Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Ir-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija kundizzjoni kronika li fiha l-kontenut likwidu tal-istonku jirrigurġita lura fl-esofagu. Peress li dawn il-kontenuti huma aċidużi ħafna, tibda tinħass sensazzjoni ta’ ħruq fin-nofs tas-sider jew fin-naħa xellugija taż-żaqq.

Il-gravità u l-bżieq huma mekkaniżmi protettivi importanti għall-esofagu, iżda dawn huma effettivi biss meta l-individwi jkunu fil-pożizzjoni wieqfa. Għaldaqstant waqt l-irqad, il-gravità m’għandha l-ebda effett, u anke tkun qed titnaqqas is-sekrezzjoni tal-bżieq. Għalhekk, ir-rifluss tal-aċtu li jseħħ matul il-lejl huwa aktar probabbli li jikkawża ħsara lill-kisja tal-esofagu.

Il-kawżi tar-rifluss tal-aċtu mill-istonku huma pjuttost kumplessi u għandhom tendenza li jvarjaw f’individwi differenti. Madankollu, hemm bosta fatturi li jistgħu jikkontribwixxu sabiex persuna tiżviluppa din il-kundizzjoni; bhall-obeżità abdominali, tqala, ftuq tat-tip hiatus, mard tat-tessuti konnettivi, kif ukoll abnormalitajiet tal-isfinter tal-esofagu.

Id-dijanjosi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija ssuspettata meta s-sintomi tipiċi assoċjati ma’ din il-kundizzjoni jkunu preżenti fuq perjodu ta’ żmien twil. Dawn jistgħu jinkludu ħruq fl-istonku, rigurġitazzjoni tal-aċidu jew tal-bili, żieda fil-bżieq, kif ukoll dardir jew rimettar. Madankollu, dawn is-sintomi mhumiex speċifiċi. Għalhekk, l-istandard attwali għad-dijanjosi definittiva ta’ din il-kundizzjoni huwa l-monitoraġġ tal-pH tal-esofagu fuq 24 siegħa.

L-endoskopija tal-istonku hija wkoll rrakkomandata f’dawk l-individwi li ma jirrispondux tajjeb għat-trattamenti jew li jippreżentaw b’sintomi aktar allarmanti bħal diffikultà biex tibla’, anemija, demm fl-ippurgar, tħarħir, telf ta’ piż jew bidliet fil-vuċi.

It-trattament primarju tal-aċtu fl-istonku tipikament jinvolvi bidliet sempliċi fl-istil tal-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll certi mediċini li jiġu preskritti biex jinnewtralizzaw ir-rifluss tal-aċtu u li jipprevjenu wkoll il-formazzjoni tal-aċtu żejjed fl-istonku.

Bħala linja gwida, għandhom ukoll jiġu evitati bibiti u ikel aċidużi bħall-kafè, luminata, ċitru, tadam, ikel pikkanti jew xaħmi. Barra minn hekk, it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol għandhom jiġu minimizzati.

Diversi bidliet oħrajn bħal li wieħed jiekol porzjonijiet iżgħar tal-ikel u li jservi l-ikliet aktar kmieni filgħaxija huma wkoll irrakkomandati. Il-konsum ta’ chewing gum u l-ħalib frisk, kif ukoll l-elevazzjoni tar-ras u l-partijiet ta’ fuq tal-ġisem waqt l-irqad jistgħu wkoll itejbu s-sintomi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku.

Madankollu, xi drabi dawn ir-rimedji ma jkunux biżżejjed. F’dawn il-każijiet severi tal-aċtu fl-istonku, it-trattament kirurġiku jkun il-fundoplication. F’din il-proċedura, il-parti ta’ fuq tal-istonku tiġi mgeżwra madwar l-isfinter tal-esofagu t’isfel biex tissaħħaħ.

Fil-popolazzjonijiet tal-Punent, din il-kundizzjoni taffettwa bejn wieħed u ieħor minn 10 sa 20 fil-mija tal-individwi. Ir-rata ta’ prevalenza tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku f’nazzjonijiet żviluppati hija wkoll marbuta sew mal-età, bl-adulti ta’ bejn il- 55 u 65 sena li huma l-aktar affettwati.

Il-kumplikazzjonijiet tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku li ma jiġux solvuti jistgħu jinkludu ulċeri gastriċi, esofagu Barrett kif ukoll defiċjenza tal-ħadid u infjammazzjoni tal-esofagu. Għalhekk, huwa vitali li tfittex parir mediku jekk is-sintomi jippersistu għal aktar minn ġimgħatejn infila.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ġunju – X’nafu dwar dan ix-xahar?

