Malta tagħlaq 18-il sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea

Malta tagħlaq 18-il sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea

18-il sena ilu, mat-tokki ta’ nofsillejl, Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea.

Flimkien mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, kien hemm ukoll dik ta’ Ċipru, Repubblika Ċeka, Estonja, Ungerija, Latvja, Litwanja, Slovakkja, Polonja u Slovenja.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fakkret il-memorja tal-mument li Malta ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea.

Hija qalet li 18-il sena ilu, bħal ħafna oħrajn, kienet il-Belt Valletta, tistenna dan il-mument storiku jseħħ.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li bil-gwerra fl-Ewropa, u bil-konklużjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; huwa dak l-ispirtu, dak is-sens ta’ skop, entużjażmu, għaqda, li tixtieq li l-proġett Ewropew jerġa’ jikseb.

Sostniet li n-nies fl-Ukrajna, fil-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, fil-Moldova u l-Ġeorġja qed iħarsu lejn l-Ewropa bl-istess sens ta’ tama ta’ skop komuni.

“Irrid li n-nies jemmnu kif għamilna aħna, għax konna nafu dak iż-żmien, kif nafu issa, li l-futur huwa l-Ewropa”

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Ara: Stephanie tesprimi l-emozzjonijiet tagħha dwar il-mewt ta’ missierha

Ara: Stephanie tesprimi l-emozzjonijiet tagħha dwar il-mewt ta’ missierha

Fir-ritorn tagħha għall-programm Illum ma’ Steph wara l-mewt ta’ missierha, ilbieraħ il-preżentatriċi Stephanie Spiteri esprimiet l-emozzjonijiet tagħha dwar dak li hi flimkien mal-familja tagħha għaddew minnu f’dawn l-aħħar jiem.

Fi spirtu differenti milli mdorrijin naraw lil Stephanie bih, hija qalet li ppreparat ruħha biex tipprova ma tibkix waqt il-programm.

Madanakollu, kif wieħed jista’ jistenna, Stephanie emozzjonat ruħha waqt li kienet qed tgħid li minkejja li l-papà tagħha kellu l-kundizzjoni tal-parkinson u kienu jafu li xi darba jew oħra dan il-mument kien se jasal, xorta waħda diffiċli.

Filwaqt li qalet li r-rispett għandek turih matul waqt il-ħajja, Steph esprimiet il-gratitudni għall-ammont kbir ta’ nies li għamlu kuntatt magħha u mal-familja tagħha biex juru s-sapport f’dan iż-żmien tant diffiċli għalihom u qalet li kienu mumenti li se jibqgħu jgħożżu.

Stephanie qalet li sa nhar l-Erbgħa biss, hija rċeviet madwar 15,000 messaġġ.

Hija rringrazzjat b’mod speċjali lir-Residenza ta’ San Ġużepp, il-Fgura, fejn il-papà tagħha kien qed jgħix sal-jum tal-mewt tiegħu, nhar il-Ħadd 24 t’April, għad-dedikazzjoni u l-imħabba tagħhom.

Irringrazzjat ukoll lil Noeleen Miggiani u t-tim tal-programm tas-sapport u l-għajnuna biex il-programm seta’ jibqa’ għaddej anke fin-nuqqas tagħha.

Fl-aħħarnett, Stephanie qalet li l-papa tagħha dejjem kien jgħidilha li “the show must go on”, anki meta l-mamà tagħha kienet ħażin. Kien jgħidilha li permezz ta’ xogħolha qed tagħti servizz u allura għandha tibqa’ għaddejja anki fi żminijiet diffiċli.

Żiedet tgħid li għaldaqstant qed terġa’ lura għar-rutina bil-programm.

“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

Nitkellmu ma’ Ryan Hili, ir-rebbieħ tat-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta

Ryan, irnexxielek tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta. Mill-espressjoni li stajna naraw fuq wiċċek kont tidher sorpriż ħafna. X’għadda minn moħħok f’dak il-mument li kont taf li int ir-rebbieħ?

Dak il-ħin meta Ben Camille għajjat ismi, ma stajtx nemmen dak li qed nisma’. Il-fatt li kont mal-ewwel tlieta kienet diġà sorpriża kbira għalija, imma l-fatt li rbaħt kien mument li żgur ma stajtx nemmnu u li mhux ħa ninsa qatt. Ovvjament, kuntent ħafna u grat lejn dawk kollha li tawni s-sapport mill-bidu sal-aħħar.

