Select Page
Michaela Jaé Rodriguez issir l-ewwel attriċi trans li rebħet il-Golden Globe Award

Michaela Jaé Rodriguez issir l-ewwel attriċi trans li rebħet il-Golden Globe Award

L-istilla tas-sensiela televiżiva Pose, Michaela Jaé Rodriguez saret l-ewwel attriċi trans li rebħet il-premju tal-Golden Globe.

Michaela Jaé Rodriguez rebħet il-premju tal-aqwa attriċi f’drama televiżiva fil-Golden Globes, li din is-sena ma ġietx imxandra fuq it-televiżjoni. F’din il-kategorija kien hemm ukoll Jennifer Aniston, Uzo Aduba, Elizabeth Moss, u Christine Baranski.

Hija rebħet il-premju għall-interpretazzjoni tagħha fis-serje rebbieħ tal-Emmy Award, Pose, li ħareġ l-aħħar staġun tiegħu fis-sajf li għadda

Pose, sensiela ambjentata fi New York tal-aħħar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90, tittratta fuq il-kultura tal-ballu u l-komunità LGBTIQ, il-kriżi tal-AIDS u l-kapitaliżmu.

Is-serje ssegwi lil Blanca, interpretata minn Rodriguez, hekk kif tibda d-“dar” tagħha stess, familja ta’ żgħażagħ LGBTIQ miċħuda u tipprova ssir leġġenda.

L-istilla ta’ Pose qalet li l-premju tagħha huwa l-bieb li se jiftaħ il-bieb għal ħafna aktar individwi żgħażagħ b’talent.

Emma Watson tiġi akkużata b’antisemitiżmu wara li wriet solidarjetà mal-Palestinjani

Emma Watson tiġi akkużata b’antisemitiżmu wara li wriet solidarjetà mal-Palestinjani

Post fuq Instagram favur il-Palestinjani mill-istil la ta’ Hollywood Emma Watson qanqlet akkużi ta’ antisemitiżmu mill-politiċi Iżraeljani.

Dan wara li l-attriċi, magħrufa għall-interpretazzjoni tal-karattru Hermione Granger fil-films ta’ Harry Potter, tellgħet ritratt ta’ rally favur il-Palestinjani li fuqu kien hemm il-kliem “Solidarjetà hija verb”, flimkien ma’ kwotazzjoni mill-akkademja Sara Ahmed fuq it-tifsira ta’ solidarjetà.

Sal-Erbgħa, il-post kellu aktar minn 1.2 miljun like, kif ukoll eluf ta’ kummenti maqsuma bejn dawk li jappoġġjaw lil Watson u dawk li jikkritikaw il-pożizzjoni tagħha.

Il-post ġibed ukoll l-attenzjoni tal-politiċi Iżraeljani, inkluż Danny Danon, l-eks ambaxxatur tal-pajjiż għan-Nazzjonijiet Uniti, li qasam il-post ta’ Watson fuq il-profil ta’ Twitter tiegħu u kiteb “10 punti minn Gryffindor talli hija antisemita”.

Gilad Erdan, l-ambaxxatur attwali ta’ Iżrael għan-NU, irreaġixxa wkoll għall-post ta’ Watson u qal li l-finzjoni tista’ taħdem f’Harry Potter iżda ma taħdimx fir-realtà.

Ed Sheeran jgħid li kważi qatel lil Elton John waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali tal-Milied

Ed Sheeran jgħid li kważi qatel lil Elton John waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali tal-Milied

F’intervista, Ed Sheeran żvela storja li minkejja taf tnissel tbissima wkoll setgħet spiċċat ħażin!

Sheeran qal li f’mument waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali tal-kanzunetta li niedew ftit ġranet ilu, Merry Christmas, kważi qatel lil Elton John.

Huwa qal li fix-xena fejn hu jidher liebes ta’ “sexy santa”, ta’ daqqa ta’ sieq lil rigal li fuqu kellu qanpiena kbira tal-metall, li taret u għaddiet bl-eżatt minn ħdejn ras Elton John.

Kurżità oħra interessanti hija li attriċi u żeffiena Maltija ħadet sehem fil-vidjow mużikali!

Giulia Rose, li tgħix Londra, ġiet infurmata ġurnata biss qabel il-ġbid li kienet ġiet magħżula biex tkun parti minn dan il-vidjow mużikali.

L-artista Maltija qalet li kien biss meta rathom li bdiet temmen li kellha opportunità bħal dik ma’ żewġ stilel tal-mużika. Hija tiddeskrivi l-esperjenza bħala waħda li ma tinsa qatt.

L-istilla ta’ Bad Habits, ta’ 30 sena u l-leġġenda tal-mużika Sir Elton John, ta’ 74 sena, niedew il-kollaborazzjoni tagħhom il-ġimgħa li għaddiet.

Il-kanzunetta bħalissa riesqa lejn in-numru 1 fil-klassifika tas-singles tar-Renju Unit u hija waħda mit-tliet kanzunetti tal-festi li John u Sheeran kitbu flimkien.

