Impossibbli nsemmi ħaġa waħda. Li hu żgur li nkun f’ħafna sitwazzjonijiet li jġiegħluni niftakar fih.

X’impatt tħoss li għamel f’pajjiżna?

Enzo kien leġġenda. Ħalla impatt qawwi fix-xandir u ħalla impatt qawwi fil-mod kif illum qed napprezzaw iktar il-kantanti Maltin. Enzo kien jeleva ‘l fuq lill-kantanti l-oħra. Jekk tinnota ftit jagħmluha.

Kellek kuntatt miegħu dan l-aħħar?

Iva. Kelli l-privileġġ li nikkomunika permezz ta’ video calls bis-saħħa ta’ martu. Bi prudenza kont inħalli lilhom iċemplu u kif jgħeja jitkellem konna nieqfu. Kont naqsam qalbi u anke bkejna flimkien.

X’tista’ tgħidilna dwar Enzo li forsi ftit nies jafu?

Li għalkemm kien jidher arjuż f’xogħlu kien jibża’ ħafna. Enzo ma kienx konxju tal-popolarità tiegħu u niftakar li fl-2006 waqt li kont qed norganizzalu l-aħħar kunċert tiegħu nipprova nipperswadih li n-nies iriduh. Kien jibża’ li m’għadux jattira n-nies bħal qabel u meta wasal il-waqt kien tani r-raġun. Teatru ippakkjat u kunċert memorabbli. Kien bravu wisq.

Tiftakar xi mument umoristiku li qsamtu flimkien?

Kien iħobb jidħak iżda l-maġġoranza tal-ħin konna nkunu qed nitkellmu dwar affarijiet serji. Hemm ċajt li ma kienx ikun tajjeb għal fuq il-palk u allura kien jibqa’ bejnietna.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek dwar Enzo?

Enzo għallimni naħfer. Enzo weġġgħuh nies b’mod gravi fuq livell li bniedem komuni kien jaħsibha ħafna drabi jekk jaħfirx. Enzo kien speċjali wisq, ma rridx nagħtih titli minn issa, inħalli ż-żmien isajru l-bajtar.

“Infittex fil-mowbajl tal-partner waqt li tkun rieqda” – Kif l-għira taffettwa r-relazzjoni?

“Infittex fil-mowbajl tal-partner waqt li tkun rieqda” – Kif l-għira taffettwa r-relazzjoni?

Il-partner tiegħi toqgħod tagħfas like lil kull raġel li jitlagħlha fuq Facebook. Għal din ir-raġuni, meta tkun rieqda neħodilha l-mowbajl, biex nara jekk tkunx qed tibgħat messaġġi lill-irġiel oħra u teqlibieli ma’ xi ħaddieħor.

L-għira hija emozzjoni meta l-persuna tħossha rrabjata u mbeżża’. L-għira toħloq element ta’ sospensjoni. Dan iseħħ l-aktar meta jkun hemm xi ħadd barra mir-relzzjoni u jkun qed iqanqal ċertu theddid lill-persuna fir-relazzjoni. It-theddida tista’ tkun waħda reali jew waħda immaġinarja.

Spiss nisma’ lil xi ħadd jgħid li waqt li l-partner tiegħu kien rieqed, tfittex jekk qed jitkellem ma’ xi ħaddieħor. Hemm ukoll min jaqla’ argument mal-partner tiegħu meta jgħaddi xi ħadd gustuż. Hemm ukoll min ma jħallix lill-partner tiegħu jaċċetta lil xi ħadd ieħor fuq Facebook. Dawn huma kollha sitwazzjonijiet reali li vermament iseħħu. Jista’ jkun il-każ li inti kont jew għadek tgħaddi minn sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip. Kemm huwa sabiħ li wieħed jafda lill-partner tiegħu. Sfortunatament, dan mhux dejjem faċli! Dawn huma xi ideat li jistgħu jsaħħu r-relazzjoni tiegħek sabiex tħossok aktar sigur fir-relazzjoni tiegħek:

