Aidan fil-Malta Eurovision Song Contest bħala mistieden

Aidan fil-Malta Eurovision Song Contest bħala mistieden

Ftit tal-ħin ilu, il-kantant Aidan Cassar ta prestazzjoni waqt is-serata finali tal-Malta Eurovision Song Contest.

Deċiżjoni li qanqlet kontroversja hekk kif ilbieraħ ġiet irrappurtata minn diversi siti tal-aħbarijiet lokali.

Filwaqt li wħud ħadu gost b’din l-aħbar, oħrajn ikkritikaw lill-PBS kif ukoll lill-kantant.

Skont kif ġie rrappurtat mit-Times of Malta, Aidan ġie mistieden fuq kundizzjoni li ma jistax il-kanzunetta li biha kien qed jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest, Reġina.

Aidan ġie skwalifikat mill-Malta Eurovision Song Contest minħabba posts li ma kinux awtorizzati. Wara li l-avukati ta’ Cassar bagħtu ittra legali lill-PBS, ir-risposta kienet li d-deċiżjoni li ttieħdet hija finali.

Aktar tard, Aidan qal li mhuwiex se jkun qed jipproċedi legalment għaliex dan kien ifisser li jwaqqaf il-festival milli jsir, u saħaq li dan qatt ma kien fi ħsibijietu, speċjalment b’rispett lejn sħabu l-kantanti.

Kif kien ħabbar, aktar tard, f’nofsillejl se jkun qed iniedi l-kanzunetta Reġina.

Aidan jispjega għaliex mhuwiex se jipproċedi legalment

Aidan jispjega għaliex mhuwiex se jipproċedi legalment

Fl-ewwel kitba tiegħu minn mindu ġie skwalifikat mill-Malta Eurovision Song Contest, il-kantant Aidan Cassar, spjega li għalkemm jiddispjaċih, mhuwiex se jipproċedi legalment minħabba li dan ifisser li jkollu jwaqqaf il-festival milli jsir.

Reġina… Nixtieq nikteb ħafna, imma ma’ nafx minn fejn għandi nibda. Jiddispaċini għal li ġara iżda li nipproċedi legalment ifisser li jkolli inwaqqaf il-festival li tant inħobb milli jsir. Dan żġur li qatt ma kien fi ħsibijieti, speċjalment b’rispett lejn sħabi l-kantanti li bħali ħadmu ħafna biex jagħtu performance mill-aqwa fuq dak il-palk… u anke b’rispett lejn il-fans tal-Eurovision, bħali.. li ta’ minn 7 snin dejjem ħlomt li nitla’ nirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision. Ħdimt, fuq li ħdimt, sa tlaqt mill-full time job tiegħi ftit ġimgħat ilu, biex nagħti kollox għal dil-ħolma li għandi.

Huwa rringrazzja lill-familja u l-ħbieb tiegħu, kif ukoll lil dawk kollha li matul il-ġimgħa li għaddiet sabhom ta’ spalla għalih u tawh is-sapport tagħhom.

Grazzi lit-tim, familja, ħbieb, kollegi u supporters tiegħi li f’din il-ġimgħa li għaddiet, sibthom ta’ spalla u kienu hemm għalija. Grazzi lil ommi, li fil-kanzunetta nsejħila Reġina. Naf li kburija bija, u jien kburi li għandi lilek. Grazzi lilek li qed taqra dal-messaġġ.

Fl-aħħar nett huwa awgura lill-kantanti li qed jipparteċipaw fil-Malta Eurovision Song Contest filwaqt li stqarr li qed iħares ‘il quddiem biex jaqsam aktar mużika mas-segwaċi tiegħu.

Nawgura lill-kantanti sħabi kollha li qed jipparteċipaw fil-festival. U nħares ‘il quddiem biex naqsam iżjed mużika u kanzunetti ġodda magħkom ma ndumx.

Id-dikjarazzjoni ta’ Aidan ġiet wara li nhar il-Ħamis li għadda, f’ittra mibgħuta mill-avukati tiegħu, ġie mitlub li tiġi sospiża l-iskwalifikazzjoni u ssir laqgħa bejn il-partijiet ikkonċernati. Fl-ittra kien hemm ukoll li lesti li jittieħdu azzjonijiet legali oħrajn jekk it-talba msemmija fl-ittra ma tinstemax.

Ftit sigħat wara, il-PBS ħareġ stqarrija fejn qal li d-deċiżjoni li ttieħdet hija finali.

Il-PBS jgħid li d-deċiżjoni li ttieħdet dwar Aidan “hija finali”

Il-PBS jgħid li d-deċiżjoni li ttieħdet dwar Aidan “hija finali”

B’reazzjoni għall-ittra legali mibgħuta mill-avukati tal-kantant Aidan Cassar, fejn fiha talbu li tiġi sospiża d-deċiżjoni tal-iskwalifikazzjoni kif ukoll issir laqgħa bejn il-partijiet ikkonċernati, il-PBS wieġeb lura b’ittra legali, li permezz tagħha, għamilha ċara li d-deċiżjoni “hija finali.”

