Select Page
Riċetta: Żibeġ bil-Ħaruf stil Għarbi

Riċetta: Żibeġ bil-Ħaruf stil Għarbi

Ir-riċetta tal-lum hi ispirata minn riċetta Libjana bl-isem ta’ Maccarona Libiya.

Għandek bżonn (għal 4 porzjonijiet):

700g għaġin Ditali
400g kapuljat tal-ħaruf
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Basla kbira, mqatta’ rqiqa
4 sinniet tewm, imqattgħin irqaq
Mgħarfa kemmun
Mgħarfa kosbor
Mgħarfa turmeric
Mgħarfa mixed spice
Tnejn bżar aħmar imnaddfin miż-żerriegħa u mqattgħin irqaq, jew mgħarfa chilli flakes
Bott (400g) kunserva
Bott (400g) meraq tat-tadam (puree)
Kuċċarina zokkor
700ml ilma
Kuċċarina melħ

Metodu:

  • Saħħan iż-żejt ġo borma kbira.
  • Imbagħad baxxi n-nar u żid il-basla, it-tewm, il-kemmun, il-melħ, il-kosbor, it-turmeric, il-ħwawar imħallta, u l-bżar aħmar.
  • Fuq nar baxx ħawwad għal ftit minuti sakemm il-basla tirtab.
  • Jekk it-taħlita ssir niexfa wisq, tista’ żżid mgħarfa ilma sħun.
  • Imbagħad żid il-kapuljat tal-ħaruf u kompli aqli għal 5 minuti.
  • Ħawwad spiss ħalli ma jibqalekx biċċiet kbar tal-kapuljat.
  • Meta l-ħaruf jibda jieħu kulur kannella, żid il-kunserva, il-puree tat-tadam u z-zokkor.
  • Ħawwad sewwa u ħallih itektek għal 2 minuti.
  • Żid l-ilma u erġa’ ħawwad. Sajjar fuq nar qawwi sakemm iz-zalza tibda tiftaħ tagħli.
  • Imbagħad baxxi n-nar, agħtti l-borma u ħalliha ttektek għal mill-inqas nofs siegħa u tiha taħwida minn ħin għal ħin. Aktar ma tħalliha ttektek aktar se toħroġ it-togħma tal-ħwawar.
  • Wara nofs siegħa jew aktar, żid in-nar sakemm iz-zalza tibda tagħli.
  • Imbagħad żid id-ditali nej u sajjar mikxuf fuq nar baxx, waqt li tħawwad spiss.
  • Ħallih isir għal madwar 15-il minuta jew sakemm l-għaġin isir ‘al dente’, u l-parti l-kbira taz-zalza tkun ġiet assorbita.
  • Servi immedjatament.
  • Żejjen bi bżar u ġobon maħkuk friski, u tursin jew kosbor frisk imqatta’.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Lumaconi l-Forn bl-Irkotta u l-Pesto

Riċetta: Lumaconi l-Forn bl-Irkotta u l-Pesto

Għandek bżonn (għal 6 porzjonijiet):

750g għaġin Lumaconi (gnocchi mill-kbar)

Għall-mili:

500g irkotta
Vażett jew 190g pesto tal-ħabaq
Niskata melħ
Niskata bżar

Għaz-zalza:

Basla, mqatta’ rqiqa
Tliet sinniet tewm imqatta’ rqaq
400ml meraq tat-tadam (puree)
400g tadam imqatta’

Mgħarfa sagħtar
Mgħarfa riegnu

Żewġ kuċċarini curry
Kuċċarina mixed spice
Mgħarfa kunserva
300ml ilma
Kuċċarina żejt taż-żebbuġa
200ml besciamella jew krema friska

Metodu:

Ibda billi tlesti z-zalza:

