Select Page
Ir-Russja se tappella d-deċiżjoni tal-FIFA u l-UEFA li jipprojbixxu lit-tim nazzjonali minn avvenimenti internazzjonali

Ir-Russja se tappella d-deċiżjoni tal-FIFA u l-UEFA li jipprojbixxu lit-tim nazzjonali minn avvenimenti internazzjonali

Ilbieraħ, l-Unjoni tal-Futbol Russa ħabbret li se tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport dwar id-deċiżjoni tal-FIFA u l-UEFA li jneħħu lit-tim nazzjonali Russu minn kwalunkwe kompetizzjoni internazzjonali.

L-unjoni Russa ssostni li l-korp governattiv tal-futbol globali l-FIFA u l-korp governattiv tal-futbol Ewropew il-UEFA ma kellhomx bażi legali meta ddeċidew dwar it-tneħħija tat-timijiet Russi u li ma ngħatatx id-dritt li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha.

Fl-istqarrija l-RFU tallega li d-deċiżjoni tal-FIFA li tirtira t-tim nazzjonali mill-partiti ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2022 saret taħt pressjoni minn timijiet li l-pajjiż kien jikkompeti kontrihom, li tikser il-prinċipju tal-isport u r-regoli tal-fair play.

L-RFU qalet ukoll jekk il-FIFA u l-UEFA jirrifjutaw dak li qed jiġi appellat, se jitressaq rekwiżit għall-introduzzjoni ta’ miżuri interim fil-forma ta’ sospensjoni tad-deċiżjonijiet tal-FIFA u tal-UEFA, kif ukoll kompetizzjonijiet li fihom it-timijiet Russi kellhom jipparteċipaw.

Dan wara li nhar it-Tnejn, il-FIFA u l-UEFA pprojbixxew it-timijiet nazzjonali tal-futbol Russi flimkien mat-timijiet tal-klabbs professjonali kollha minn kompetizzjonijiet internazzjonali minħabba l-invażjoni fl-Ukrajna.

Filmat: Edizzjoni speċjali ta’ Sibtek mimli qlub u mħabba! – Min se jkunu l-mistednin?!

Filmat: Edizzjoni speċjali ta’ Sibtek mimli qlub u mħabba! – Min se jkunu l-mistednin?!

Sibtek jirritorna din id-darba mimli qlub u mħabba!

Programm speċjali ddedikat lill-maħbubin u għall-imħabba ta’ kull ġeneru.

Se naraw lil Ozzy Lino jitkellem dwar il-ġurnata tat-tieġ tiegħu.

Se jkun hemm ukoll Celine Agius ta’ X factor titkellem dwar kif sabet l-imħabba ta’ ħajjitha.

Clintess hija single però kif inhu r-raġel ideali għal Clintess?! Tkunu tafu waqt Sibtek li jmiss.

Il-ġurnalista tal-isport Joanna Camilleri sabet ukoll l-imħabba riċentament.

Dawn kollha se jkunu ma’ Ryan u Josmar waqt l-edizzjoni li jmiss ta’ Sibtek li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq TVM mill-12.15 ‘l quddiem.

Kollha kemm huma se jiżvelaw xi ħaġa speċjali dwar il-ħajja personali tagħhom! Imma x’inhi?!

Il-mistiedna ta’ Ryan u Josmar se jgħaddu minn bosta sfidi divertenti.

Bħal kull ġimgħa, ma tonqosx ukoll il-mużika lajv.

Li hu żgur huwa li Sibtek ta’ din il-ġimgħa se jkun mimli mħabba, forsi ftit aktar mis-soltu!

Jekk tħobb issegwi Sibtek, dan huwa programm ieħor li ma tistax titlef!

Clifton Grima jinħatar Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport

Clifton Grima jinħatar Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport

Il-Prim Ministru Robert Abela ħatar lil Clifton Grima bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, wara r-riżenja ta’ Justyne Caruana.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern it-Tnejn filgħodu.

Clifton Grima kien qed iservi bħala Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Clifton Grima qal li jinsab onorat li ġie fdat b’responsabilità tant importanti li minnha jiddependi l-preżent u l-futur tal-istudenti tagħna.

Bħal-lum 103 snin ilu twieled Nelson Mandela

Bħal-lum 103 snin ilu twieled Nelson Mandela

Nelson Mandela kien l-ewwel President Afrikan ta’ karnaġġjon skur, tal-Afrika t’isfel mill-1994 sal l-1999. Huwa serva biss bħala president għal mandat wieħed.

Huwa magħruf partikolarment għas-sehem tiegħu fil-moviment li ġġieled biex itemm l-apartheid fl-Afrika t’Isfel.

Nelson Mandela kien determinat li jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu stess fil-ġlieda għal-libertà tal-poplu tiegħu minn meta kien għadu tifel żgħir.

Bħala politiku u attivist tad-drittijiet soċjali, Mandela nvolva ruħu f’attiviżmu tad-drittijiet tal-bniedem waqt li kien fil-Kulleġġ tal-Università ta’ Fort Hare u ġie mkeċċi talli ħa sehem fi protesta.

Ħafna minna familjari mal-priġunerija ta’ Nelson Mandela u x-xogħol tiegħu kontra l-apartheid, imma skoprejna ftit affarijiet li forsi ma tafx dwar dan il-mexxej dinji ta’ ispirazzjoni, li twieled proprju fit-18 ta’ Lulju tal-1918.

  • Nelson Mandela għamel 18-il sena ħabs solitarju.

Huwa kien il-ħabs mill-1962 sal-1990 għal tradiment u konspirazzjoni kontra l-gvern. Ġie kkundannat għall-għomor il-ħabs, iżda ġie meħlus kmieni meta l-ANC reġgħet saret legali. Huwa qatta’ 18-il sena fil-ħabs ta’ Robben Island, u 9 snin il-ħabs ta’ Pollsmoor f’Tokai, Cape Town. Il-kundizzjonijiet kienu aħjar f’Cape Town.

  • In-numru tal-ħabs ta’ Nelson Mandela kien 46664.

In-numru jindika li kien il-466 priġunier tal-1964. Huwa kien jgħożż dan in-numru tant li għamlu l-isem tal-kampanja tiegħu ta’ għarfien dwar l-HIV/AIDS u l-isem ta’ sensiela ta’ kunċerti tal-karità.

  • Nelson Mandela pparteċipa fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Afrika t’Isfel.

L-imwiet u l-infezzjonijiet tal-HIV/AIDS kienu qed jiżdiedu fl-Afrika t’Isfel fil-bidu tad-disgħinijiet meta Mandela ħa t-tmexxija tal-pajjiż.

Fl-1998, 2,0 miljun Sud Afrikani kienu ġew infettati bil-virus.

Il-mewt tal-uniku tifel tiegħu, Makgatho, b’din il-kawża ħeġġeġ aktar lil Mandela biex jaghti s-sehem tiegħu f’kampanji ta’ saħħa pubblika mmirati biex jaħdmu għall-prevenzjoni tal-virus.

  • Nelson Mandela kien ħarab mid-dar!

Huwa u l-kuġin tiegħu Justice kienu ħarbu mid-dar fl-1941 biex jevitaw żwieġ irranġat.

  • Kellu jikkumbatti ma’ ħafna traġedji personali.

Fl-aħħar huwa rnexxielu jiżżewweġ għall-imħabba fl-1944, ma’ Evelyn Mase, iżda r-relazzjoni tagħhom ma damitx ma kellha tiffaċċja traġedja. It-tieni tifel tagħhom, Makaziwe, miet ta’ 9 xhur biss. Huma kellhom żewġt itfal oħra: Madiba Thembekile (Thembi), li mietet f’ħabta ta’ karozza waqt li Mandela kien il-ħabs fl-1969, u Makgatho Lewanika, li miet bl-AIDS fl-2005. Mandela kellu żewġt itfal oħra mat-tieni mara tiegħu Winnie u bosta neputijiet.

  • Nelson Mandela għandu din il-ġurnata ddedikata għalih.

F’Novembru tal-2009, l-Asaemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat it-18 ta’ Lulju, il-jum t’għeluq sninu bħala l-“Jum Mandela’. Hija ċelebrazzjoni nazzjonali u rikonoxximent tal-kontribuzzjoniijiet ta’ Mandela għal-libertà.

  • L-elezzjoni ta’ Mandela bħala l-President tal-Afrika t’Isfel kisret diversi rekords.

L-inawgurazzjoni ta’ Mandela bħala president fl-1994 kienet storika għal mill-inqas erba’ raġunijiet (u probabilment ħafna aktar). Huwa kien l-ewwel President elett demokratikament tal-Afrika t’Isfel. Huwa kien ukoll l-ewwel president ta’ karnaġġjon skur tal-pajjiż, u l-akbar persuna eletta għall-kariga. L-inawgurazzjoni tiegħu għaqqdet l-akbar numru ta’ kapijiet ta’ stat mill-funeral tal-President tal-Istati Uniti John F. Kennedy fl-1963.

  • L-ewwel isem ta’ Nelson Mandela ma kienx fil-fatt Nelson.

L-isem mogħti ta’ Mandela kien Rolihlahla, li l-għalliema tiegħu ma setgħux jippronunzjaw. Wieħed minnhom beda jsejjaħlu Nelson wara l-ammirall Ingliż Horatio Nelson, u l-isem ovvjament baqa’.

  • Aktar tard kien ingħata l-laqam ta’ “mkhulu”.

L-Afrikani t’Isfel ġeneralment kienu jsejħu lil Mandela “mkhulu” li tfisser “nannu”, jew Madiba, l-isem tal-familja Mandela għal anzjan rispettat

  • Kien jinteressah sport partikolari.

Minbarra l-politika, il-passjoni l-oħra ta’ Mandela kienet il-boxing. “Ma kienx jogħġobni l-vjolenza tal-boxing. Jien kont aktar interessat fix-xjenza tiegħu, kif tmexxi ġismek biex tipproteġi lilek innifsek, kif tuża pjan biex tattakka u ċċedi, u kif tmexxi lilek innifsek fil-ġlieda,” huwa jgħid fil-bijografija tiegħu.

Kont taf?

Li minkejja li Mandela dejjem ċaħad, għal raġunijiet politiċi, li qatt kien membru tal-Partit Komunista, riċerka storika ppubblikata fl-2011 evidentament turi li huwa kien ingħaqad fl-aħħar tas-snin 50 jew fil-bidu tas-sittinijiet. Dan ġie kkonfermat kemm mis-SACP kif ukoll mill-ANC wara l-mewt tiegħu.

  • Nelson Mandela kien fuq il-lista ta’ sorveljanza tat-terroriżmu tal-Istati Uniti għal 47 sena.

Il-President tal-Istati Uniti Ronald Reagan qies lil Nelson Mandela bħala terrorist u poġġih fuq il-lista ta’ sorveljanza tat-terroriżmu.

Il-President Reagan ma kienx waħdu, l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Margaret Thatcher kienet tqisu bħala persuna b’moħħ magħluq u li l-ANC kienet magħmula minn terroristi u komunisti.

Fl-1986, il-President Reagan ġie kkwotat jgħid li l-gvern tal-Afrika t’Isfel ma kienx obbligat li jinnegozja futur tal-pajjiż ma’ organizzazzjonijiet komunisti li użaw it-terroriżmu u l-vjolenza

Ismu tneħħa millista fl-2008.

  • Ivvota għalll-ewwel darba ta’ 76 sena.

Qabel l-1994, il-biċċa l-kbira tal-Afrikani t’Isfel ta’ karnaġġjon skur ma kinux jipparteċipaw fl-elezzjoni demokratika tal-mexxejja tagħhom.

Fl-elezzjoni tal-1994 fl-Afrika t’Isfel kien hemm ammont kbir ta’ votanti ta’ karnaġġjon skur li ħarġu biex jitfgħu l-vot tagħhom għall-ewwel darba.

Iktar minn 17-il miljun votant ta’ karnaġġjon skur minn 18-il sena ‘l fuq ħadu sehem fl-elezzjoni demokratika.

Kienet dik is-sena li Nelson Mandela wkoll ivvota għall-ewwel darba. Huwa ġie wkoll elett b’mod demokratiku bħala l-ewwel president ta’ karnaġġjon skur tal-Afrika t’Isfel.

Ix-xogħol ta’ Nelson Mandela ġie rikonoxxut madwar id-dinja.

Matul ħajtu, Mandela rċieva aktar minn 695 premju, inkluż il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1993.

  • Isem Nelson Mandela jibqa’ mfakkar sal-lum.

In-nies kienu jħobbu jonoraw ix-xogħol ta’ Mandela għal-libertà u d-drittijiet tal-bniedem. Bħallikieku dawk is-695 premju ma kinux biżżejjed, aktar minn 25 skola, università, u istituzzjonijiet edukattivi ġew imsemmija għalih. Mill-inqas 19-il scholarship u fondazzjonijiet għandhom l-isem Nelson Mandela, u saru iktar minn 95 skultura, statwi, jew biċċiet tal-arti tiegħu jew ġew iddedikati lilu.

Mandela miet fil-5 ta’ Diċembru tal-2013, fl-età ta’ 95 sena fid-dar tiegħu f’Johannesburg, l-Afrika t’Isfel. Huwa ngħata funeral statali li għalih attendew mexxejja globali. Huwa ġie midfun fid-dar rurali tiegħu f’Qunu, l-Afrika t’Isfel.

Ir-ristoranti jerġgħu jinfetħu sal-5pm mill-10 ta’ Mejju

Ir-ristoranti jerġgħu jinfetħu sal-5pm mill-10 ta’ Mejju

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin ilu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li mill-10 ta’ Mejju se jkomplu jitnaqqsu aktar miżuri, fosthom li r-ristoranti u l-isnack bars se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu imma sal-5pm, u wara jkunu jistgħu jkomplu s-servizz tagħhom permezz tat-take away. Ma’ kull mejda jista’ jkun hemm sa massimu ta’ 4 persuni.

Mill-10 ta’ Mejju wkoll se titneħħa r-restrizzjoni dwar sport professjonali fejn hemm kuntatt, u se jkun jista’ jerġa’ jibda t-taħriġ filwaqt li sport fejn m’hemmx kuntatt se jkompli kollu mingħajr spettaturi.

L-istess jgħodd għall-edukazzjoni tal-arti u attivitajiet ekstrakurrikulari, kif ukoll il-lezzjonijiet tad-duttrina. Is-swieq ukoll se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew.

Se jitneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex.

Il-Prim MInistru qal li dan kollu qed isir wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa li jħarsu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin, u s-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu f’dawn l-aħħar xhur in-negozji u l-ħaddiema.

Enable Notifications OK No thanks