Fl-ittra tiegħu, li ġiet ippubblikata minn TVMNews, il-PBS fakkar lil Aidan li, bħal kull kantant, huwa kien iffirma dikjarazzjoni li qara r-regolamenti kollha u li se jżomm magħhom. “Ifisser dan li fl-għarfien sħiħ tiegħek tal-konsegwenzi tan-non-konformità mar-regolamenti, inti xjentifikament għażilt li xorta waħda ġġib ruħek b’mod li kont taf li se jwassal għall-iskwalifika tiegħek mill-MESC,” tgħid l-ittra.

Il-PBS fakkar ukoll lil Aidan li għalkemm ġie mwissi bil-kelma t-tajba diversi drabi li kien qed jikser ir-regolamenti, baqa’ għaddej b’mod aktar intensiv. “Inti taf tajjeb li l-aġir tiegħek, a kuntrarju ta’ ħaddieħor, baqa’ jippersisti bi sfida aperta għar-regolamenti u għat-twissijiet magħmula lilek,” isostni l-PBS fl-ittra.

Fl-ittra legali, il-PBS jirrimarka wkoll kif fl-ittra miktuba f’isem Aidan jintqal li ma jafx għaliex ġie skwalifikat. Il-PBS isostni li huwa fil-pussess ta’ evidenza dokumentarja li turi d-diversi twissijiet u spjegazzjonijiet li sarulu, u li hu wieġeb għalihom.

Fl-aħħar nett, il-PBS jagħmilha ċara li d-deċiżjoni meħuda fit-23 ta’ Jannar hija finali u li m’hemm l-ebda raġuni għaliex għandha tiġi mibdula. Iżid jgħid ukoll li l-kantant m’għandux dritt jew raġuni legalment konċepibbli biex jieħu xi miżuri legali, kif qed jimplika li se jagħmel.

Petizzjoni biex Aidan jitħalla jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest

Petizzjoni biex Aidan jitħalla jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest

Ammiraturi tal-kantant Aidan Cassar, bħalissa għaddejjin b’petizzjoni biex Aidan jitħalla jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, il-petizzjoni, mibdija minn Christopher Pace, għandha 1,515 firma

Fil-petizzjoni, fost oħrajn qed jintqal li d-dewmien bla bżonn bejn it-tħabbira tal-iskwalifikazzjoni u l-kjarifika mhux biss seta’ jħalli impatt negattiv fuq il-karriera, ir-reputazzjoni u s-saħħa mentali ta’ Aidan iżda ta wkoll perspettiva oħra dwar l-integrità tal-kompetizzjoni.

Il-petizzjoni tgħid ukoll li l-iskwalifika mhix ġustifikata u li l-artist jixraqlu proċess ta’ evalwazzjoni ġust u trasparenti. Tgħid ukoll li r-regolamenti tal-PBS huma riġidi u restrittivi, peress li jipprevjenu lill-artisti lokali milli jippromwovu l-arti tagħhom b’mod liberu u mingħajr biża’ li jiġu ppersegwitati.

Dan wara li Aidan ġie skwalifikat mill-festival, skont il-PBS, minħabba posts mhux awtorizzati fuq il-midja soċjali. Kelliem għall-PBS qal ukoll li l-kantanti ġie mwissi diversi drabi iżda baqa’ jippersisti.

Kelliem għall-PBS jgħid li Aidan ġie mwissi diversi drabi u baqa’ jippersisti b’posts mhux awtorizzati

Kelliem għall-PBS jgħid li Aidan ġie mwissi diversi drabi u baqa’ jippersisti b’posts mhux awtorizzati

Kelliem għall-PBS qal li Aidan ġie mwissi diversi drabi dwar ksur ta’ regolamenti iżda baqa’ jippersisti u jtella’ posts fuq Facebook u Instagram li ma kinux awtorizzati.

Dan ġie rrappurtat fuq TVMNews wara li lbieraħ ħarġet l-aħbar li Aidan ġie skwalifikat mill-Malta Eurovision Song Contest.

Il-kelliem għall-PBS qal li ull kompetizzjoni għandha r-regoli tagħha u li r-regolamenti qegħdin hemm biex jaraw li l-proċess ikun imparzjali u li l-kantanti kollha jingħataw l-istess ċans u l-istess opportunitajiet, immaterjali mill-mezzi jew ir-riżorsi individwali tagħhom, irraporta TVMNews. “Il-kompetizzjoni ssir fuq l-istess livell ugwali ta’ promozzjoni għal kull parteċipant. Hemm regolamenti ċari li jgħidu li l-ebda promozzjoni ma’ tista’ ssir minn meta jitħabbru l-ismijiet tal-kwartifinalisti. Dan nagħmluh biex nagħtu l-istess spazju b’mod ugwali u fuq kollox biex ħadd ma jieħu vantaġġ b’mod jew ieħor fuq il-parteċipanti l-oħra”.

Waħda mir-regoli hija li posts relatati mal-kanzunetti sottomessi, artisti u l-festival jistgħu jsiru biss mill-PBS u l-parteċipanti jistgħu jxerrdu biss dawk ippubblikati mill-PBS.

Enable Notifications OK No thanks