by skoperta.net | 22/Jun/22 | L-Aħħar Aħbar
Id-Danimarka qed tippjana li toffri r-raba’ doża tal-vaċċin Covid-19 fil-ħarifa lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 50 sena, qalet il-Prim Ministru Mette Frederiksen nhar l-Erbgħa hekk kif ħabbret strateġija biex trażżan it-tixrid tal-marda fix-xhur li ġejjin.
Għalkemm l-infezzjonijiet tal-Covid-19 għadhom f’livelli baxxi, id-Danimarka rat żieda fin-numru ta’ każijiet wara li s-subvarjant BA.5 il-ġdid tal-Omicron, li jidher li jinfirex aktar malajr minn varjanti oħra, sar dominanti fil-pajjiż Nordiku.
Il-Prim Ministru Frederiksen qalet li mhux sorprendenti li joħorġu varjanti ġodda u li l-infezzjonijiet jistgħu jiżdiedu iżda dan qed iseħħ aktar kmieni milli kien mistenni u għalhekk qed tittieħed azzjoni issa.
by skoperta.net | 09/May/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-President Russu Vladimir Putin iddefenda l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fid-diskors annwali tiegħu ta’ dan il-jum ferm sinifikanti għall-pajjiż, u ħeġġeġ lill-forzi tiegħu għar-rebħa filwaqt li fakkar ir-rebħa tar-Russja fuq il-Ġermanja Nażista fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Putin sostna li l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna kienet meħtieġa minħabba li skont hu, il-Punent kien qed jipprepara għal invażjoni f’arthom, inkluża l-Krimea,” skont kummenti tradotti minn Reuters.
Mhux ċar jekk Putin kienx qed jirreferi għar-Russja, jew territorju li Moska tqis bħala Russu. Dan jinkludi l-Krimea, li annesset mill-Ukrajna fl-2014, u r-reġjun ta’ Donbas tal-Lvant, fejn jinsabu Donetsk u Luhansk, żewġ “repubbliki” awtoproklamati favur ir-Russja
Putin ma pprovda l-ebda evidenza għall-allegazzjonijiet tiegħu, iżda uża d-diskors biex jitfa’ l-ħtija fuq l-alleati tan-NATO u tal-Ukrajna, u jiġġustifika dak li r-Russja ssostni li hija “operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna.
Qabel l-invażjoni, ir-Russja kienet ġabret kważi 200,000 suldat tul il-fruntiera tagħha mal-Ukrajna, saħqet il-ħin kollu li ma kellha l-ebda intenzjoni li tinvadi. Ftit kien hemm evidenza taʼ aggressjoni militari mill-Ukrajna lejn ir-Russja, iżda t-talbiet ta’ Moska għall-kuntrarju kienu meqjusa minn ħafna bħala skuża biex jiġġustifikaw l-attakk tagħha.
Ir-rimarki saru hekk kif ir-Russja tfakkar wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fil-kalendarju nazzjonali tagħha, il-jum li jimmarka r-rebħa tal-Unjoni Sovjetika fuq il-Ġermanja Nażista fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Fid-diskors tiegħu nhar it-Tnejn, Putin ħeġġeġ lill-armata Russa lejn ir-rebħa fl-Ukrajna, u qal li kien hemm dmir li wieħed jiftakar lil dawk li għelbu n-Nażiżmu.
“Li niddefendu l-Patrija meta d-destin tagħha jkun qed jiġi deċiż dejjem kienet sagra,” qal. “Illum qed tiġġieldu għan-nies tagħna f’Donbas, għas-sigurtà tar-Russja, art twelidna.”
Kien mistenni ħafna li Putin seta’ juża d-diskors biex iħabbar rebħa fl-Ukrajna jew gwerra sħiħa fuq il-pajjiż. Possibbiltà oħra kienet saħansitra l-mobilizzazzjoni tal-massa tal-armata Russa u popolazzjoni usa’, li tpoġġihom fuq bażi ta’ żmien il-gwerra. Putin ma użax id-diskors biex iħabbar xi eskalazzjoni, madankollu, ir-retorika tiegħu kontra l-Punent kienet soda daqs qatt qabel.
Putin irrefera għad-Donbas bosta drabi matul id-diskors, u deher jinsisti fuq l-istrateġija l-ġdida tar-Russja li tiffoka fuq il-“liberazzjoni” ta’ Donetsk u Luhansk.
Ir-reġjun sofra mill-aktar ġlied intens minn meta r-Russja invadiet l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.
by skoperta.net | 26/Mar/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Ir-Russja qalet li se tiffoka l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna fuq il-“liberazzjoni” tal-Lvant u b’hekk indikat possibilità ta’ bidla fl-istrateġija tagħha.
Il-ministeru tad-difiża qal li l-għanijiet ewlenin tal-ewwel stadju tal-gwerra huma kompluti.
