Mużika Mużika: Serata ta’ nostalġija b’kanzunetti klassiċi

Mużika Mużika: Serata ta’ nostalġija b’kanzunetti klassiċi

It-tieni serata tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika li xxandret ilbieraħ kienet mimlija emozzjonijiet u nostalġija.

Is-semifinalisti flimkien ma’ kantanti stabbiliti interpretaw kanzunetti klassiċi Maltin, li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqgħu tant maħbuba u popolari.

Serata ppreżentata għal darb’oħra minn Keith Demicoli, Moira Delia u Clare Agius flimkien ma’ Taryn Mamo Cefai u Dorian Cassar.

Fis-serata finali tal-lejla nkunu nafu min hu r-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika!

Liema kanzunetta hija l-favorita tiegħek?

“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

Nitkellmu ma’ Ryan Hili, ir-rebbieħ tat-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta

Ryan, irnexxielek tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta. Mill-espressjoni li stajna naraw fuq wiċċek kont tidher sorpriż ħafna. X’għadda minn moħħok f’dak il-mument li kont taf li int ir-rebbieħ?

Dak il-ħin meta Ben Camille għajjat ismi, ma stajtx nemmen dak li qed nisma’. Il-fatt li kont mal-ewwel tlieta kienet diġà sorpriża kbira għalija, imma l-fatt li rbaħt kien mument li żgur ma stajtx nemmnu u li mhux ħa ninsa qatt. Ovvjament, kuntent ħafna u grat lejn dawk kollha li tawni s-sapport mill-bidu sal-aħħar.

Xi tfisser din il-kisba għalik personali u għall-karriera tiegħek?

Jien il-mużika nqisha bħala xi ħaġa ferm important f’ħajti. Il-fatt li ddeċidejt li nieħu sehem kien diġà pass kbir u r-rispons li rċevejt mill-bidu kien pożittiv. Il-fatt li rbaħt komplejt nemmen iktar fit-talenti tieghi u se nkompli naħdem biex nibqa’ nuri x’kapaċi nagħmel fil-karriera mużikali tiegħi.

Iddedikajt ir-rebħa għall-papà tiegħek. Għaliex? X’impatt għamel fuqek personali biex wasalt sa fejn wasalt illum?

Sfortunatament, il-papà marad u ħalliena f’temp ta’ xahar. Dan kollu fetaħli għajnejja u urieni biċ-ċar kemm illum hawn u għada ma nafx. Il-ħajja wisq qasira biex tieħu kollox for granted. Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, aqbad u agħmilha issa.

X’messaġġ tixtieq twassal permezz ta’ din ir-rebħa?

Kull min għandu ħolma jagħmel mezz biex għallinqas jipprova jieħu l-ewwel pass. Qatt mhu tard wisq u jekk ma temminx li kapaċi u tkun tajjeb, ikun dispjaċir kbir.

Xi tgħidilna dwar it-tliet finalisti l-oħra?

F’din l-edizzjoni nħoss li veru konna grupp sabiħ. Ir-relazzjoni mal-kontestanti kienet waħda mill-isbaħ u baqgħet sal-aħħar mal-finalisti l-oħra. Kollha kemm huma bravi u l-fatt li d-distakk fil-punti kien ftit turi kemm ir-rebħa setgħet kienet ta’ kulħadd.

Kif għidt int ukoll, fl-edizzjoni ta’ din is-sena nħass spirtu ta’ għaqda bejn il-kontestanti. Ma’ liema kontestanti kont l-aktar viċin?

Kif għidt qabel, ir-relazzjoni mal-kontestanti l-oħra kienet waħda tajba ħafna. Ovvjament, inħoss li kont iktar viċin ma’ Kevin Paul u Drakard għax ħdimna flimkien mill-bidu nett. It-tnejn li huma kienu ta’ sapport kbir għalija.

Ryan, għidilna ftit dwarek u l-istorja tiegħek. Min hu eżattament Ryan Hili? Kif tiddeskrivi ħajtek sal-lum?

Ryan huwa persuna mistħi ħafna imma li lest li jagħmel kollox biex jgħix ħajtu bl-aħjar mod possibbli. Bħalissa naħdem bħala għalliem tad-disinn u teknoloġija fi skola sekondarja. Il-mużika nqisha bħala prijorità u nixtieq li fil-futur qarib inkompli nikber f’dan il-qasam.

B’mod inġenerali, x’kienu l-akbar ostakli li kellek tiffaċċja f’ħajtek?

L-aktar żewġ ostakli li kelli negħleb kienu l-fatt li ma nagħtix kas il-midja soċjali ħafna (fejn jidħlu kummenti negattivi) kif ukoll li noħroġ minn qoxorti meta ġejt biex nipprepara l-kanzunetti.

X’kien li ħajrek tipparteċipa f’X Factor Malta?

Jien qatt ma pparteċipajt f’xejn hawn Malta, però minn dejjem xtaqt li nagħmel dak il-pass. L-X Factor ilni nsegwih mindu kont żgħir u kont naffaxxina ruħi nara l-progress li kienu jagħmlu l-kantanti mill-bidu sal-aħħar. Apparti minn hekk jien inħobb insegwi l-Eurovision Song Contest, allura minn dejjem kien hemm dik il-ħajra għall-kompetizzjoni.

Kif tiddeskrivi l-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta mill-bidu sal-aħħar?

L-avventura kienet waħda surreali fis-sens li bdejt mix-xejn u rnexxieli nasal sal-quċċata. Tgħallimt ħafna minn din l-esperjenza u rnexxieli niltaqa’ ma’ ħafna nies bravi u naħdem ma’ ħafna nies stabbiliti.

Kif kienet l-esperjenza tiegħek mal-erba’ ġurija, partikolarment ma’ Howard?

L-esperjenza mall-ġurija kienet waħda tajba ħafna, tgħallimt ħafna mingħandhom u avolja ma kinux il-mentors tiegħi xorta għenuni. Howard kien l-aqwa mentor li qatt seta’ kelli. Irnexxielu joħroġni minn qoxorti u baqa’ sal-aħħar jgħallimni kif għandi nkun artist komplut. Kien hemm żmien fejn kienet diffiċli għalina biex insibu kanzunetta adattata għalija, però llum il-ġurnata nirringrazzja ‘l Alla bl-għażliet li għamilna għax nemmen li kienu kollha ta’ kwalità. Howard huwa peruna li jaf x’inhu jagħmel u kull suġġeriment li tani dejjem ħareġ il-frott minnu.

Fl-audition tiegħek esprimejt il-fatt li xtaqt tipparteċipa qabel f’X Factor Malta iżda ma kontx kunfidenti biżżejjed. Għaliex?

Domt ħafna biex iddeċidejt li nieħu sehem għas-sempliċi raġuni li jien qatt ma rajt lili nnifsi lest biex nidher quddiem in-nies. Il-fatt li jien għandi ‘bionic hand’ ma kinitx tgħin fid-deċiżjoni għax bżajt ħafna mill-kummenti ħżiena tan-nies. Il-midja soċjali tista’ tkun waħda pożittiva però tista’ tkun negattiva wkoll.

Liema mumenti mill-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta tgħożż l-aktar? U liema prestazzjoni hija l-aktar għal qalbek?

L-iktar mumenti għal qalbi apparti meta rbaħt huma meta kien ikollna r-rehearsals. Il-memorji li għandi huma ħafna u napprezza lil kull kontestant, lit-tim tal-midja soċjali, kif ukoll lill-crew kollu li tella xow mill-isbaħ. L-iktar prestazzjoni li ħadt gost nagħmel kienet tal-Live Show 4 għax kantajt f’nofs l-udjenza.

X’inhi r-reazzjoni tiegħek għar-rispons qawwi li rċevejt u għadek tirċievi mill-pubbliku? Stennejt daqshekk sapport?

Is-sapport li kelli mingħand in-nies kien kbir. L-għada li rbaħt irċevejt ħafna messaġġi u kummenti pożittivi u għadni nirċievi s’issa wkoll. Napprezza immens lil kull min b’xi mod jew ieħor tani s-sapport għax bis-saħħa tagħhom irnexxieli nasal s’hawn.

Int ukoll għalliem. X’reazzjonijiet kellek mill-kollegi u l-istudenti tiegħek wara li rbaħt?

Il-kollegi kienu ta’ sapport kbir għalija. Mill-ewwel ġurnata tawni ħafna sapport u anke sorpriżi wara l-finali għamluli. L-istudenti mhux inqas. Kull xħin rawni fil-kurituri tal-iskola kienu jgħajtuli biex jgħiduli li vvutawli u biex jgħiduli prosit.

Matul il-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta, ġieli rċevejt kritika li affettwatek? Kif taġixxi għall-kummenti li jkunux qed iwasslu kritika kostruttiva, iżda personali?

Fortunatament ma tantx kelli kritika negattiva u dik apprezzajta ħafna. Il-ftit li kien hemm pruvajt ma nagħtix kashom għax ħafna minnhom kienu jkunu minn ‘fake profiles’. Minn kollox issib u naf biċ-ċert li ħa nibqa’ nsib. Ma tistax tingħoġob ma’ kulħadd.

Irbaħt is-somma ta’ €50,000. X’beħsiebek tagħmel bihom?

Il-ħamsin elf beħsiebni ninvestihom fil-mużika billi nużahom biex nixtri xi apparat ħalli nkun nista’ naħdem fuq il-mużika tiegħi stess.

X’inhu l-pass li jmiss għal Ryan Hili?

Il-pass li jmiss hu li niffoka iktar fuq mużika oriġinali kif ukoll anke naħdem ma’ kantanti oħra stabbiliti. Meta konna inkunu rehearsals konna nifthemu biex la jgħaddi kollox nibdew nikkollaboraw flimkien.

Kieku kellek tikteb kanzunetta f’dan il-mument, dwar xiex tkun?

F’dan il-mument probabbli nikteb kanzunetta dwar kif wieħed m’għandux jaqta’ qalbu. Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom.

Hemm xi artisti Maltin li tixtieq tikkollabora magħhom fil-futur?

Hemm ħafna kantanti li nixtieq naħdem magħhom, però l-iktar tnejn huma Amber u Brooke.

Għandek xi ħolm partikolari li tixtieq twettaq?

Waħda mill-ħolmiet tiegħi hi li nkanta jew nirrappreżenta lil Malta f’pajjiż differenti.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li qed jaqraw din l-intervista?

Minn qalbi nixtieq li kull min għandu xi ħolma u qed iżomm lura, jagħmel mezz biex għallinqas jipprova. Il-ħajja wisq qasira biex inżommu lura u importanti li ngħixu l-ħajja b’mod komplut.

Danusan jirritornaw b’sitkom ġdid mill-Ħadd 13 ta’ Frar!

Danusan jirritornaw b’sitkom ġdid mill-Ħadd 13 ta’ Frar!

Wara madwar 10 snin, mill-aħħar sitkom tagħhom bl-isem ta’ Londri, Danusan se jkunu qed jirritornaw b’sitkom ġdid bl-isem ta’ Il-Willy.

Il-Willy se jibda jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fid-21:00 fuq ONE, mit-13 ta’ Frar.

Dan huwa sitkom li fih mhux se tara s-soltu qtil, dwejjaq u drogi, iżda li se jpoġġilek tbissima fuq wiċċek. L-istorja se ddur mal-Willy u l-Bobby. Dawn żewġt iħbieb kbar minn meta kienu żgħar. Il-Bobby meta kiber daħal qassis u l-Willy baqa’ ftit mgerfex, iżda xorta waħda baqgħu ħbieb. Darba, waqt li l-Willy ikun qed isuq jidħol ġo wieħed li jsejħulu l-Pajp. Il-Pajp ma tiċċajtax miegħu. Il-Willy ma jkollux flus biex iħallas id-dejn li daħal fih u allura jibda jara x’se jivvinta.


Kull episodju ta’ Il-Willy se jkun twil madwar 24 minuta biss iżda Danusan qed jassiguraw li se jkunu episodji mexxejja u li se jwaħħlu lis-segwaċi mat-televiżjoni!

Ċertament se jkun ħin ideali biex tpoġġi bilqiegħda mal-familja u tidħku daħka flimkien.


F’dan is-sitkom se niltaqgħu ma’ diversi karattri oħra li se jinterpretawhom kemm atturi li huma pjuttost uċuħ ġodda kif ukoll atturi stabbiliti fosthom Daniel Chircop, Chrysander Agius, Ian Fenech, Marthese Mangion, Lea Hallett, Manuel Baldacchino, Jamie Cardona, Paulette Gafà, Matthew Raggio, Miguel Samuel u Orietta Cardona.

Il-futboler ta’ Man Utd Mason Greenwood arrestat fuq allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali u theddid

Il-futboler ta’ Man Utd Mason Greenwood arrestat fuq allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali u theddid

Il-futboler ta’ Manchester United, Mason Greenwood ġie arrestat fuq allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali u theddid ta’ qtil.

Manchester United qalu li ż-żagħżugħ ta’ 20 sena, mhux se jkun qed jilgħab mal-klabb qabel avviż ieħor.

Il-pulizija arrestat lil Greenwood wara li ttellgħu ritratti u vidjows fuq il-midja soċjali minn mara li rrappurtat inċidenti ta’ vjolenza fiżika.

Ġie rrappurtat li bħalissa għaddejja l-investigazzjoni u l-mara qed tingħata sapport speċjalizzat.

Greenwood li ddebutta mal-klabb f’Marzu tal-2019, iffirma kuntratt ta’ erba’ snin fi Frar tal-2021 wara li tela’ fil-gradi tal-Akkademja.

Nhar il-Ħadd, Manchester United qalu li l-klabb huwa kontra u jikkundanna kull tip ta’ vjolenza u filwaqt li huma konxji tal-allegazzjonijiet iżda mhumiex se jikkummentaw aktar sakemm jiġu stabbiliti l-fatti.

Xi jfisser l-isem tal-grupp mużikali Skald? U x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Xi jfisser l-isem tal-grupp mużikali Skald? U x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Nitkellmu mal-membri tal-grupp mużikali Malti SKALD

Se tkunu qed ittellgħu żewġ kunċerti fi Spazju Kreattiv nhar il-Ġimgħa t-28 u s-Sibt id-29 ta’ Jannar. Kif wasaltu għall-pjan li ttellgħu dawn il-kunċerti? U x’għandhom jistennew mis-serata dawk li se jattendu?

Ġejna mistiedna biex intellgħu dan il-kunċert minn Spazju Kreattiv. Kull membru kien ilu bix-xewqa li jdoqq fi Spazju Kreattiv għal żmien twil. Il-post huwa wieħed intimu u laqa’ diversi passjonijiet artistiċi u xogħlijiet teatrali differenti bħal reċti, kunċerti u pantomimi. Ma naħsibx li qatt kellna l-opportunità li ndoqqu f’sala ċirkolari fejn l-ispettaklu jingħata ċ-ċentru tal-attenzjoni b’mod mhux biss figurattiv iżda letterali. Iddedikajna ħafna ġimgħat ta’ prattika akkost tar-restrizzjonijiet u intoppi li esperjenzajna minnħabba l-pandemija. Għandkom tistennew tnedija ta’ xogħol ġdid minn Skald u wirja t’iżjed talenti lokali bħal m’huma ta’ Rea u Ċikku l-Poplu.

Xi jfissru dawn il-kunċerti għal Skald? U għalikom personali?

Nixtiequ li nżommu l-kuntatt mal-pubbliku f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli għall-arti. Nerġgħu ntennu li kienet ilha x-xewqa li niġu milqugħa fil-palk ta’ dan it-teatru żgħir. Inħossu li l-atmosfera sferika mudlama se tkun ta’ benefiċċju għall-għan li nerġgħu nolqtu l-udjenza fil-qalb u l-laħam il-ħaj.

Tistgħu tiżvelaw xi ħaġa dwar il-kunċerti?

Se nkunu qiegħdin nużaw ‘props’ li jorbtu mas-sinifikat ta’ kull diska. Preparajna xogħol ġdid kif ukoll xogħol li diġà ssemma’ qabel. L-aħħar diski li nkitbu se jħejju d-direzzjoni għall-album li jmiss, dejjem jekk id-destin jippermetti.

Kif oriġina l-grupp mużikali SKALD? Kif ingħaqadtu u kif ġiet l-idea għall-isem?

Nixtiequ li nistgħu nirrakkuntawlek xi storja drammatika imma r-realtà hi li ma kellniex ħsieb li ningħaqdu għal tul ta’ żmien. Kien ġie avviċinat wieħed minna biex jgħaqqad grupp malajr ħalli ninterpretaw xi kitbiet ta’ Dun Karm Psaila u ġejna mitlubin nipprovdu isem ta’ band biex ikun jista’ jiġi inkluż fil-programm ta’ dakinhar.

Diġà ma konniex komdi bil-ħin li kellna għall-prattika allura ħriġna b’wieħed ta’ malajr, “Skald”. Ma kellu l-ebda sinifikat ħlief li konna qed indoqqu f’garaxx mimli injam u wieħed kellu joqgħod attent ma jdaħħalx skalda f’subgħajh.

Ftit wara sirna nafu li b’kumbinazzjoni, il-kelma ‘skald’ għandha sinifikat fl-Iskandinavja fejn kienet tiddeskrivi mużiċist jew għannej li kien jirrakkonta poeżiji fuq l-istejjer erojċi ta’ xi persuna.

Koinċidentalment, din kienet r-raġuni għaliex iltqajna, biex indoqqu poeżiji ta’ Dun Karm li fosthom kienu jfaħħru personaġġi bħal Mikiel Anton Vassalli. Meta eventwalment iddeċidejna nkomplu, żammejna l-isem.

Ġeneralment, minn fejn tkun ispirata l-mużika tagħkom?

Hija wisq varjata biex inpoġġuha f’qoffa waħda. Hemm diski li damu ġimgħat biex inkitbu. Hemm diski fejn il-maġġorparti tax-xogħol ikun tlesta waqt estru fis-sagħtejn ta’ filgħodu mill-kantant. Hemm diski li ġew maħsuba fis-sewqan lejn id-dar waqt li konna mwaħħlin fit-traffiku.

L-ispirazzjoni tiġi minn kullimkien. Esperjenzi personali, l-ambjent, l-istorja Maltija, il-letteratura, il-lingwa u anki xogħol artistiku. Il-kitba wkoll tista’ tiġi minn kull wieħed minna.

X’messaġġ tippruvaw twasslu permezz tal-mużika tagħkom?

Kull diska hija differenti imma fl-aħħar mill-aħħar, naħsbu li kollox jorbot mat-tama. Jekk nirrakkuntaw xi storja daqsxejn kiefra, hija dejjem bl-intenzjoni li ma jiġix ripetut l-iżball.

Liema tqisu li kienu l-isbaħ mumenti ta’ Skald s’issa?

Wieħed mill-akbar mumenti ta’ tferfir kien meta ġejna mwiegħda sapport biex naħdmu u eventwalment invaraw l-ewwel album tagħna. Ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed kemm hu diffiċli tipproduċi album u kemm hemm bżonn paċenzja, dedikazzjoni u investiment qawwi biex iseħħ kollox.

L-istess tferfir reġa’ tfaċċa meta ġietna l-opportunità li ndoqqu l-Portugal flimkien. Hija wisq sabiħa u t’unur li tkun tista’ tagħti wirja ta’ mużika Maltija ‘l barra minn xtutna.

Mument ieħor li jibqa’ ankrat fil-memorja hu l-kunċert li rrekordjajna ġewwa l-Manoel, Skaldatura. Kellna l-opportunità li npoġġu xogħlijiet tagħna maġenb dawk ta’ Trevor Zahra taħt l-istess bozza. Minħabba l-pandemija, ma setax ikollna udjenza preżenti, iżda jekk hemm post wieħed f’Malta fejn artist għandu jdoqq f’post baħħ bil-qalb kollha, dak il-post huwa l-Manoel. Il-maesta tat-teatru kienet l-unika spettatriċi tagħna, u kien privileġġ li ndoqqu għaliha.

Tħossu li l-mużika Maltija hija apprezzata biżżejjed?

Kunfidenti ngħidu li s-sitwazzjoni sejra għall-aħjar. Kien hemm żmien fejn il-Malti ma kienx ikollu lanqas ċans imiss mar-radju popolari. Illum il-ġurnata, l-affarijiet inbidlu. Hemm ħafna iżjed gruppi li jkantaw bil-Malti. Hemm ħafna iżjed kittieba li jiktbu bil-Malti. Hemm kunċerti ferm akbar bħal mhu dak ta’ Mużika Mużika. Hemm opportunitajiet biex tirbaħ investiment għal kontribuzzjoni kulturali bħal mhu album bil-Malti jew filmat mużikali ta’ diska Maltija. Hemm artisti li huma diġà stabbiliti li qiegħdin joħorġu u jipproduċu iżjed mużika bil-Malti. Mexjin ‘il quddiem.

Liema mill-kanzunetti li ħriġtu s’issa tħossu li ħalliet impatt l-aktar?

Probabbilment hija Kura peress li kienet il-kavallier fuq quddiem tal-album tagħna. Hija l-iżjed diska minn tagħna li nstemgħet fuq radju, YouTube u anki Spotify. Kura hija diska pjuttost sempliċi li tittratta fuq tradiment romantiku. Madanakollu, dan hu suġġett li jolqot ħafna nies. Anki min m’għaddiex minnha kapaċi jifhem il-kuntest u jpoġġi ruħu fl-istess sitwazzjoni.

Għandkom xi pjanijiet oħra għax-xhur li ġejjin?

Hemm lok li naqgħu ftit kwieti immedjatament wara l-kunċert ġewwa Spazju Kreattiv minnħabba li hemm xi membri għandhom bżonn jiffukaw fuq il-ħajja personali. Iżda malli joqrob is-sajf, ħa nkunu qed noħorġu mużika ġdida. Hija x-xewqa tagħna li terġa’ tiġi opportunità biex nipproduċu album ieħor. Din id-darba, il-kontenut jirrifletti iżjed ideat ġodda wara l-ewwel album Kura. Qed nesperimentaw bi strumenti u tekniki ġodda li se rrendu materjal li joħloq kuntrast ma’ dak li ħdimna fuqu s’issa.

X’messaġġ tixtiequ twasslu lil min qed jaqra din l-intervista?

Sabiex jinkiteb album, ikun hemm bżonn li numru ta’ mużiċisti jiltaqgħu regolarment għal żmien twil ħafna. Dan kollu mill-ħin personali tagħhom. Biex il-mużika toħroġ sabiħa, qed jintużaw strumenti li jiswew l-eluf. Biex jinkera studjo u jiġi rrekordjat, hemm bżonn ġranet sħaħ ta’ xogħol u iżjed eluf. Hemm bżonn flus biex jipproduċu d-diski, biex jiġu ppublikati onlajn u biex jiġu reklamati fuq midja soċjali. Hemm bżonn l-eluf biex jittella’ kunċert sabiex tikri post, tikri d-dawl, tikri l-makkinarju u tqabbad id-diversi inġiniera, ħaddiema u nies tekniċi biex jarmaw kollox.

Appoġġjaw l-artisti lokali bil-but. Hija inutli li wieħed igerger fuq in-nuqqas ta’ mużika Maltija jekk iqarras wiċċu meta jara li jrid joħroġ karta t’għaxar ewri biex jixtri CD jew jara kunċert. Kunu afu li fil-maġġor parti tad-drabi, il-mużika mhi trendi kważi xejn lill-artist, anzi, tipikament jiġri bil-kontra u jispiċċaw jinħarġu flus mill-but. Iċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija għamlet l-affarijiet ħafna iżjed diffiċli. L-affarijiet iggravaw u l-artisti lokali għandhom bżonn il-pubbliku iżjed minn qatt qabel.

Enable Notifications OK No thanks