  • Saħħan iż-żejt ġo kazzola.
  • Żid il-basla u t-tewm.
  • Żid is-sagħtar, il-curry u l-mixed spice.
  • Ħawwad għal ftit minuti sakemm il-basla u t-tewm jirtabu.
  • Żid it-tadam imqatta’, il-meraq tat-tadam u l-ilma.
  • Ħawwad sew u kif tkun ha tiftaħ tagħli, baxxi n-nar u ħalliha ttektek għal madwar 20 minuta. Ħawwad spiss.
  • Sadanittant, ħallat l-irkotta, il-pesto, il-melħ u l-bżar ġo skutella kbira.
  • Meta z-zalza tkun għaqdet ftit, ipprepara d-dixx jew dixxijiet li tkun se tuża.
  • Ferra ftit miz-zalza ħamra fid-dixx tiegħek. Mhux wisq, kemm tgħatti l-qiegħ tad-dixx.
  • Irranġa l-Lumaconi nej wiċċu ‘l fuq fid-dixx tiegħek. Kemm jista’ jkun tħallix spazju bejniethom.
    Imlihom b’madwar kuċċarina tat-taħlita tal-irkotta f’kull waħda.
    Tista’ tagħmel saff wieħed jew tnejn skont il-fond tad-dixx tiegħek.
  • Meta tkun imlejt il-Lumaconi kollha, ferra’ z-zalza ħamra fil-wiċċ biex tgħattihom kollha, u roxx ir-riegnu fil-wiċċ.
  • Imbagħad żid il-besciamella jew krema friska fil-wiċċ. M’għandekx għalfejn tgħatti d-dixx kollu biz-zalza bajda.
  • Sajjar fil-forn għal madwar siegħa, jew sakemm tara li l-lumaconi sar b’ponta ta’ sikkina u l-wiċċ ikun ħmar.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Involtini tal-Brunġiel

Riċetta: Involtini tal-Brunġiel

Għandek bżonn: (għal 6 porzjonijiet)

4 brunġiliet kbar
Żejt taż-żebbuġa

Għall-mili:
1kg irkotta
Vażett pesto genovese (tal-ħabaq)
Bajda mħabbta
Erba’ mgħaref tursin frisk imqatta’ rqiq
Mgħarfa Tarragon
Żewġ imgħaref frak tal-ħobż
Ftit bżar u melħ

Għaz-zalza:
Kuċċarina żejt taż-żebbuġa
Kwart faqqiegħ imqatta’ slices
Żewġ basliet ħodor imqatta’ slices irqaq
Żewġ kuċċarini tewm imqatta’ rqiq
Żewġ bottijiet tadam imqatta’
Kwart ta’ kuċċarina zokkor
Kuċċarina curry
Kuċċarina mixed spice
250ml ilma

Mozzarella maħkuka (skont il-gosti tiegħek)

Metodu:

Neħħi z-zokk mill-brunġiel u qattagħhom slices mit-tul kemm jista’ jkun irqaq. Aktar ma jkunu rqaq, aktar isiru malajr.

Irranġa s-slices ħdejn xulxin fuq karta tal-forn u tihom raxxa ħafifa żejt taż-żebbuġa.

Sajjarhom fil-forn għal 15 sa 20 minuta jew sakemm tara li rtabu.


Meta jkunu saru, oħroġhom mill-forn u ħallihom jiksħu.

Sadattant, ipprepara l-mili u z-zalza.

Għall-mili:

Sempliċement ħallat l-ingredjenti kollha tal-mili fi skutella kbira.


Żomm fil-friġġ sakemm tkun lesta biex tużah.

Għaz-zalza:


Saħħan iż-żejt f’taġen fond u aqli l-basal u t-tewm sakemm ikunu rotob.

Imbagħad żid il-faqqiegħ, il-curry u l-mixed spice, u ħawwad sakemm il-faqqiegħ jirtab u tara li l-basal, it-tewm, u l-faqqiegħ qed jibdew jieħdu kulur kanella.

Issa żid it-tadam bil-meraq tagħhom, iz-zokkor, u l-ilma.

Ħawwad kollox sew flimkien u ħalliha ttektek sakemm ikollok zalza magħquda.

Kif ikollok kollox lest, tista’ tibda tagħmel l-involtini u tirranġahom f’dixx tal-forn. L-aħjar li tuża dixx kbir biex ikollok saff wieħed.

L-ewwel, poġġi daqs mgħarfa imburġata mili tal-irkotta f’nofs kull slice tal-brunġiel, u kebbeb kull slice biex jiġu bħal cannelloni.

Meta tkun lestejthom kollha mimlijin, ifrex ftit miz-zalza l-ħamra fid-dixx kemm tgħatti l-qiegħ.

Imbagħad ibda irranga l-involtini kollha ħdejn xulxin fid-dixx. Kemm jista’ jkun isikkahom u tħallix spazju bejniethom.

Iksi l-wiċċ biz-zalza l-ħamra u roxx ftit mozzarella jekk tiggosta.


Aħmihom fil-forn għal nofs siegħa.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks