Select Page
Mikroplastiks – X’inhuma? U fejn insibuhom? – Loriana Mazzonello

Mikroplastiks – X’inhuma? U fejn insibuhom? – Loriana Mazzonello

Il-mikroplastiks huma biċċiet żgħar tal-plastik inqas minn ħames millimetri. Dawn il-mikroplastiks instabu kullimkien, instabu fl-oċeani, fl-arja, fil-ħamrija, fl-ikel tagħna, fl-ilma tal-fliexken kif ukoll fl-ilma tal-vit. Instabu f’aktar minn 94% tal-ilma tal-vit fl-Istati Uniti u 72% fl-Ewropa, kif ukoll f’93% tal-ilma tal-fliexken madwar id-dinja.

Huwa stmat li tmien miljun tunnellata ta’ plastik jidħlu fl-oċeani tagħna kull sena. Il-mikroplastiks huma faċli biex jiġu diġeriti, minħabba d-daqs żgħir tagħhom, u issa huma s-suġġett ta’ reviżjoni tas-saħħa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Hemm żewġ tipi ta’ mikroplastiks: mikroplastiks primarji u mikroplastiks sekondarji. Il-mikroplastiks primarji jinkludu microfibers imxerrda minn ħwejjeġ u drappijiet oħra, bħal xbieki tas-sajd, kif ukoll partiċelli maħluqa għal skopijiet kummerċjali, bħall-kożmetiċi.

Il-mikroplastiks sekondarji huma partiċelli ffurmati meta oġġetti tal-plastik akbar, bħal fliexken tal-ilma, jiddegradaw. Din id-diżintegrazzjoni hija kkawżata minn espożizzjoni għal fatturi ambjentali, prinċipalment ir-radjazzjoni tax-xemx u l-mewġ tal-oċeani.

Il-kwistjoni bil-mikroplastiks hija li, bħall-plastiks kollha, ma jiddegradawx faċilment f’molekuli li ma jagħmlux ħsara. Il-plastik jista’ jieħu mijiet jew eluf ta’ snin biex jiddiżintegra, u sadanittant ikollu impatt negattiv fuq l-ambjent. Il-mikroplastiks huma evidenti bħala frammenti żgħar tal-plastik ikkuluriti fir-ramel. Fl-oċeani, it-tniġġis mikroplastiku ħafna drabi jiġi kkunsmat mill-annimali tal-baħar.

Instabu mikroplastiks f’organiżmi tal-baħar li jvarjaw minn plankton sal-baleni, kif ukoll frott tal-baħar kummerċjali u ilma tax-xorb. Is-sistemi standard tat-trattament tal-ilma, b’mod allarmanti, ma jistgħux jeliminaw l-evidenza kollha tal-mikroplastiks. Il-mikroplastiks fl-oċean jistgħu jitħalltu ma’ komposti tossiċi oħra qabel ma jiġu kkunsmati minn ħlejjaq tal-baħar, u jikkomplikaw aktar is-sitwazzjoni.

L-evidenza xjentifika turi li l-mikroplastiks għandhom effetti negattivi fuq l-ekosistemi vulnerabbli (eż. sikek tal-qroll, ibħra fondi, reġjuni polari), il-bijodiversità (il-ħajja tal-baħar kollha mill-plankton sa mammiferi marittimi kbar) u s-saħħa tal-bniedem.

X’nistgħu nagħmlu? Modi sempliċi biex tevita l-mikroplastik fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek:

  • Naqqas il-konsum tal-laħam u l-ħut.

M’hemmx għalfejn issir vegan iżda wieħed jista’ jikkunsidra li jmur għal dieta flexitarian fl-għażla tal-ikel tiegħu. Mhux l-ewwel darba li rajna xi stampa ta’ ħuta maqsuma min-nofs bl-istonku mimli plastik li tkun belgħet maż-żmien, dan iġiegħlna naħsbu li dak li jieklu huma nieklu aħna. Iktar ma t-tniġġis tal-plastik fl-oċean jiżdied, iktar is-sitwazzjoni tiggrava. Hemm evidenza li tissuġerixxi li l-mikroplastiks u n-nanoplastik jistgħu jiċċaqalqu mill-istonku tal-ħut għat-tessut tal-muskoli tagħhom, li huwa dak li l-bnedmin tipikament jieklu.