Xi tfisser din il-kisba għalik personali u għall-karriera tiegħek?

Jien il-mużika nqisha bħala xi ħaġa ferm important f’ħajti. Il-fatt li ddeċidejt li nieħu sehem kien diġà pass kbir u r-rispons li rċevejt mill-bidu kien pożittiv. Il-fatt li rbaħt komplejt nemmen iktar fit-talenti tieghi u se nkompli naħdem biex nibqa’ nuri x’kapaċi nagħmel fil-karriera mużikali tiegħi.

Iddedikajt ir-rebħa għall-papà tiegħek. Għaliex? X’impatt għamel fuqek personali biex wasalt sa fejn wasalt illum?

Sfortunatament, il-papà marad u ħalliena f’temp ta’ xahar. Dan kollu fetaħli għajnejja u urieni biċ-ċar kemm illum hawn u għada ma nafx. Il-ħajja wisq qasira biex tieħu kollox for granted. Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, aqbad u agħmilha issa.

X’messaġġ tixtieq twassal permezz ta’ din ir-rebħa?

Kull min għandu ħolma jagħmel mezz biex għallinqas jipprova jieħu l-ewwel pass. Qatt mhu tard wisq u jekk ma temminx li kapaċi u tkun tajjeb, ikun dispjaċir kbir.

Xi tgħidilna dwar it-tliet finalisti l-oħra?

F’din l-edizzjoni nħoss li veru konna grupp sabiħ. Ir-relazzjoni mal-kontestanti kienet waħda mill-isbaħ u baqgħet sal-aħħar mal-finalisti l-oħra. Kollha kemm huma bravi u l-fatt li d-distakk fil-punti kien ftit turi kemm ir-rebħa setgħet kienet ta’ kulħadd.

Kif għidt int ukoll, fl-edizzjoni ta’ din is-sena nħass spirtu ta’ għaqda bejn il-kontestanti. Ma’ liema kontestanti kont l-aktar viċin?

Kif għidt qabel, ir-relazzjoni mal-kontestanti l-oħra kienet waħda tajba ħafna. Ovvjament, inħoss li kont iktar viċin ma’ Kevin Paul u Drakard għax ħdimna flimkien mill-bidu nett. It-tnejn li huma kienu ta’ sapport kbir għalija.

Ryan, għidilna ftit dwarek u l-istorja tiegħek. Min hu eżattament Ryan Hili? Kif tiddeskrivi ħajtek sal-lum?

Ryan huwa persuna mistħi ħafna imma li lest li jagħmel kollox biex jgħix ħajtu bl-aħjar mod possibbli. Bħalissa naħdem bħala għalliem tad-disinn u teknoloġija fi skola sekondarja. Il-mużika nqisha bħala prijorità u nixtieq li fil-futur qarib inkompli nikber f’dan il-qasam.

B’mod inġenerali, x’kienu l-akbar ostakli li kellek tiffaċċja f’ħajtek?

L-aktar żewġ ostakli li kelli negħleb kienu l-fatt li ma nagħtix kas il-midja soċjali ħafna (fejn jidħlu kummenti negattivi) kif ukoll li noħroġ minn qoxorti meta ġejt biex nipprepara l-kanzunetti.

X’kien li ħajrek tipparteċipa f’X Factor Malta?

Jien qatt ma pparteċipajt f’xejn hawn Malta, però minn dejjem xtaqt li nagħmel dak il-pass. L-X Factor ilni nsegwih mindu kont żgħir u kont naffaxxina ruħi nara l-progress li kienu jagħmlu l-kantanti mill-bidu sal-aħħar. Apparti minn hekk jien inħobb insegwi l-Eurovision Song Contest, allura minn dejjem kien hemm dik il-ħajra għall-kompetizzjoni.

Kif tiddeskrivi l-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta mill-bidu sal-aħħar?

L-avventura kienet waħda surreali fis-sens li bdejt mix-xejn u rnexxieli nasal sal-quċċata. Tgħallimt ħafna minn din l-esperjenza u rnexxieli niltaqa’ ma’ ħafna nies bravi u naħdem ma’ ħafna nies stabbiliti.

Kif kienet l-esperjenza tiegħek mal-erba’ ġurija, partikolarment ma’ Howard?

L-esperjenza mall-ġurija kienet waħda tajba ħafna, tgħallimt ħafna mingħandhom u avolja ma kinux il-mentors tiegħi xorta għenuni. Howard kien l-aqwa mentor li qatt seta’ kelli. Irnexxielu joħroġni minn qoxorti u baqa’ sal-aħħar jgħallimni kif għandi nkun artist komplut. Kien hemm żmien fejn kienet diffiċli għalina biex insibu kanzunetta adattata għalija, però llum il-ġurnata nirringrazzja ‘l Alla bl-għażliet li għamilna għax nemmen li kienu kollha ta’ kwalità. Howard huwa peruna li jaf x’inhu jagħmel u kull suġġeriment li tani dejjem ħareġ il-frott minnu.

Fl-audition tiegħek esprimejt il-fatt li xtaqt tipparteċipa qabel f’X Factor Malta iżda ma kontx kunfidenti biżżejjed. Għaliex?

Domt ħafna biex iddeċidejt li nieħu sehem għas-sempliċi raġuni li jien qatt ma rajt lili nnifsi lest biex nidher quddiem in-nies. Il-fatt li jien għandi ‘bionic hand’ ma kinitx tgħin fid-deċiżjoni għax bżajt ħafna mill-kummenti ħżiena tan-nies. Il-midja soċjali tista’ tkun waħda pożittiva però tista’ tkun negattiva wkoll.

Liema mumenti mill-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta tgħożż l-aktar? U liema prestazzjoni hija l-aktar għal qalbek?

L-iktar mumenti għal qalbi apparti meta rbaħt huma meta kien ikollna r-rehearsals. Il-memorji li għandi huma ħafna u napprezza lil kull kontestant, lit-tim tal-midja soċjali, kif ukoll lill-crew kollu li tella xow mill-isbaħ. L-iktar prestazzjoni li ħadt gost nagħmel kienet tal-Live Show 4 għax kantajt f’nofs l-udjenza.

X’inhi r-reazzjoni tiegħek għar-rispons qawwi li rċevejt u għadek tirċievi mill-pubbliku? Stennejt daqshekk sapport?

Is-sapport li kelli mingħand in-nies kien kbir. L-għada li rbaħt irċevejt ħafna messaġġi u kummenti pożittivi u għadni nirċievi s’issa wkoll. Napprezza immens lil kull min b’xi mod jew ieħor tani s-sapport għax bis-saħħa tagħhom irnexxieli nasal s’hawn.

Int ukoll għalliem. X’reazzjonijiet kellek mill-kollegi u l-istudenti tiegħek wara li rbaħt?

Il-kollegi kienu ta’ sapport kbir għalija. Mill-ewwel ġurnata tawni ħafna sapport u anke sorpriżi wara l-finali għamluli. L-istudenti mhux inqas. Kull xħin rawni fil-kurituri tal-iskola kienu jgħajtuli biex jgħiduli li vvutawli u biex jgħiduli prosit.

Matul il-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta, ġieli rċevejt kritika li affettwatek? Kif taġixxi għall-kummenti li jkunux qed iwasslu kritika kostruttiva, iżda personali?

Fortunatament ma tantx kelli kritika negattiva u dik apprezzajta ħafna. Il-ftit li kien hemm pruvajt ma nagħtix kashom għax ħafna minnhom kienu jkunu minn ‘fake profiles’. Minn kollox issib u naf biċ-ċert li ħa nibqa’ nsib. Ma tistax tingħoġob ma’ kulħadd.

Irbaħt is-somma ta’ €50,000. X’beħsiebek tagħmel bihom?

Il-ħamsin elf beħsiebni ninvestihom fil-mużika billi nużahom biex nixtri xi apparat ħalli nkun nista’ naħdem fuq il-mużika tiegħi stess.

X’inhu l-pass li jmiss għal Ryan Hili?

Il-pass li jmiss hu li niffoka iktar fuq mużika oriġinali kif ukoll anke naħdem ma’ kantanti oħra stabbiliti. Meta konna inkunu rehearsals konna nifthemu biex la jgħaddi kollox nibdew nikkollaboraw flimkien.

Kieku kellek tikteb kanzunetta f’dan il-mument, dwar xiex tkun?

F’dan il-mument probabbli nikteb kanzunetta dwar kif wieħed m’għandux jaqta’ qalbu. Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom.

Hemm xi artisti Maltin li tixtieq tikkollabora magħhom fil-futur?

Hemm ħafna kantanti li nixtieq naħdem magħhom, però l-iktar tnejn huma Amber u Brooke.

Għandek xi ħolm partikolari li tixtieq twettaq?

Waħda mill-ħolmiet tiegħi hi li nkanta jew nirrappreżenta lil Malta f’pajjiż differenti.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li qed jaqraw din l-intervista?

Minn qalbi nixtieq li kull min għandu xi ħolma u qed iżomm lura, jagħmel mezz biex għallinqas jipprova. Il-ħajja wisq qasira biex inżommu lura u importanti li ngħixu l-ħajja b’mod komplut.

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

Nitkellmu ma’ Lynn Aquilina

Lynn, għidilna ftit dwarek. Min hi Lynn Aquilina?

Mela Lynn hi mara ta’ 31 sena li tħobb il-ħajja u tħobb tgħix. Jien persuna sensittiva, nisma’ u nosserva ħafna. Inħobb nesperjenza affarijiet ġodda, anke jekk ġieli nibża’ jew nippanikkja ħafna għax inħalli l-ħsibijiet jiġru bija! Nemmen li kieku, ma ppruvajtx u ma nippruvax affarijiet u esperjenzi ġodda ma niltaqax ma’ nies ġodda li jgħinuni biex kemm jista’ jkun dejjem noħroġ l-aħjar tiegħi u ma neħilx mal-limitu tad-diżabilità fiżika li għandi. Minkejja dan kollu li għidt, inħoss li għadni ma nafx ma nafx min jien, għax kuljum ninbidel u niskopri ħaġa ġdida fija li ma kontx naf qabel.

Il-kapaċità tiegħek li tesprimi ruħek b’mod tajjeb ħafna u profond permezz tal-kitba, hija xi ħaġa li wieħed ma jistax ma jinnutax dwarek. Kif nibtet il-passjoni tiegħek tal-kitba, u x’libertà tagħtik?

Il-passjoni tal-kitba tmur lura għal meta kont fir-raba’ sena tal-primarja. Niftakar, l-għalliema kienet taqralna kuljum mill-kotba ta’ Trevor Zahra. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem għidt li rrid insir bħal dan l-awtur bravu ħafna. Qrajt il-kotba kollha tiegħu għax jaffaxxinani kif jiżvolġi l-istejjer tiegħu bi kliem sempliċi u b’ritmu mexxej. Insomma f’kelma waħda sar l-idolu tiegħi, tant li fis-sekondarja meta kien ikollna komponiment kont nipprova nuża’ l-istil ta’ kitba tiegħu. L-għalliema kienu qaluli li għandi talent, imma bqajt ma ħadtux bis-serjetà sakemm spiċċajt mis-sekondarja.

Kont spiċċajt inqatta’ ħafna ħin id-dar, fija kien hemm vojt u monotonija kbira tant li waqajt f’dipressjoni. Imbagħad wara ħafna insistenza mingħand ħabibti ħarbixt l-istorja tiegħi. Minn hemm ma ħaristx lura, kuljum nikteb xi ħaġa, anki jekk tkun sentenza waħda biss. Bil-kitba, jien nista’ mmur u nimraħ kullimkien. Tilliberani għax meta nikteb jien ninsa għal ftit il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi u nidħol f’dinja oħra. Dinja fejn l-ispirtu tiegħi jtir ‘il fuq mingħajr ma jwaqqfu ħadd.

X’definizzjoni għandha d-diżabilità għalik personali?

Għalija d-definizzjoni tad-diżabilità tvarja ħafna. Skont iċ-ċirkostanzi li nkun fihom u l-burdati li jkolli. Ikun hemm ġranet fejn inħossni qisni għandi ġgant jgħaffeġ fuqi u rrid inkompli bil-ġurnata tiegħi, bih idur miegħi kullimkien. Drabi oħra lanqas biss taffettwani li jien b’diżabilità, għax inkun qed inħossni tajba fija nnifsi. Imma jien inħobb nara l-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi bħala gaġġa li ssakkarni milli nagħmel dak li nixtieq. Għalkemm dejjem nipprova nsib mezzi kif indur ma’ din il-gaġġa, ġismi, biex fl-aħħar xorta nagħmel dak li nixtieq.

Kemm-il darba titkellem dwar l-intimità u s-sesswalità. L-ewwel nett, int personali kif tiddistingwi bejn dawn it-tnejn?

L-intimità u s-sesswalità huma konnessi u relatati ħafna ma’ xulxin, imma mhumiex l-istess. Għalija l-intimità hi u sseħħ kull meta nagħżel li nara lill-persuna l-oħra mhux bl-għajnejn fiżiċi tiegħi, iżda bl-għajnejn ta’ ruħi. Dawn l-għajnejn li jaraw il-bżonnijiet l-aktar profondi tal-oħrajn biex hekk nitqanqal minn ġewwa ħalli mhux biss ngħinhom, iżda mmur pass oltre minn hekk, insir naf l-istorja tagħhom u nitwaħħad magħhom, mhux għall-pjaċiri tiegħi, imma għax jinteressani u nħobb verament lill-oħrajn.

Is-sesswalità, imbagħad hi dak kollu li jagħmilni l-mara li jien. L-ewwel aspett tas-sesswalità jistedinni biex jien inħobb, nirrispetta u nkun konxja tas-sbuħija tal-feminilità tiegħi. Imbagħad għalija, l-att sesswali jikkumplimenta u jgħaqqad is-sbuħija tiegħi, ma’ dik ta’ ħaddieħor biex nikber fl-għarfien li ma nistax ngħix mingħajr ma nħobb verament biex nagħti ħajja lill-ieħor u eventwalment jista’ jkun hemm lok ta’ ħolqien ta’ ħajja wkoll.

Mill-perspettiva tiegħek, x’inhuma l-isfidi li trid tiffaċċja b’mod kontinwu fejn jidħlu l-intimità u s-sesswalità? X’inhuma n-nuqqasijiet li tħoss l-aktar bħala mara?

Fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità, l-intimità u s-sesswalità għadhom tabù. Personalment din ir-realtà ttaqqalni ħafna għax ikolli ngħixha waħdi, naħbi l-bżonnijiet, ix-xewqat u l-emozzjonijiet naturali tiegħi. Ngħixha waħdi fis-skiet għax inħoss li s-soċjetà inġenerali ma tqishomx dawn il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità u ma tiddistingwix bejn intimità u sesswalità. Jista’ jkun li persuna b’diżabilità tkun trid biss l-intimità, din tinkludi tgħanniq, karezzi, tmellis fix-xagħar, tpoġġi fuq xi ħadd eċċ.

L-akbar nuqqas li naħseb li hawn hu li persuni b’diżabilità ma jitkellmux biżżejjed fuq dawn il-bżonnijiet tagħhom fil-pubbliku. Allura, imbagħad ovvja li n-nies t’hemm barra ma jistgħux ikunu jafu vera xi nħossu aħna, jistgħu biss jispekulaw!

X’inhuma x-xewqat tiegħek f’dan ir-rigward? X’tixtieq li jsir?

Nixtieq li aktar nies ma jinħasdux u ma jibżgħux meta nesprimi dawn il-bżonnijiet li għandi. Ħeq, jien bniedma tad-demm u l-laħam bħal kulħadd! Hemm bżonn li jsiru aktar diskussjonijiet edukattivi fuq dan is-suġġett fuq it-televixin u l-midja soċjali.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar is-servizzi ta’ sex workers għal persuni b’diżabilità?

Naqbel li jkun hawn is-servizz ta’ sex workers, iva għaliex le. Basta dan ikun regolat u jkun hemm persuni mħarrġa sew kif jiffaċċjaw u jittrattaw persuni b’diżabilità, l-aktar meta dawn ikunu vulnerabbli.

Jekk dan it-tip ta’ servizz jiġi legalizzat f’Malta, tikkunsidra li tagħmel użu minnu int personali?

Mistoqsija diffiċli din! Kieku mmur żgur imma mhux għas-sess, l-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hu li niskopri lil ġismi, għax minħabba li ma nużax idi sew ma nistax inkun intima miegħi nnifsi. Minħabba f’hekk f’dan l-aspett inħoss li għadni tifla u mhux mara. Allura nitlob l-għajnuna tas-sex worker biex nagħmel dan, rigward jekk nagħmilx is-sess ma’ sex worker illum bħalissa ngħid le. U ngħid le, għax nixtieq relazzjoni u s-sess waħdu narah bla sens mhux komplut, qisni mort ikla u qbiżt fid-deżerta mill-ewwel. Is-sess mingħajr relazzjoni u intimità nħoss li jitlef l-iskop u s-sbuħija tiegħu.

Liema mentalità tas-soċjetà ġenerali tħoss li hemm bżonn tinbidel l-aktar? U int, xi tħoss li tista’ tagħmel, jew x’qed tagħmel biex tagħti sehmek għal din il-bidla?

Thank God il-mentalità tas-soċjetà inġenerali lejna l-persuni b’diżabilità tjiebet ħafna, l-aktar fl-oqsma tal-aċċessibiltà u l-edukazzjoni għalkemm bħal f’kollox baqa’ xi jsir. Biss l-iżjed setturi li narahom baqgħu lura huma tax-xogħol u s-sesswalità. Mhux ħa noqgħod nirrepeti dwar is-suġġett tas-sesswalità, biss ma nafx għala persuna toqgħod lura milli turi affezzjoni lejn persuna b’diżabilità. Forsi jista’ jkun li dak li jkun joqgħod lura għax ma jkunx irid li l-persuna b’diżabilità tiggranfa miegħu bħal qarnita u tifhmu li jrid relazzjoni magħha, ma nafx eżatt. Biss ma fiha xejn ħażin billi tgħannaq u tikkarezza lil persuna b’diżabilità. L-importanti li jkun hemm komunikazzjoni ċara u diretta fuq l-emozzjonijiet taż-żewġ persuni kkonċernati.

Fil-qasam tax-xogħol, hi ħaġa frustranti ħafna li aħna l-persuni b’diżabilità jkollna l-kwalifiċi kollha meħtieġa u ma nsibux xogħol għas-sempliċi raġuni li min iħaddem ma jemminx fina. Min-naħa tiegħi, nieħu kull opportunità biex nitkellem fuq id-diżabilita’. Fil-fatt ħloqt grupp fuq Facebook jismu ‘People with Cerebral Palsy in Malta’. Fih inqajjem kuxjenza fuq dawn is-suġġetti u oħrajn li jolqtu lilna direttament bħala nies b’diżabilità.

Is-saħħa mentali u persuni b’diżabilità. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Nemmen li s-saħħa mentali tal-persuni b’diżabilità trid tkun kemm jista’ jkun dejjem fl-aħjar forma possibbli. Għax diġà hu piż kbir li wieħed iġorr il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħu kuljum bil-konsegwenzi u l-kumplikazzjonijiet kollha li dawn iġibu magħhom. Għalija li nkun mentalment b’saħħti hi xi ħaġa li ma nistax ngħaddi mingħajrha għax inkella ma nkunx nista’ nkampa mal-ostakli tad-diżabilità. Apparti minn hekk, tgħallimt u qed nitgħallem kif it-toqol tal-ħajja ta’ kuljum naqsmu ma’ dawk il-persuni li jien nafda biex dan il-piż ma jagħlaqnix fija nnifsi biex nipprova nkun pożittiva.

Inkun korretta jekk ngħid li int persuna reliġjuża ħafna? X’differenza jagħmel dan il-fatt fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek?

Jien ma ngħidx li jien persuna reliġjuża għax għalkemm nieħu sehem fil-quddies kważi kuljum, hemm xi affarijiet fil-knisja li jien ma naqbilx magħhom. Imma ngħid li jien persuna li nħaddan il-fidi Kattolika. Iva, għalija l-fidi f’Ġesù hi kollox, għax bil-fidi jien kapaċi ngħix din it-tbatija tad-diżabilità bit-tama u bi skop li din ma tkunx kollha għalxejn. Anzi nħoss li Alla jrid u għandu sejħa partikolari permezz tad-diżabilità u jridni nwassal imħabbtu permezz tal-istess diżabilità.

Taħseb li l-Knisja Kattolika għadha tħares u tirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” u “speċjali”?

Iva, sfortunatament din il-mentalità tal-‘anġli u speċjali’ ilha magħna minn meta twaqqfet id-Dar tal-Providenza. Diffiċli ħafna tneħħi din il-mentalità, l-aktar għaliex huma ftit dawk il-persuni b’diżabilità li jinvolvu ruħhom fi gruppi taż-żgħażagħ bħali, li hi ħasra għax kull persuna għandha x’toffri. Nixtieq nara aktar nies b’diżabilità jinvolvu ruħhom fil-knisja biex ngħaddu l-messaġġ li aħna mhux karità biss irridu imma għandna x’nagħtu ukoll.

Naf li int taħdem. X’inhu x-xogħol tiegħek? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fid-dinja tax-xogħol?

Jien ilni naħdem għal dawn l-aħħar 4 snin bħala data inputer ma’ kumpanija privata. Ix-xogħol lili tani d-dinjità li jistħoqqli u fejn qabel kont nistħi u naħrab mill-mistoqsija meta jistaqsuni x’nagħmel, issa m’għadnix. Peresss li naħdem dejjem mid-dar, nixtieq li jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-impjegati wiċċ imb’wiċċ, imma overall għal qalbi ħafna li japprezzaw xogħli.

Lynn, ma nistax ma nsemmilekx il-ħbiberija speċjali li ċertament hija importanti ħafna għalik. Xi jfisser għalik David? X’differenza jagħmel f’ħajtek u x’jagħmel il-ħbiberija tagħkom speċjali?

Inħossni mbierka ħafna li għandi ħabib bħal David. Għandi ħafna ħbieb u kollha jgħinuni ħafna, min b’mod u min b’ieħor, imma David jispikka fosthom kollha. Konna ltqajna mill-grupp tal-LAND, grupp għall-persuni b’diżabilità biex jissoċjalizzaw u hu kien ġie magħna bħala volontier. Imbagħad sirna ħbieb tal-qalb madwar 4 snin ilu meta kont għaddejja minn żmien diffiċli. Minn dakinhar sal-lum dejjem sibtu hemm għalija. Għamilna minn kollox flimkien, morna l-Olanda u ħa ħsiebi hu, immorru weekend breaks, iniżżilni l-baħar waħdu eċċ eċċ.

Niftakar darba qalli, li hu jrid jgħinni nagħmel dak li nħoss ġewwa fija, imma li ma nkunx nista’ noħorġu fuq barra minħabba d-diżabilità. Għalija, David huwa ħija li m’għandix, tant għandna ħbiberija intima bejnietna li min ma jafx li David miżżewweġ jaħseb li qiegħdin flimkien! Daqshekk hi speċjali l-ħbiberija tagħna u nittama li tibqa’.

Għidilna ftit dwar il-kotba li ktibt s’issa. Minn fejn ġiet l-idea u l-ispirazzjoni għalihom? Hemm pjan għal ktieb ieħor?

Mela, l-ewwel ktieb tiegħi jismu ‘Namra’ hu ġabra tal-ħsibijiet u l-poeżiji tal-bidu nett tal-kitba tiegħi u t-tieni ktieb jismu ‘Tiżwiqa’. ‘Tiżwiqa’ jikkonsisti f’10 novelli qosra soċjo-reliġjużi. Kollox jispirani jien, l-aktar l-esperjenzi li ngħaddi minnhom jien u persuni viċin tiegħi. Issa bdejt nikteb rumanz, forsi nippubblikah ‘il quddiem.

Għandek xi ħolm li tixtieq twettaq?

Jien persuna li ngħix ġurnata b’ġurnata, kull opportunità li tħabbatli l-bieb neħodha, però ma nippjanax ħafna għal quddiem għax jekk ma jirnexxilix inwettaq dak li jkolli f’moħħi naqa’ ħażin ħafna. Li nixtieq li nerġa’ nsiefer u nagħmel aktar avventuri partikolarment ma’ David.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek?

Nixtieq nirringrazzjakom għax permezz ta’ din l-intervista erġajt skoprejt affarijiet fija nnifsi li kont insejt.

Lynn se tkun ukoll qed tikkontribwixxi b’mod regolari fuq skoperta.net!

Filmat: Interpretazzjoni ta’ O Come All Ye Faithful minn Kevin Borg

Filmat: Interpretazzjoni ta’ O Come All Ye Faithful minn Kevin Borg

Hekk kif qiegħdin noqorbu lejn Jum il-Milied, żgur li għal ħafna minna, il-kanzunetti klassiċi tal-Milied ikunu għaddejjin fl-isfond ta’ dak li nkunu qed nagħmlu matul il-ġurnata tagħna.

Il-kantant tant popolari Kevin Borg qasam mas-segwaċi tiegħu interpretazzjoni ta’ waħda mill-kanzunetti klassiċi tal-Milied, O Come All Ye Faithful.

Għalhekk, jekk tixtieq tisma’ kanzunetta li ċertament iddaħlek fl-ispirtu tal-Milied, isma’ l-verżjoni mill-isbaħ ta’ Kevin Borg flimkien ma’ Daniel Bror Palm tal-kanzunetta O Come All Ye Faithful.

Enable Notifications OK No thanks