Permezz ta’ filmat li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Jean Claude Micallef ħabbar li għal 19-il vot ma rnexxilux ikun elett fuq it-tielet distrett fl-elezzjonijiet każwali.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li emmnu fih u kienu ta’ sapport mhux biss tul il-mixja elettorali imma anki wara, awgura lil dawk li ġew eletti.
Jean Claude Micallef qal li jinsab sodisfatt li fiż-żmien tiegħu fil-Parlament ta kollox, tkellem bl-aktar mod ċar f’dak li jemmen u ma ddejjaq qatt jirrappreżenta lil kull min eliġġih fl-elezzjoni ta’ qabel.
Żied jgħid li llum il-ġurnata hemm rappreżentanti ġodda biex jagħmlu dan. Għaldaqstant huwa awgura lit-tim kollu mmexxi minn Robert Abela sabiex ikunu qed jagħmlu ħilithom kollha biex Malta tibqa’ miexja ‘l quddiem.
Micallef qal li l-futur tiegħu issa jinsab f’idejh u jħares ‘il quddiem biex ikompli jkun ta’ servizz għal dawk kollha li dejjem urewh fiduċja bl-aktar mod apprezzabbli iżda aktar minn kollox, b’ħafna mħabba.
Emmnuni, dak li rajt dak il-ħin quddiem għajnejja dak il-ħin kexkixni għal ħajti kollha. L-għażiża marti. L-għażiża marti Fior. Kienet hemm. Mixħuta mal-art f’għadira demm. Għajnejha magħluqin. Idejha miftuħin u mitluqin kif ġie ġie. Inżilt lejha, qbadtha miegħi u tellajtha ‘l fuq lejja. Għamilt widnejja ma’ sidirha u ndunajt li qalbha kienet għadha qiegħda taħdem. “Fior!” bdejt nibki, hekk kif bdejt inxengilha ftit forsi nara kif nagħmel ħalli tiġi f’tagħha. Iżda Fior lanqas biss kellmitni. Erfajtha. Tlaqt niġri biha ‘l barra. “X’għamlulek għażiża tiegħi?” bdejt inhewden, hekk kif soqt kif stajt lejn l-isptar. Xħin konna f’nofs triq, jien insuq ippanikjat fi triq mimlija traffiku ġġamjat, rajtha tiftaħ għajnejha bilmod u tħares lejja. “Louis…………..” qaltli b’dak il-leħen melodjuż tagħha. “Ħanini, daqt naslu l-isptar…………..” “Nispera li ma tliftx it-tarbija!” bdiet tgħidli. “X’ġara eżatt?” bdejt nistaqsiha. Indunajt bil-mod ta’ kif kienet qiegħda tkellimni, li ma kinitx qiegħda ħażin ħafna. Irrakkuntatli dak kollu li kienet għaddiet minnu bejn theżżiż ta’ snien, bl-uġigħ li kienet qiegħda tħoss. “Noqtlu………..jekk inkun naf min…………….noqtlu!” għidtilha. U kont nasal. Iva, kont nasal. In-nervi li kelli għal dik il-persuna li kienet attakkat lil marti kien indeskrivabbli. Xħin kont għaddej insuq, mitluf f’marti u fit-triq, rajtha żżebbeġ għajnejha lejn raġel liebes kollox iswed, li kien qiegħed bilwieqfa maġenb karozza qadima, donnu jħares fil-vojt lejn it-triq. “Dak hu! Dak kien!” bdiet twerżaq marti, hekk kif bdiet tipponta subgħajha lejn it-triq. Qalbi għamlet tikk. “X’inti……….?” “Iva dak hu! Dak kien! Ir-raġel! Li daħal fuqi!” bdiet tgħajjat u taġita ruħha. Bla ma ħsibtha darbtejn, waqqaft il-karozza, ħriġt għalih bil-ħadida li kont ħadt miegħi, ġrejt tul ta’ triq warajh, tajtu daqqtejn tajba u rajt li ma kienx għadu jieħu nifs. Biex inkun onest, qabel ħassejt għadmu jċaqċaq taħt idejja ma waqaftx nagħtih bil-ħadida! Kont lest. Kont lest li mmur għand il-pulizija u ngħidilhom b’kollox. Iva. Kont lest li nagħmel hekk. Imbasta kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Ħadt nifs twil. Sibt lil marti tistennieni fil-karozza b’għajnejha miftuħin beraħ. “Pattejthielu,” għidtilha. “Qatt mhu se jerġa’ jiġi tibżax!” Bejn imbeżża’ u sodisfatt, komplejt inħaffef biha lejn l-isptar. Eżatt malli ħaduha minn ħdejja, qabditli idi, għafsithieli, fetħet għajnejha mberrqin lejn it-tabib u minn taħt qaltli; “Lou……………dak kien!” “Fior?” staqsejtha jien, imbellah għall-aħħar. “It-tabib?” Imbagħad ħarset lejn raġel ieħor li kien għaddej b’kumbinazzjoni fil-kuritur. “Le, Lou…………………dak kien!” Kien propju dak il-ħin, li ħassejt il-kuritur tal-isptar idur bija. Kellhom jirrikoveraw lili wkoll.