Li nevitaw il-frott tal-baħar huwa pass importanti biex nillimitaw il-mikroplastiks li nibilgħu. Il-bidla għal dieta vegana tnaqqas ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u tagħmilha waħda mill-aktar għażliet ta’ stil ta’ ħajja li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Irkaptu tas-sajd abbandunat bħal xbieki u ħbula, imsejjaħ “ghost fishing gear” jammonta għal madwar 10% tal-iskart kollu fl-oċean, għalhekk l-evitar tal-ħut iżomm il-plastik barra mill-oċean kif ukoll minn ġisimna.

  • Issaħħanx l-ikel fil-kontenituri tal-plastik fil-microwave.

Wieħed isibha iktar faċli meta jsaħħan il-fdalijiet tal-ikel jew ikel tat-take out direttament mill-konenitur, iżda il-BPA u phthalates miżjuda mal-plastik inixxi ħafna aktar faċilment meta msaħħna. Dawn jinkludu plastik tat-Tupperware, għotjien, kaxxi tat-take-away u l-ikel iffriżzat li jissaħħan direttament mill-pakkett. Minflok ittrasferixxi l-ikel għal kontenitur tal-ħġieġ jew taċ-ċeramika.

  • Tużax tazzi tat-takeaway.

Tazzi tat-takeaway tal-karti wkoll jirrilaxxaw mikroplastiks meta jkunu esposti għal likwidi sħan. Dan ifisser li t-tazza tal-kafè sħuna ta’ filgħodu tiegħek meħuda f’tazza li tintrema qed iżżid mal-konsum personali tal-mikroplastik tiegħek.
Investi f’tazza tal-kafè li tista’ terġa’ tintuża magħmula mill-istainless steel jew mill-ħġieġ biex tużaha fil-ħanut tal-kafè favorit tiegħek. Li wieħed jieħu il-magg tiegħu stess inaqqas l-iskart ukoll.

  • Ixtri kożmetiċi mingħajr plastik.

Prodotti tal-kura personali ħafna drabi jinkludu komponenti tal-plastik. Lozjonijiet u kremi tal-ġilda, pereżempju, spiss jinkludu plastik biex jippromwovu l-assorbiment. Ħafna minn dawn il-prodotti jiġu wkoll f’kontenituri żgħar tal-plastik li huma diffiċli biex jiġu riċiklati u ħafna drabi jintremew b’mod li jagħmel ħsara.

Minflok, agħżel prodotti naturali b’alternattivi bijodegradabbli jew għażliet mingħajr plastik.

  • Uża l-weraq tat-te minflok il-boroż tat-te.

Il-biċċa l-kbira tal-boroż tat-te huma magħmula minn bejn wieħed u ieħor 25% tal-plastik, u anke dawk li huma mmarkati bħala karta huma ġeneralment imwaħħlin flimkien bil-polypropylene, li huwa tip ta’ plastik.

Ipprova ssostitwixxi l-boroż tat-te, bil-weraq tat-te, jew uża boroż tat-te li jistgħu jerġgħu jintużaw u li jistgħu jerġgħu jimtlew.

  • Farfar u uża l-hoover regolarment.

Minħabba li dawn il-frammenti ċkejkna tal-plastik huma tant mikroskopiċi, jitħalltu fit-trab taħt is-sodod tagħna, fil-kantunieri ta’ djarna, u fl-arja. It-tfarfir u l-vacuuming fuq bażi regolari jistgħu jgħinu biex nipprevjenu milli niġbduhom man-nifs tagħna. (Idealment meta tuża l-vaccum wieħed għandu juża filtru tal-HEPA).

  • Ixtri ħwejjeġ magħmula minn materjali naturali.

Huwa tajjeb li nibdew naħsbu b’aktar reqqa dwar il-ħwejjeġ li nixtru. Minflok ma tagħżel ħwejjeġ ibbażati fuq il-plastik, fittex ditti li jutilizzaw biss materjali naturali bħall-qoton, il-ħarir, is-suf, il-qanneb u l-għażel. B’dan il-mod ir-riskju tat-tniġġis mikroplastiku jinżel ħafna.

  • Ixtri filtru tal-ilma, u waqqaf l-użu tal-ilma fil-fliexken

  • Uża t-trasport pubbliku.

Il-mikroplastik jinsab ukoll fit-tajers tal-karozzi. Il-frizzjoni mit-triq tikkawża t-tajers li jkissru u jitfgħu partiċelli tal-plastik, li mbagħad jakkumulaw fl-arja.

Programm ġdid fuq Net TV ma’ Danusan u Stephanie Chircop

Programm ġdid fuq Net TV ma’ Danusan u Stephanie Chircop

Kull persuna kuljum tarmi medja ta’ 2.5kg, ġieli iktar. Ħafna minn dan l-imbarazz lanqas biss nagħtuh iċ-ċans li jiġi utilizzat mod ieħor.

Imbarazzanti huwa proġett televiżiv u onlajn bil-għan li min isegwih jinduna kemm materjal qed jiġi mormi. Sabiex dan il-messaġġ jasal bl-aħjar mod, tliet personalitajiet – Daniel Chircop, Stephanie Chircop u Sander Agius se jkunu qed jikkompetu kontra xulxin f’kompetizzjoni mifruxa fuq 26 episodju, b’4 sfidi kull programm fejn b’xi mod ikollhom kuntatt ma’ dawn il-materjali li jvajraw minn skart, għal ħmieġ, terrapin, materjal organiku, fuq l-art u taħt il-baħar, fis-sajf u fix-xitwa.


F’kull programm l-1521, robot li għalkemm żgħir fid-daqs, huwa kbir u perikoluż f’dak li jġiegħel lill-parteċipanti jagħmlu. Kull episodju huwa storja għalih, se naraw lit-tlieta li huma jagħmlu sfidi fejn se jitħammġu u jiżżelġu kontra l-elementi sa ma wieħed jitlef u jibla’ l-kastig.


Kull programm għandu wkoll l-aspett informattiv li juri x’qed isir, sabiex l-iskart u l-imbarazz ma jibqax jakkumula u jikkrea problemi ambjentali u fil-klima tagħna.

Imbarazzanti se jibda jixxandar mit-30 ta’ Settembru, kull nhar ta’ Ħamis fit-20:00.

X’inhu l-għan tal-kampanja Saving Our Blue?

X’inhu l-għan tal-kampanja Saving Our Blue?

L-għan tal-kampanja Saving Our Blue hu li tkompli teduka u tqanqal għarfien fuq l-impatt qerriedi tal-plastika u l-iskart fuq il-ħut li nieklu, l-ambjent marittimu u l-ekosistemi tal-baħar u ż-żoni naturali fejn il-baħar.

F’attività ta’ ġbir ta’ skart li saret f’Settembru li għadda nġabar aktar minn 4,250kg skart mix-xtut u l-bajjiet.

Skart li nstab fil-bajja f’temp ta’ ftit minuti

Keith Demicoli li huwa ambaxxatur ta’ din il-kampanja spjega kif minkejja li din is-sena innutaw progress speċjalment fir-rimi inqas ta’ plastik, madanakollu għadhom qed jaraw lil min ipejjep jarmi l-loqom tas-sigaretti bl-addoċċ fil-bajjiet u l-kampanja b’detriment kbir għal saħħitna minħabba li l-kimiċi li fihom (fosthom valenu tal-ġrieden) jikkomtaminaw il-baħar u l-ħut. Huwa jemmen li kampanji bħal dawn qed jagħmlu differenza biex aħna lkoll nirrealizzaw l-impatt kbir li l-azzjonijiet żgħar tagħna jħallu fuq l-ambjent u saħħitna.

Min-naħa ta’ Skoperta inħeġġu li mhux biss nirrikonoxxu l-ħidma ta’ kampanji bħal Saving Our Blue imma wkoll aħna bħala individwi naraw li nkunu parti mis-soluzzjoni u mhux mill-problema.

Enable Notifications OK No thanks