  • Mal-għira hemm ħafna emozzjonijiet negattivi. Hija idea tajba li jekk tgħir, tipprova tirrikonoxxi l-għira. Meta wieħed jitkellem dwar l-għira li jkun qed iħoss, jgħinu jiżviluppa ċerti ħiliet interni. Dawn jgħinu lill-individwu jagħmel konverżazzjonijiet produttivi, b’hekk tkun qed taħdem fuq ir-relazzjoni tiegħek.
  • Mindfulness huwa meta wieħed jgħix u jiffoka dwar il-preżent. Dan jgħin ħafna għaliex inti tkun qed tpoġġi lilek innifsek fil-mument li għaddejja minnu. B’dan il-mod wieħed ikun iffukkat fuqu nnifsu u mhux dak li huwa għaddej madwaru.
  • L-għira u l-istima baxxa huma relatati. Dan għaliex meta persuna tara lilha nnifisha bħala inadegwata għall-partner tiegħu, jiġu ħsibijiet bħal “jiena mhux ħelwa biżżejjed, mela issa jsib lil xi ħadd isbaħ minni”.
  • Aħseb dwar dak li inti grat għalih. F’ħajtek hemm ħafna affarijiet sbieħ, avolja ma tindunax bihom f’dak il-mument. Huwa importanti li tfakkar lilek innifsek dwar dak li għandek sabiħ f’ħajtek.
  • Aħseb dwar dak li tixtieq f’relazzjoni. Dak li qed tistenna minn relazzjoni jaffettwa ħafna l-mod ta’ kif iġġib ruħek fir-relazzjoni. Ara li dawn l-aspettattivi huma realistiċi u tibżax titkellem fuqhom mal-partner tiegħek. B’hekk tkunu kapaċi taħdmu fuq ir-relazzjoni tagħkom flimkien.

Huwa importanti li żżomm f’mohhok li r-relazzjonijiet jaħdmu l-aħjar meta jkun hemm komunikazzjoni effettiva bejn il-koppja. Huwa tajjeb li tiftakar biex ma tgħajjatx mal-partner tiegħek u minflok titkellem bil-kalma u tispjega l-emozzjonijiet tiegħek.

Huwa importanti wkoll li inti taħdem fuqek innifsek bħala persuna. Meta inti tħares lejk innifsek fil-mera, x’tara? Tara li inti individwu sabiħ/a, tapprezza lilek innifsek biżżejjed? Jew hemm aspetti dwarek li jeħtieġ li taħdem fuqhom?

Li tieħu ħsieb lilek innifsek ifisser rispett u mħabba lejk u lejn dawk li tant tħobb – Roberta Magri

Li tieħu ħsieb lilek innifsek ifisser rispett u mħabba lejk u lejn dawk li tant tħobb – Roberta Magri

Hemm possibilità kbira li fil-ħajja mgħaġla tagħna ninsew min verament aħna. Xi rrid infisser b’dan?

Kollha kemm aħna għandna persuni importanti f’ħajjitna, li jfissru d-dinja għalina. Ħafna minna għandna wkoll ix-xogħol u l-karriera. Ma’ dawn hemm marbutin responsabilitajiet u anki dmirijiet, li ħafna minna naraw li ngħixuhom b’tant dedikazzjoni. U hekk għandu jkun.

Madanakollu, li jiġri ħafna drabi hu li tant inkunu ħsiebna f’dawk ta’ madwarna, fix-xogħol tagħna, tant nagħtu lilna nfusna kompletament, li ninsew lilna nfusna, min aħna u l-bżonnijiet tagħna.

Hija faċli ħafna, forsi għal uħud minna aktar minn oħrajn li nitfgħu l-bżonnijiet tagħna fl-aħħar tal-lista tal-prijoritajiet, jew saħansitra ninsewhom kompletament mingħajr ma nkunu qed nagħtu kas.

Nintebħu biss meta nispiċċaw f’mumenti u sitwazzjonijiet fejn ikollna niffaċċjaw il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ importanza li nkunu tajna lilna nfusna.

M’għandniex inħallu lilna nfusna naslu s’hemm, għaliex taħt dawk l-irwoli u r-responsabilitajiet kollha li naqdu tant tajjeb kuljum, hemm uman.

Aħna wkoll jistħoqqilna l-attenzjoni, ir-rispett u l-imħabba daqs kemm nagħtu lil ħaddieħor, imma dan kollu jrid jibda minna nfusna.

Huwa importanti li…

  • Minkejja li nkunu impenjati bix-xogħol, karrieri, skola u b’dawk ta’ madwarna, insibu ħin, ftit ħin, għalina nfusna. Dan il-ħin għandu jkun prijorità u parti mir-rutina tagħna. Naturalment, mhux dejjem possibbli l-istess ammont ta’ ħin, u jista’ jkun li jkollna nduru ma’ sitwazzjonijiet partikolari iżda, importanti li ma nħallux ġimgħa tgħaddi bla ma nkunu ddedikajna ftit ħin. X’nagħmlu u kif nużaw dan il-ħin, mhuwiex importanti, dak huwa kompletament f’idejna.
  • Li nqattgħu l-ħin ma’ dawk li jittrasmettu l-ferħ, imħabba u l-paċi f’qalbna. Ma’ dawk li jittrasmettu enerġija pożittiva u li nħossuna sikuri fil-preżenza tagħhom. Ma’ dawk li jserħulna qalbna, idawlulna ħajjitna u jimmotivawna biex inkunu persuni aħjar.
  • Li nevitaw kemm jista’ jkun persuni u sitwazzjonijiet li jittrasmettu biss enerġija negattiva u emozzjonijiet negattivi. Importanti li ma nħossuniex ħatja li nevitawhom, ikunu min ikunu, inklużi dawk li huma meqjusa bħala membri tal-familja u ħbieb.
  • Li nkunu kapaċi ngħidu le fejn ikun jeħtieġ, lil kull min ikun, u nirrifjutaw dak kollu li ma nixtiqux jew ma rridux.
  • Li ma nħallux id-diżappunti jikkontrollawlna ħajjitna, u niffukaw aktar f’dak kollu li għandna rnexxielna niksbu f’ħajjitna.
  • Li nħallu lilna nfusna nkunu kompletament aħna, bil-vulnerabilitajiet, id-difetti u dgħufijiet tagħna ma’ min inħossuna sikuri, anki jekk dan ifisser ma’ persuna waħda biss. Importanti li f’ħajjitna jkollna persuna waħda mill-inqas li magħha nkunu nistgħu nkunu kompletament aħna u naqsmu kollox magħha, għaliex tkun sod kemm tkun sod, ħadd ma’ jista’ jġorr kollox kompletament waħdu għal dejjem.
  • Li nfakkru lilna nfusna fil-persuni speċjali li għandna f’ħajjitna, meta jibdew ġejjin il-ħsibijiet dwar dawk il-persuni li ddiżapuntawna, tradewna u għażlu li jaqtgħuna minn ħajjithom.
  • Li nfakkru lilna nfusna fil-progess li għamilna f’dak li nagħmlu, f’dak li aħna, u l-battalji kollha li rbaħna u li jirnexxielna negħlbu bil-mod il-mod, anki dawk li forsi ħadd ma jaf bihom.
  • Li ma nkunux daqshekk ħfief biex inwaħħlu fina nfusna, biex nitfgħu l-ħtija fuqna nfusna fil-ħażin kollu li jiġri. Il-possibilità hija li niżbaljaw spiss, iżda ma jfissirx li l-ħażin kollu li jiġri huwa ħtija tagħna, jew għax għandna xi ħaġa ħażina.
  • Li nistrieħu, fiżikament u mentalment, kull meta nħossu l-bżonn.
  • Li ma nħallux dak li jaħsbu fuqna jikkontrollalna ħajjitna u dak li nagħmlu, sakemm dak li nagħmlu ma jkunx qed iweġġa’ lilna jew lil ħaddieħor, u jagħmilna kuntenti.
  • Li ma nittollerawx diżrispett, mingħand ħadd, ikun min ikun.
  • Li nfakkru lilna nfusna li n-normalità hija differenti għal kull individwu. In-normalità tagħna hija l-unika waħda li għandna naħsbu fuqha.
  • Li nfakkru lilna nfusna li aħna umani.