Din il-kanzunetta hija l-ewwel diska tal-Milied ta’ Sheeran, filwaqt li John huwa magħruf għall-kanzunetta tiegħu tal-Milied tal-1990 Step Into Christmas.

Huwa mifhum li l-Vidjow mużikali huwa maħdum biex jagħti ġieħ lil xi kanzunetti klassiċi tal-Milied u joħloq mill-ġdid xeni emblematiċi minn Last Christmas ta’ Wham, Merry Christmas Everyone ta’ Shakin’ Stevens, Walking in the Air ta’ The Snowman u Stay Another Day ta’ East 17.

Mara tallega li ġiet stuprata minn Diego Maradona meta kellha 16-il sena

Mara tallega li ġiet stuprata minn Diego Maradona meta kellha 16-il sena

Mavys Alvarez, Kubana ta’ 37 sena, li kellha relazzjoni mal-istilla tal-futbol Diego Maradona madwar 20 sena, qed tallega li l-eks plejer tal-Arġentina kien stupraha meta kellha 16-il sena u tgħid li serqilha t-tfulija.

Hija xehdet il-ġimgħa l-oħra quddiem il-qorti tal-Ministeru tal-Ġustizzja Arġentin li qed tinvestiga l-allegazzjonijiet tagħha.

Maradona, meqjus bħala wieħed mill-akbar stilel tal-futbol li qatt kien hawn, miet sena ilu fil-25 ta’ Novembru.

L-allegazzjoni tirrigwarda vjaġġ li Alvarez għamlet lejn l-Arġentina ma’ Maradona fl-2001 meta hu kellu madwar 40 sena u hi kellha 16-il sena.

Alvarez qalet li ltaqgħet mal-istilla tal-futbol għall-ewwel darba ftit qabel il-vjaġġ, meta kien Kuba biex jieħu trattament għall-vizzju tad-droga.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Buenos Aires, Alvarez qalet li Maradona kien stupraha fil-klinika ta’ fejn kien qed joqgħod, filwaqt li ommha kienet tinsab fil-kamra ta’ ħdejhom..

Hija qalet li Maradona għattielha ħalqha u abbużaha, u li dak il-mument serqilha t-tfulija tagħha.

Filwaqt li f’diversi drabi hija ddeskriviet ir-relazzjoni tagħhom bħala kunsenswali, iżda qalet ukoll li Maradona tal-inqas f’okkażjoni waħda sforza lilu nnifsu fuqha.

Alvarez qalet li l-familja tagħha ppermettiet biss ir-relazzjoni tagħha ma’ Maradona, minkejja d-differenza kbira fl-età, minħabba l-ħbiberija ta’ Maradona mal-eks President Kuban Fidel Castro.

Filwaqt li stqarret li ma kinitx faċli għaliha li tiżvela dak li ġara lilha f’pajjiż fejn Maradona hu meqjus bħala idolu, hija ssostni li ddeċidiet li tagħmel dan sabiex tgħin lil vittmi oħrajn b’kull mod li tista’.

Wara 13-il sena Britney Spears terġa’ tieħu l-kontroll ta’ ħajjitha f’idejha

Wara 13-il sena Britney Spears terġa’ tieħu l-kontroll ta’ ħajjitha f’idejha

Għal dawn l-aħħar 13-il sena, bosta aspetti tal-finanzi u l-ħajja personali tal-istilla tal-pop Britney Spears kienu qed jiġu kkontrollati minn missierha li kien il-gwardjan legali tagħha.

Dan beda fl-2008, wara li l-kantanta iffaċċjat kriżi pubblika ta’ saħħa mentali.

Ftit jiem ilu, il-qorti ħelset lill-kantanta minn kull irbit legali ma’ missierha. Hija ddeskriviet din il-ġurnata bħala l-isbaħ jum ta’ ħajjitha.

F’Ġunju, il-kantanta kienet talbet lill-imħallef biex iwaqqaf l-arranġament legali li kien sar, li fi kliemha kien wieħed abbużiv u qalet li kienet trawmatizzata.

F’Settembru, missierha, li ċaħad bil-qawwa kull aġir ħażin, tneħħa minn gwardjan legali. Madanakollu, issa l-imħallef iddeċieda li jtemm l-arranġament legali kompletament.

Dan ifisser li l-kantanta fl-aħħar għandha l-libertà li tieħu d-deċiżjonijiet mediċi, finanzjarji u personali tagħha għall-ewwel darba mill-2008.

Din id-deċiżjoni ġiet milqugħa minn ferħ u ċelebrazzjonijiet tal-fans ta’ Spears.

Min-naħa tagħha, hija qalet li l-fans tagħha salvawlha ħajjitha, għall-fatt li ma waqfux jistaqsu u jxerdu pubblikament dak li kienet għaddejja minnu waqt li hi kienet imsikkta u mhedda.

Enable Notifications    OK No thanks