Ġunju – X’nafu dwar dan ix-xahar?

Ġunju huwa ż-żmien meta s-Sajf verament jibda jidħol fl-aqwa tiegħu u kull ġurnata titwal ftit aktar. Huwa xahar favorit partikolarment għal dawk li jħobbu l-istaġun tas-sajf.

Dan ix-xahar jimmarka wkoll it-tmiem tal-ewwel nofs tas-sena kalendarja, allura forsi jkun iż-żmien ideali li nirriflettu ftit fuq is-sena s’issa.

Madanakollu, Ġunju huwa ħafna aktar minn hekk!

X’nafu dwar dan ix-xahar?

L-isem Ġunju huwa l-adattament modern tal-kelma Latina Junius, li għandha l-oriġini tagħha li tmur lura għar-Rumani tal-qedem.

Hemm diversi teoriji dwar għal xiex ġie msemmi x-xahar ta’ Ġunju. Teorija waħda hija li ġie msemmi wara l-alla Rumana taż-żwieġ, Ġuno. Teorija oħra hija li l-isem joriġina mill-kelma Latina juvenis, li tfisser “persuni żgħar età”. Possibilità oħra hija li x-xahar ġie msemmi għal Lucius Junius Brutus, il-fundatur tar-Repubblika Rumana.

Żmien ilu, Ġunju kien ir-raba’ xahar tas-sena. Qabel Ġulju Ċesari daħal fil-poter, is-sena kellha biss 10 xhur. Fis-46 QK ħoloq il-kalendarju Ġiljan billi żied xahrejn oħra mas-sena, li għamel lil Ġunju s-sitt xahar.

L-ebda xahar ieħor fis-sena ma jibda fl-istess jum tal-ġimgħa bħal Ġunju.

Il-21 ta’ Ġunju hija l-itwal ġurnata tas-sena u l-ewwel ġurnata tas-sajf.

Apparentament, Ġunju ma tantx kien popolari ma’ William Shakespeare, għaliex ġie referenzjat biss f’żewġ drammi famużi tiegħu, Cleopatra, u Henry IV.

Il-perjodu ta’ żmien minn nofs Mejju sa nofs Ġunju kien ikkunsidrat mir-Rumani tal-qedem bħala żmien ħażin għaż-żwieġ. L-istorja tgħid li Ovidju, poeta Ruman, ikkonsulta mal-qassisin il-kbar ta’ Ġove u staqsa meta jkun żmien tajjeb għat-tieġ ta’ bintu. Il-qassisin iddeċidew li għandu jistenna sa wara l-15 ta’ Ġunju.

Kuntrarju għat-twemmin Ruman dwar l-aħjar u l-agħar żmien biex tiżżewweġ, Ġunju issa huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa xhur!

Il-fjuri simboliċi ta’ Ġunju huma l-honeysuckle u l-warda. Dawn iż-żewġ fjuri huma simboli tal-affarijiet relatati mal-imħabba, ix-xewqa, il-ġenerożità u l-affezzjoni.

Jekk int fan kbir tat-tennis, allura Ġunju huwa xahar tajjeb għalik! It-turnament Ingliż tat-tennis ta’ fama internazzjonali isir matul ix-xahar ta’ Ġunju.

Ġunju għandu tliet birthstones – l-alessandrite, il-moonstone u l-perla. L-alessandrite jingħad li jirrappreżenta l-lonġevità u s-saħħa. Il-moonstones min-naħa l-oħra jingħad li jġibu xorti tajba u huma assoċjati mal-imħabba u l-passjoni. Fl-aħħarnett għandna l-perli, il-birthstones ewlenin ta’ Ġunju. Fuq kollox, il-perli jirrapreżentaw il-purità u l-fidi.

Diversi pajjiżi għandhom ġranet speċifiċi li jiċċelebraw il-bandiera tagħhom matul dan ix-xahar inklużi l-Istati Uniti, l-Iżvezja, id-Danimarka, ir-Rumanija u l-Arġentina.

Ħafna nies importanti u influwenti matul l-istorja twieldu f’Ġunju. Fost ħafna oħrajn li twieldu f’Ġunju hemm Anne Frank, Che Guevara, Jean-Paul Sartre, Marilyn Monroe, George Orwell u George H.W. Bush.

Enable Notifications OK No thanks