Select Page
Ir-Reġina Eliżabetta II ssir it-tieni monarka fl-istorja li serviet għal żmien twil

Ir-Reġina Eliżabetta II ssir it-tieni monarka fl-istorja li serviet għal żmien twil

Ir-Reġina saret it-tieni monarka fl-istorja li serviet għal dan it-tul ta’ żmien.

Nhar it-Tnejn li għadda, ir-Reġina mmarkat is-70 sena u 127 jum tagħha fuq it-tron. Dan jagħmilha t-tieni wara Louis XIV ta’ Franza li sar Re fl-età ta’ erba’ snin.

Hija taqbeż lir-Re tat-Tajlandja Bhumibol Adulyadej, li miet fl-2016.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Ġublew tal-Platinum tar-Reġina kien immarkat b’erbat ijiem ta’ ċelebrazzjonijiet madwar ir-Renju Unit.

Hija laħqet uffiċjalment is-70 sena bħala Reġina fis-6 ta’ Frar, bil-weekend tal-vaganzi bankarji estiż magħżul għall-avvenimenti tal-Ġublew.

Ħafna mill-avvenimenti, inkluż pageant, Trooping the Color u kunċert mimli stilel fil-Palazz ta’ Buckingham, kienu jinvolvu element ta’ barra aktar adattat għax-xhur tas-sajf.

Jekk ir-Reġina tkun għadha tirrenja f’Mejju tal-2024 hija tieħu t-titlu tal-itwal monarka renjanti ta’ stat sovran.

Ir-renju ta’ Louis XIV ta’ 72 sena u 110 jum kien mill-1643 sal-1715. Imma beda jmexxi personalment biss fl-20 sena tiegħu, fl-1661.

Ir-Reġina saret monarka fl-età ta’ 25 sena, wara l-mewt ta’ missierha fis-sigħat bikrin tas-6 ta’ Frar 1952.

F’Settembru tal-2015, saret l-aktar monarka Brittanika li damet tirrenja meta qabżet ir-renju tal-buż-bużnanna tagħha, ir-Reġina Victoria.

Dak iż-żmien hija kienet qalet li dan ma kienx titlu li qatt aspirat għalih. Dakinhar saret ukoll l-aktar monarka mara li damet tirrenja fl-istorja tad-dinja.

Ir-rekords l-oħra tagħha jinkludu li hija l-aktar reġina renjanti kbira fl-età u l-akbar monarka Brittanika kbira fl-età li qatt kien hemm.

Ir-Reġina, li għandha problemi ta’ mobilità, qed tieħu inqas dmirijiet uffiċjali dan l-aħħar, bil-membri tal-familja tagħha, notevolment il-Cambridges u l-Prinċep Charles u Camilla, jieħdu rwol aktar prominenti.

Hija ferħet lil ħafna billi dehret fuq il-gallarija tal-Palazz ta’ Buckingham fi tmiem il-ġimgħa tal-Ġublew u għadu mhux magħruf meta se tidher fil-pubbliku li jmiss.

Fl-għeluq tal-weekend tal-Ġublew, f’ittra ta’ ringrazzjament lill-pubbliku Brittaniku qalet li kienet kommossa bin-numru ta’ nies li ċċelebraw flimkien magħha.

Hija kienet assenti f’xi wħud mill-avvenimenti, iżda qalet li “qalbi kienet magħkom ilkoll”, u żiedet: “Jien nibqa’ impenjata li nservikom mill-aħjar li nista’, appoġġjata mill-familja tiegħi.”

Kont taf li tattoo fuq il-wiċċ hija tradizzjoni għall-Māori ta’ New Zealand?

Kont taf li tattoo fuq il-wiċċ hija tradizzjoni għall-Māori ta’ New Zealand?

Reċentement irrappurtajna aħbar dwar il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ New Zealand Nanaia Mahuta, relatata mal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Lil hinn mill-aħħar, bosta kkummentaw dwar it-tattoo li għandha fuq geddumha.

Imma kont taf li tattoo fuq il-wiċċ hija tradizzjoni għan-nies Māori ta’ New Zealand?

Għan-nisa Māori ta’ New Zealand, il-moko kauae, jew it-tattoo tradizzjonali femminili tal-geddum u x-xufftejn hija meqjusa bħala manifestazzjoni fiżika tal-identità vera tagħhom.