Ftit tal-ħin ilu fuq il-programm The Entertainers, fuq NET TV, ġie mniedi l-vidjow mużikali tal-kanzunetta Lil Binti ta’ Mark Spiteri Lucas. Kanzunetta li hija ddedikata lil bintu Greta u li pparteċipa biha fil-Festival Mużika Mużika.
skoperta.net tkellem ma’ Mark Spiteri Lucas dwar it-tnedija tal-vidjow kif ukoll dwar l-esperjenza tiegħu b’din il-kanzunetta daqshekk sentimentali għalih, li kiteb u kkompona huwa stess..
Għidilna ftit dwar kif nibtet l-idea li toħloq il-kanzunetta Lil Binti..
Bla ħsieb… Qomt darba fost l-oħrajn filgħodu eżattament qabel ma tlaqt lejn ix-xogħol. Kien qed isir il-ħin biex nitlaq. Imma ppersistejt biex dik l-idea ta’ tliet versi u melodija mexxejja niktibha u nirrekordjaha fuq il-mobile bit-tama li niżviluppaha f’kanzunetta. Hekk għamilt. Bil-mod il-mod bdejt inħażżeż, inżid, innaqqas u l-bqija sa ma twieldet il-kanzunetta LIL BINTI.
Din il-kanzunetta hija miktuba għat-tifla tiegħek Greta. X’kienet ir-reazzjoni tagħha meta semgħetha għall-ewwel darba?
Domt ftit ma semmajthielha. Għaliex jien bniedem li qabel ma nkun mija fil-mija konvint minn biċċa xogħol u tkun finali ma nsemmagħhiex. Imma appena kienet lesta u daqqejtielha fuq il-pjanu u kantajt il-versi magħha, ħadet gost u spiċċat tgħallmitha bl-amment, apparti mill-fatt li kienet ivvintat korjografija għal magħha (Greta tħobb tiżfen ħafna) u kultant żmien kienet titlobni biex indoqqielha!
Minkejja li ma kinitx waħda mill-finalisti, din il-kanzunetta misset il-qlub ta’ ħafna. Sodisfatt bir-rispons li kellek s’issa?
Ħafna sodisfatt bir-rispons. Sintendi diżappuntat bir-riżultat fuq bażi personali. Madankollu l-fatt li rnexxielha tqanqal emozzjonijiet varji fil-qlub ta’ mijiet ta’ nies, għalija kienet xi ħaġa li mlietni b’kuraġġ liema bħalu. Dejjem għidt, anke matul il-ġranet tal-festival, li LIL BINTI ma ktibthiex għalija, imma ktibtha biex issir l-innu tal-imħabba bejn il-ġenituri u l-ulied. L-ulied mal-qalb kif jgħidu.. Nassigurak li f’perjodu qasir ta’ żmien LIL BINTI saret il-kanzunetta tal-poplu.
Xi tfisser għalik din il-kanzunetta u x’fissret għalik li ipparteċipajt f’festival b’kanzunetta daqstant sentimentali?
Din il-kanzunetta tfisser il-ħsus u l-emozzjonijiet tiegħi bħala missier li forsi mhux dejjem, bħal ħafna missirijiet oħra wara kollox, ikolli ċ-ċans li nesprimihom bil-fomm, imma li permezz ta’ dil-kanzunetta rnexxieli norqomhom u llaħħamhom f’kanzunetta li tmiss il-qlub tal-ħafna. Il-fatt li pparteċipajt f’festival ta’ dan il-kalibru b’kanzunetta daqstant sentimentali wriet ukoll li wara kollox kanzunetti sempliċi b’lirika ħierġa mill-qalb kapaċi tintgħoġob ukoll. Mhux bilfors trid kanzunetta-splużjoni biex tqanqal lill-pubbliku.
Ritratt: Darrin Zammit Lupi
Kif ġiet l-idea li jitnieda vidjow mużikali għal din il-kanzunetta?
L-idea tal-vidjow ilha tberren f’moħħi minn qabel ma għaddiet għall-festival. Sintendi l-festival Mużika Mużika u r-rispons tal-pubbliku Malti u Għawdxi għall-kanzunetta kompliet saħħitli dan il-ħsieb. Ridt li din il-kanzunetta jkollha l-element viżwali wkoll. Ridt li binti għada pitgħada, meta tikber u forsi jien u hi ‘’nkunu ‘l bogħod minn xulxin’’ tħares lura u tħossha kburija li xi darba fi tfulitha missierha esprima s-sentimenti tiegħu lejha f’dil-kanzunetta u rnexxielu jbikki, jferraħ, iqanqal demgħa jew tbissima lill-bosta nies. Dak nemmen li huwa l-iskop tal-arti.
X’tgħidilna dwar il-preparamenti u l-produzzjoni ta’ dan il-vidjow? Sibtu xi sfidi partikolari fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom?
Sintendi fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom tkun naqra limitat x’tista’ tagħmel. Imma b’xi mod irnexxielna. Ħdimna vidjo personali ħafna u sempliċi ħafna, żewġ ingredjenti li huma l-qofol tal-kanzunetta Lil Binti. Ridt ukoll nitbiegħed mill-idea ta’ Mark Spiteri Lucas idoqq il-pjanu. In-nies jafuni hekk le?! U l-istess ħsieb wettaqtu, u jkolli ngħid li niżel tajjeb man-nies, waqt il-festival. Nixtieq nirringrazzja fost l-oħrajn lil Marlon Polidano li pproduċa l-vidjo u li flimkien ma’ Ludwig Galea kienu responsabbli għad-direzzjoni artistika tiegħu.
Liem xena mill-vidjow hija l-aktar għal qalbek?
Ma tantx irrid niżvela ħalli l-qarrejja ta’ Skoperta jsegwu l-vidjow.. Imma għoġbitni l-idea li fil-vidjow ħallatna filmati ta’ meta t-tifla kienet għadha iżgħar ħafna. Jogħġobni wkoll it-tmiem tal-vidjow… Arawh u tkunu tafu…
X’messaġġ tixtieq li jasal għand kull min jisma’ Lil Binti?
Mhux ħa nirrepeti b’daqshekk. Il-messaġġ huwa wieħed ċar. Prattikament kien u għadu l-motto tiegħi f’dan il-vjaġġ imsejjaħ LIL BINTI. Din il-biċċa xogħol ma ħloqthiex għalija waħdi, biex noqgħod nitpaxxa biha jien. Kitbtha biex kull min għandu għal qalbu lil uliedu jista’ jidentika ruħu magħħa. Ktibtha biex anke min m’għandux ulied jew għad irid ikollu, jerġa’ jixxennaq għall-imħabba u l-fsied li rċieva darba.
X’messaġġ tgħaddi lill-pubbliku Malti u Għawdxi?
Komplu kkunsmaw il-kanzunetta Maltija bi lsienna għax tirrifletti r-ruħ Maltija bil-ħsus u l- emozzjonijiet magħġuna magħha. Apparti minn hekk, ibqgħu segwu dak kollu li ħa jkun qiegħed naħdem fuqu billi tfittxu Mark Spiteri Lucas fuq il-midja soċjali.
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.