Mis-7 ta’ Frar iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini

Mis-7 ta’ Frar iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini

Aktar kmieni fil-parlament, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-7 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.

Dr Fearne ħabbar ukoll li mill-14 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju anki għall-bars, gyms, pools, spas, swali taċ-ċinema u teatri.

Iċ-ċertifikat tal-vaċċin jibqa’ validu għall-attivitajiet tal-massa, spettaturi f’faċilitajiet sportivi, casinos, stabbilimenti tad-divertiment u s-safar.

Il-Ministru indika wkoll li l-perjodu ta’ kwarantina mistenni jonqos lejn l-aħħar ta’ Frar.

Huwa qal li dan se jkun jista’ jsir minħabba li n-numru ta’ nies fit-Taqsima tal-Kura Intensiva baqa’ stabbli u għaliex intlaħaq l-ammont ta’ nies imlaqqma bil-booster.

Żied jgħid li l-figuri qed juru li issa huwa l-waqt li l-gvern jibda jħabbar dik li qed tissejjaħ exit roadmap biex jibdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet.

Ikkonfermati l-ewwel każijiet ta’ Omicron f’Malta – Jitħabbru miżuri ġodda

Ikkonfermati l-ewwel każijiet ta’ Omicron f’Malta – Jitħabbru miżuri ġodda

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin ilu, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li nstabu l-ewwel każijiet ġodda tal-varjant Omicron f’Malta.

Tħabbru wkoll miżuri ġodda:

  • L-avvenimenti sportivi jistgħu jkomplu mingħajr spettaturi.
  • Mis-17 ta’ Jannar iċ-ċertifikati tat-tilqim se jkunu validi għal tliet xhur għal dawk li ħadu t-tieni doża u validi għal 9 xhur oħra wara t-tielet tilqima. Nies li ma jieħdux il-booster mhux se jkollhom ċertifikat validu tat-tilqim wara t-tieni doża.
  • Mis-17 ta’ Jannar, bars, ristoranti, klabbs, gyms, pools u spas, casinos, gaming halls, ċinema, teatri u postijiet sportivi se jkunu miftuħa biss għal dawk li għandhom ċertifikat validu ta’ tilqim.
  • Mit-Tnejn li ġej, l-avvenimenti bilwieqfa mhux se jibqgħu permessi. Jistgħu jsiru biss avvenimenti bilqiegħda, bl-uniċi eċċezzjonijiet ikunu t-tiġijiet u l-funerali, fejn il-protokolli jibqgħu fis-seħħ.
  • L-istabbiliment kollha jridu jagħlqu sas-1 ta’ filgħodu.
  • Il-ħinijiet taż-żjarat fl-isptarijiet se jitnaqqsu.

Art by the Seaside – Il-post ideali għalik biex tesibixxi xogħlok

Art by the Seaside – Il-post ideali għalik biex tesibixxi xogħlok

Aħbar sabiħa għall-artisti, kollezzjonisti tal-arti u għas-segwaċi kollha tax-xena tal-arti. Lok ġdid fejn artist jista’ jesibixxi xogħlu u esperjenza ċertament mill-isbaħ għal min iħobb isegwi u japprezza l-arti ġewwa pajjiżna.

Art by the Seaside jinsab ġewwa l-Isla, f’parti tradizzjonali ta’ Malta, titla’ jew tinżel għal-lok minn taraġ li jagħti għal fejn il-baħar. Sa minn qabel tidħol tħoss l-atmosfera familjari; tilqgħek entratura bl-antiporta, li onestament kont ili ma nesperjenza. Malli tidħol issib il-kmamar li mal-ewwel daqqa t’għajn tieħu idea ta’ kemm hemm kmamar bix-xogħol esibit.

Din il-gallerija tal-arti armata fuq stil ta’ dar tradizzjonali Malti, mill-madum tal-art sal-għamara. Għamara li ovvjament titnaqqas jew tiċċaqlaq skont ix-xewqa tal-artist, li se jkun qiegħed jesibixxi xogħlu. Mgħammra wkoll bi kċina u gallarija li tagħti għat-triq ta’ mal-baħar.

Artist jista’ faċilment joħloq ħsus differenti għall-ispettaturi li jiġu sabiex josservaw xogħlu, minn kamra għall-oħra. Jista’ wkoll joħloq sens ta’ dar u min jattendi jħossu milqugħ, parti minn familja waqt li qiegħed josserva u japprezza xogħol l-artist.

L-ewwel wirja ġewwa Art by the Seaside se tkun dik ta’ Rebecca Ranieri; M’haju allibbirari li se tittella’ bejn il-25 ta’ Novembru u l-10 ta’ Diċembru 2021.

Bħala ħinijiet tal-ftuħ huma f’idejn l-artist li jkun qiegħed jesibixxi. Qiegħdin isiru preparamenti għall-wirja li jkun imiss wara l-wirja ta’ Rebecca. Għaldaqstant inħeġġukom li ssegwu l-paġna ta’ Facebook Art by the Seaside għal aktar dettalji u aġġornamenti. Fejn tistgħu wkoll tikkuntatjawhom.

Ir-ristoranti jerġgħu jinfetħu sal-5pm mill-10 ta’ Mejju

Ir-ristoranti jerġgħu jinfetħu sal-5pm mill-10 ta’ Mejju

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin ilu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li mill-10 ta’ Mejju se jkomplu jitnaqqsu aktar miżuri, fosthom li r-ristoranti u l-isnack bars se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu imma sal-5pm, u wara jkunu jistgħu jkomplu s-servizz tagħhom permezz tat-take away. Ma’ kull mejda jista’ jkun hemm sa massimu ta’ 4 persuni.

Mill-10 ta’ Mejju wkoll se titneħħa r-restrizzjoni dwar sport professjonali fejn hemm kuntatt, u se jkun jista’ jerġa’ jibda t-taħriġ filwaqt li sport fejn m’hemmx kuntatt se jkompli kollu mingħajr spettaturi.

L-istess jgħodd għall-edukazzjoni tal-arti u attivitajiet ekstrakurrikulari, kif ukoll il-lezzjonijiet tad-duttrina. Is-swieq ukoll se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew.

Se jitneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex.

Il-Prim MInistru qal li dan kollu qed isir wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa li jħarsu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin, u s-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu f’dawn l-aħħar xhur in-negozji u l-ħaddiema.

Enable Notifications OK No thanks