Fuq kollox tajjeb li nżommu dejjem f’moħħna li l-fatt li nieħdu ħsieb lilna nfusna jfisser rispett u mħabba lejna nfusna, u wkoll lejn dawk il-persuni li tant inħobbu u li jfissru d-dinja għalina u lejn dak kollu li nagħmlu b’tant passjoni, għaliex b’hekk biss inkunu nistgħu nagħtu s-sehem tagħna u lilna nfusna bl-aħjar mod possibbli.

Ma nistgħux nagħmlu dan jekk nabbandunw lilna nfusna u ma nżommux lilna nfusna fi stat tajjeb.

Il-bżonnijiet tagħna, is-saħħa fiżika u mentali tagħna huma prijoritajiet ukoll.

Ħu ħsieb!

Aċċess għall-Ġustizzja – Il-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Abbuż tal-Anzjani

Aċċess għall-Ġustizzja – Il-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Abbuż tal-Anzjani

L-abbuż fuq l-anzjani huwa kwistjoni soċjali globali li taffettwa s-saħħa fiżika u mentali tal-ġenerazzjoni anzjana u tnaqqas id-drittijiet tagħhom.

Il-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Abbuż tal-Anzjani huwa ddedikat biex jenfasizza l-kwistjoni msemmija.

Din il-ġurnata bdiet teżisti f’Ġunju tal-2006 meta ġiet stabbilita talba biex il-15 ta’ Ġunju tiġi ddikjarata ġurnata speċjali għall-anzjani. Iżda kienet is-sena 2011 meta dan il-jum ġie rikonoxxut uffiċjalment mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-għan ta’ din il-ġurnata huwa li tqajjem kuxjenza dwar abbuż fuq l-anzjani li jista’ jkun ta’ natura fiżika, mentali, sesswali, finanzjarja u soċjali, u jinkludi wkoll trattament ħażin u negliġenza.

It-tema ta’ din is-sena hija Aċċess għall-Ġustizzja. Isservi bħala tfakkira tal-importanza li jiġu indirizzati bis-sħiħ il-ħtiġijiet ta’ persuni anzjani li jistgħu jfittxu rikors.

In-Nazzjonijiet Uniti tgħid li persuni anzjani, li esperjenzaw sitwazzjonijiet ta’ vjolenza, abbuż u negliġenza, spiss jiffaċċjaw diversi ostakli fl-aċċess għal rimedju ġudizzjarji bħal kwistjonijiet ta’ aċċessibilità, affordabbiltà, akkomodazzjoni raġonevoli, dewmien eċċessiv u xogħol b’lura fi proċessi ġudizzjarji, l-impatt tad-diġitalizzazzjoni, normi kulturali, preġudizzju tal-ġeneru u diskriminazzjoni.

L-aċċess għall-ġustizzja jħalli impatt fuq l-abbiltà tal-anzjani li jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet umani kollha tagħhom inkluż id-dritt għas-saħħa, protezzjoni soċjali adegwata u li jgħixu f’dinjità.

Il-preservazzjoni tar-rispett u d-dinjità għall-anzjani huma kruċjali f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

Enable Notifications OK No thanks