L-invażjoni tar-Russja dehret immirata biex taħkem bliet ewlenin tal-Ukrajna u twaqqa’ l-gvern. Madanakollu, kellhom jiffaċċjaw ġlieda akbar milli huwa mifhum li kienu qed jistennew.
Intant, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy appella lir-Russja biex tagħraf il-ħtieġa għal taħdidiet serji għall-paċi.
by Dr Claire Azzopardi Lane | 19/May/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Huwa fatt li s-soċjetà ma taħsibx li n-nisa b’diżabilità jistgħu jkunu wkoll ommijiet. Ommijiet b’diżabilità jsostnu li l-bżonnijiet tagħhom bħala ġenituri b’diżabilità ma jintlaħqux kif meħtieġ ladarba jkunu saru ġenituri, u li s-soċjetà tonqos milli tipprovdi servizzi neċessarji li huma aċċessibbli għal ġenituri b’diżabilità.
L-aċċessibilità fiżika ilha kwistjoni universali għal għexieren ta’ snin, iżda ommijiet b’diżabilità għadhom ħafna drabi jsibu li wara li jkollhom it-tarbija, ħafna mill-affarijiet li huma mistennija jagħmlu bħala omm mhumiex aċċessibbli. Eżempji ta’ postijiet u servizzi inaċċessibbli jvarjaw minn postijiet ta’ proprjetà privata użati bħala klabbs tal-ommijiet u tat-trabi għal postijiet użati għas-servizzi mmexxija mill-istat.
Perċezzjonijiet soċjali jistgħu saħansitra jikkunsidraw persuni b’diżabilità li jeżistu barra l-konfini tar-riproduzzjoni. Perċezzjonijiet bħal dawn iduru madwar perċezzjonijiet ta’ inkapaċità dwar ommijiet b’diżabilità li jrabbu tarbija u l-inkompetenza preżunta tagħhom, u b’hekk ma jilħqux il-punti ta’ riferiment ideali ta’ ġenituri.
L-Artiklu 23 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità japprova d-dritt li ssir ġenitur u trabbi familja, filwaqt li l-Istrateġija Nazzjonali tagħna dwar id-Diżabilità tirrikonoxxi li dan is-suġġett ilu “meqjus tabù għal żmien twil wisq issa”.
Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità,
fi ħdan il-Fakultà għall-Benessri Soċjali tal-Università ta’ Malta,
li tagħha hija wkoll Viċi Dekan.
by Prof. Andrew Azzopardi | 04/May/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
“Mhux vera jimpurtana.”
Kliem iebes vera imma hekk hu, tal-anqas kif naħsibha jien. Cioè, dan il-qasam għamel titjib vera matul is-snin imma bl-iskossi. S’issa għadna nikkuntentaw b’tibdil sporadiku li jsir meta xi ħadd joħlom b’xi ħaġa. Għalkemm hemm policy u strateġija xorta nħoss li l-iżviluppi huma mifruxa u mhux strutturati. Dan il-qasam li ili nsegwi u nimmilita fih għal aktar minn 35 sena ħadem b’mewġ, daqqa ‘l fuq u daqqa ‘l isfel. Daqqa titfaċċa persuna li taf x’inhi tagħmel u daqqa le. Daqqa jkollna min ikun fuq quddiem fejn juru passjoni f’dan il-qasam u daqqa le. Din hija r-realtà.
Jekk vera rridu naraw tibdil irridu naraw aktar konsistenza u fost kollox nibdew naraw leadership li ġej mill-grassroots u fejn nassiguraw ruħna li dak li huwa bażiku nkunu qed noffruh.
Fejn naf jien.
Nista’ nibda mill-bankini. Issa mbilli għandna l-flyovers u network ta’ toroq ġodda u ħafna liġijiet u regolamenti u linji ta’ gwida. Ejjew ngħiduha kif inhi. Rari ssib 100 jarda fejn persuna tista’ timmanuvra l-wheelchair fuq bankina mingħajr ma tinkalja ma’ xi arblu jew xi tarġa jew xi statwa, xi mejda jew xi toqba.
Fejn naf jien.
Il-qasam tax-xogħol għadu qasam ibbażat fuq il-karità aktar milli fuq xogħol ta’ kwalità. Imma verament naħsbu li l-persuni b’diżabilità qed jiġu diretti lejn jobs sura jew inkella iktar moħħna biex nimlew il-kwoti? U fuq nota oħra kif nistgħu nistennew li persuni b’diżabilità javvanzaw fil-karriera meta għandek l-outpatients li ssir fil-ħin tal-iskola, meta persuni b’diżabilità speċjalment fil-bidu ta’ ħajjithom ikunu qed isegwu l-appuntamenti waqt il-ħin meta suppost qiegħdin skola għax ma jmurx il-professjonisti jaqbzu l-ħin ta’ filgħaxija – taf inti hemm mill-private practice li ħadd ma jrid iċedi?