Għall-Māori, it-tattoo hija marbuta ma’ sens ta’ kburija u prestiġju. Ir-ras hija meqjusa bħala parti sagra tal-ġisem, għalhekk din it-tattoo li tissejjaħ Ta Moko kienet riservata għall-wiċċ biss u għall-Màori ta’ status soċjali għoli.

It-tattoo Ta Moko tirrifletti d-dixxendenza u l-istorja personali tal-individwu. Fi żminijiet preċedenti kien sinjal importanti ta’ status soċjali għoli, għarfien, ħila u eliġibilità għaż-żwieġ.

It-tattoo tradizzjonali tal-irġiel fuq il-wiċċ tissejjaħ Mataora u hija simbolu ta’ nobbiltà.

Fl-2016, Nanaia Mahuta, saret l-ewwel membru parlamentari fid-dinja li kellha t-tattoo Ta Moko fuq geddumha.

“Ħarġu għalina tal-patrol boats għax ħasbu li ġralna xi ħaġa” – Shirley dwar il-vidjow mużikali tal-kanzunetta Electricity

“Ħarġu għalina tal-patrol boats għax ħasbu li ġralna xi ħaġa” – Shirley dwar il-vidjow mużikali tal-kanzunetta Electricity

Ilbieraħ, il-kantawtriċi Shirley Cachia nediet il-vidjow mużikali tal-kanzunetta oriġinali tagħha bl-isem ta’ Electricity.

Electricity hija l-kanzunetta li Shirley kantat parti minnha fl-audition tagħha tat-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta. Fil-fatt, Shirley tgħid li meta saret taf li ġiet aċċetata għal X Factor Malta, riedet tapplika b’kanzunetta oriġinali tagħha biex turi lill-udjenza l-kapaċità tagħha bħala awtriċi.

Shirley tgħid li waqt li kienet qed tikteb Electricity, kienet taf li din kienet il-kanzunetta li riedet tkanta fl-audition tagħha u għalhekk kitbet l-ewwel parti tal-kanzunetta għall-audition, li ntgħoġbot mill-ġurija kif ukoll mill-udjenza hekk kif ixxandret l-audition tagħha.

Kien għalhekk li Shirley ddeċidiet li tkompli tikteb il-kanzunetta sakemm proprju lbieraħ qasmet il-verżjoni sħiħa tal-kanzunetta flimkien ma’ vidjow mużikali mal-pubbliku.

Il-kanzunetta Electricity tittratta dwar iż-żewġ naħat tal-istorja mill-perspettiva ta’ partner, dwar l-uġigħ tal-passat u l-affarjiet li ma tkunx għamilt sew, li tibża’ imma xorta trid terġa’ tħobb lil xi ħadd. Tittratta wkoll dwar il-perspettiva l-oħra, li f’dan il-każ hija tar-raġel, id-dispjaċir li ma ttrattax lill-mara sew u issa jaf x’kellu u tilef.

Madanakollu, dejjem hemm tama li nagħmlu l-affarijiet sewwa jekk irridu, allura Electricity hija dwar it-tama li għandna bżonn biex inkomplu nimxu ‘l quddiem. Dan kollu huwa spjegat tajjeb fil-vidjow mużikali.

F’kuntatt li Shirley għamlet magħna, qaltilna li waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali, xħin kienet qed tinġibed ix-xena ta’ fuq il-baħar, ħarġu għalihom tal-patrol boats għax ħasbu li ġralhom xi ħaġa peress li kienet dgħajsa waħedha, u naturalment dgħajsa oħra viċin tagħha minn fejn beda jinġibed il-vidjow.

Niko Demos – Rebħa ta’ Poplu – Dramm tal-Ġimgħa l-Kbira b’differenza

Niko Demos – Rebħa ta’ Poplu – Dramm tal-Ġimgħa l-Kbira b’differenza

Sa mill-1974, bi storja twila u esperjenza vasta, il-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin dejjem ħadmet bis-sħiħ biex ittella’ dramm tal-passjoni għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Dan id-dramm illum tista’ tgħid huwa marbut sewwa mal-ġranet tar-Randan u dawn il-festi tradizzjonali, kulturali u reliġjużi, li huma mfittxija ħafna f’pajjiżna. Id-dramm tal-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin jista’ jitqies bħala l-aktar wieħed antik f’Malta u minn dejjem kien minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kostumi mirquma u tal-epoka ta’ Ġesù, xeni maħduma b’tant ħila u ta’ kwalità għolja li jinbidlu minn sena għall-oħra, mużika u effetti viżwali li jkomplu jdaħħluk aktar fl-atmosfera ta’ dan iż-żmien għall-qalb ħafna dilettanti Maltin.

Matul is-snin, mal-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin, dejjem taw is-sehem tagħhom diversi atturi, minn dawk magħrufa sew fuq it-televiżjoni lokali sa dawk b’talent ġdid.

Id-dramm tal-2022, wara stennija ta’ sentejn minħabba l-pandemija, għandu t-titlu ta’ NIKO DEMOS – Rebħa ta’ Poplu u jorbot direttament mal-karattru ta’ Nikodemu li miegħu se ddur l-istorja kollha ta’ din is-sena. Fl-istess waqt NIKO (Rebħa) u DEMOS (Poplu) jirreferu għar-rebħa li kiseb Ġesù Kristu fuq l-għuda tas-salib, ir-rebħa tad-dawl fuq id-dlam.

L-istorja tad-dramm ta’ din is-sena ħarġet mill-pinna ta’ Etienne Micallef, li fil-passat kiteb drammi oħra bħal Mnara Dawl, is-Siġra tal-Ħajja, Vera Ikona u Faxex li kiseb ħafna kliem ta’ tifħir meta ttella’ fl-2019.

Id-direzzjoni se tkun tal-veteran Frank Micallef, li għandu esperjenza kbira fejn jidħlu dawn it-tip ta’ drammi tal-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Id-dramm għandu storja movimentata u li tħallik b’nisfek maqtugħ sal-aħħar minħabba l-kobba mħabbla li jidħlu fiha żewġ familji minn ambjenti differenti; familja sinjura Lhudija u familja Rumana viċin ħafna ta’ Pilatu.

Dan għaliex filwaqt li d-dramm hu mibni fuq fatti storiċi li jirrakkuntaw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, fih ukoll stejjer oħra li jduru ma’ Nikodemu, li mar għand Ġesù billejl. U dan jagħmlu għaliex ma xtaqx li sħabu, l-imlaħħqin tas-Sinedriju, isiru jafu fuq din il-laqgħa li kellu ma’ Ġesù.

It-tagħlima li toħroġ mill-persuna ta’ Nikodemu hija li jien ma nistax nogħġob lil Alla u lid- dimonju jew lil Ġesù u lin-nies. Nikodemu eżista tabilħaqq imma għad-dramm inħolqot il-familja tiegħu li hija mibnija kollha b’karattri immaġinarji li ħarġu mill-moħħ u l-pinna tal-awtur u li b’xi mod dawn ifakkruna f’temi li għadhom suġġetti jaħarqu sal-lum.

Temi bħad-diversità, l-imħabba bejn persuni tal-istess sess li dak iż-żmien kienet xi ħaġa li lanqas wieħed joħlomha u allura kienet tibqa’ mistura, l-idea li tarbija titħares mill-ġuf, l-idea tad-differenza fil-klassi soċjali u l-importanza tal-ġenituri li għandhom ikunu preżenti meta wliedhom ikunu qed jikbru. Il- missier patrijarkali li jagħżel is-sieħeb ta’ bintu mingħajr ma din ikollha għażla li tirrifjuta jew li taċċetta.

Temi tassew b’saħħithom li huma minsuġa sew bejn dawn iż-żewġ familji ta’ Nikodemu u ċ-ċenturjun Lonġinu. Ma jonqsux xeni emozzjonanti, xeni ħelwin li jnisslu tbissima u oħrajn xi ftit xokkanti li jqanqlu ċerti mistoqsijiet. U dak kien l-għan ewlieni ta’ Etienne Micallef, li permezz ta’ dramm li normalment jitqies minn xi wħud bħala ‘dejjem l-istess storja’, l-udjenza tersperjenza mumenti mqanqla li jħallu
effett fuqek.

Se jsiru tliet rappreżentazzjonijiet fis-sala Dumnikana fil-Belt Valletta fejn se jinżammu l-miżuri kollha marbuta mal-Covid 19. Dawn se jkunu t-Tnejn 11 t’ April 2022 fis-7:15pm, l-Erbgħa 13 t’April 2022 fis-7:15pm, u l-Ġimgħa 15 t’April 2022 (il-Ġimgħa l-Kbira) fid-9:30am fis-sala San Duminku Triq il- Merkanti l-Belt Valletta.

Biljetti jistgħu jinkisbu billi wieħed iċċempel fuq 99451909.

NIKO DEMOS – Rebħa ta’ Poplu, dramm li mhux ta’ min jitilfu!

Enable Notifications OK No thanks