Fejn naf jien.
Jekk tara l-issues marbutin mas-sess, is-sesswalità u r-relazzjonijiet fejn għadna mitt sena lura. Niċċensuraw u nimblukkaw dawk kollha li jippruvaw ikollhom relazzjoni. Mhux biss, is-soċjetà tibqa’ bigotta u selettiva għax għalihom persuna b’diżabilità ma tistax tħobb, tinnamara, ikollha sess u relazzjonijiet u forsi anke wlied.
Fejn naf jien.
Jekk tħares lejn il-qasam tad-divertiment li jibqa’ fil-maġġoranza tiegħu inaċċessibbli u donnu bil-barka tal-poter. Ħares lejn restaurants, il-boutique hotels, ħafna mill-hotels il-kbar, il-clubs, il-pubs, il-każini. Ngħidlek ma ssibx nofshom li jippermettu li persuna b’diżabilità li tuża’ l-wheelchair jew inkella b’issues marbutin mal-mobilità jirnexxilha.
Fejn naf jien.
Il-preżenza fil-midja – kwazi nulla għal kollox. Persuni b’diżabilità jiġu mistiedna biss jekk iridu jitkellmu fuq id-diżabilità – il-bqija xejn, zilg, zero. Qishom il-persuni b’diżabilità m’għandhom xejn x’jgħidu dwar l-imħabba, l-ekonomija, il-kannabis, il-PGD, il-ħabs, il-politika, il-korruzzjoni, l-immigrazzjoni. Nies li poġġejnihom fin-niċċa – noħorġuhom biss biex nipparadjawhom jew biex ikun hemm xi photo shoot jew ħalli noqogħdu nbusuhom u nagħtuhom il-flus. Mhux vera qed nippermettu li dawn il-persuni jkunu ċittadini attivi.
Fejn naf jien.
Il-qasam tal-inklużjoni u l-mudell ta’ LSEs u programm li jmexxu t-teachers fl-iskejjel li xxuttaw mill-effettività. Dan qasam li għandu bżonn naħsbu sew fuq kif qed nippruvaw nagħmlu l-inklużjoni meta tant nies direttament involuti lanqas biss jimpurtahom jew jemmnu f’din il-kawża.
Fejn naf jien.
Il-fatt li tant professjonisti jisolħu tant flus u pagelli esaġerati mill-ġenituri li jippruvaw jagħmlu kollox għall-uliedhom. Naħseb wasal iż-żmien li jkun hemm pagelli stabbiliti li jirriflettu l-ħidma u mhux l-ego tal-professjonsiti kkonċernati.
Ajma xi dwejjaq. Dan mhux il-qasam li jien immilitajt għalih. Wasal iż-żmien li din ir-rotta tinbidel mill-aktar fis.
L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li naħsbu li wasalna. Għax sar pass ma jfissirx li spiċċa l-vjaġġ imma sempliċiment beda. Dan is-settur jibqa’ wieħed mill-oqsma li l-aktar huwa fil-ġenb u fil-qiegħ tal-prioritajiet tagħna bħala pajjiż. Jekk m’aħniex ħa nkunu avventurużi u nillivellaw tant diżlivelli soċjali nistgħu nroddulu salib u nibqgħu ngħidu thank you għal xi loqma li tiġi f’din id-direzzjoni.
Jekk mhux ħa naraw moviment qawwi u organizzat ta’ persuni b’diżabilità u l-alleati tagħhom.
Jekk m’aħniex ha naraw CRPD aktar on the ball, deċiżiva, inċissiva u bla kompromessi.
Jekk mhux ħa naraw NGOs li kapaċi f’mumenti jitkellmu b’vuċi waħda.
Jekk mhux ħa naraw persuni b’diżabilità mogħnija b’leadership skills.
Jekk mhux ħa jkollna akktar persuni b’diżabilità kkwalifikati.
Jekk mhux ħa jibda jkun hemm direct action dawn il-persuni ha jibqgħu jieħdu ġo fihom bla risposta.
Jekk mhux ħa jkollna aktar riċerka empirika mill-Università.
Jekk mhux ħa jkollna aktar flus investiti fis-servizzi li jingħataw direttament lill-persuni b’diżastru.
Allura nistgħu nintefgħu nsaqqu l-ħass u s-siġar ta’ taħt il-flyover tal-Marsa.
Min għandu s-setgħa ħa jibqa’ jieħu dan is-settur bin-nejk u aħna nkomplu ngħidu thank you tal-loqom.
Wasal iż-żmien għar-revoluzzjoni, mhux bl-armi u l-vjolenza ovvjament, imma b’ħidma organizzata xprunata mill-persuni b’diżabilità nfushom.
Dekan – Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà