Select Page
Il-mewt ta’ Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li sofriet sitt ijiem qabel

Il-mewt ta’ Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li sofriet sitt ijiem qabel

Il-mewt tal-attriċi popolari Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li tatha sitt ijiem qabel mietet, fil-31 ta’ Diċembru tal-2021, fl-età ta’ 99 sena.


L-attriċi maħbuba ta’ Golden Girls u Mary Tyler Moore Show mietet id-dar tagħha f’Los Angeles.

Il-kawża kienet ikkonfermata mit-tabib ta’ White, kif inhu tipiku f’każi bħal dawn.

Hija ġiet kremata u l-fdalijiet tagħha ngħataw lil Glenn Kaplan, ir-raġel li kien inkarigat għall-kura tas-saħħa ta’ White.

Betty White, li kienet pedament televiżiv għal aktar minn 60 sena u kienet ammirata minn diversi ġenerazzjonijiet ta’ fans, mietet inqas minn 3 ġimgħat qabel għeluq il-100 sena tagħha.

Hector Bruno lura fuq it-TV bħala attur fit-tieni staġun ta’ Ulied il-Lejl

Hector Bruno lura fuq it-TV bħala attur fit-tieni staġun ta’ Ulied il-Lejl

Il-maħbub minn ħafna Hector Bruno se jkun qed jerġa’ lura fuq it-televiżjoni bħala attur fit-tieni staġun tad-drama Ulied il-Lejl, li tixxandar kull nhar ta’ Tnejn fit-20:30 fuq Net TV.

Dan żvelah fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Charles Stroud, li mhux biss huwa d-direttur ta’ Ulied il-Lejl, imma kien hu li għamel l-adattament tal-kotba Suwed Ulied il-Lejl għat-televiżjoni.

Huwa qal li huwa unur u gost għalih li reġa’ ħadem ma’ kollega u ħabib sinċier li ilu jaf ħafna.

Hector se jkun qed jinterpreta l-parti ta’ tabib, imma kif se jidħol il-karattru tiegħu nkunu nafu fit-tieni staġun ta’ Ulied il-Lejl, li se jibda f’April li ġej.

Napli: Ġuvni ta’ 15-il sena jmut wara ikla sushi

Napli: Ġuvni ta’ 15-il sena jmut wara ikla sushi

Luca Piscopo, ġuvni ta’ 15-il sena minn Napli, miet wara li kien mar jiekol ikla sushi flimkien ma’ sħabu.

Ftit sigħat wara l-ikel beda jħossu ma jiflaħx, b’deni qawwi, dijarea u rimettar. Sħabu li kienu miegħu wkoll kellhom sintomi ta’ avvelenament mill-ikel, b’wieħed minnhom ġie iddijanjostikat b’sintomi kkawżati mis-salmonella.

Qalb Luca waqfet nhar it-2 ta’ Diċembru. Bħalissa qed jiġu investigati kemm it-tabib li rah u tah il-mediċina għas-sintomi li kellu kif ukoll sid ir-ristorant Ġappuniż, minn fejn Luca kiel is-sushi.

L-investigaturi jridu jkunu ċerti jekk kienx hemm mard ieħor qabel jew jekk il-mewt tiegħu setgħetx verament tkun konnessa mas-sushi, anki jekk il-membri tal-familja tiegħu qed isostnu li Luca kien f’saħħtu, kif ukoll jekk it-tabib tahx il-mediċina t-tajba.

Sadanittant, ir-ristorant mistenni jibqa’ miftuħ sakemm joħroġ ir-rapport tal-awtopsja li jkun jindika b’mod ċar il-kawża tal-mewt tal-ġuvni.

Bryan Adams jirriżulta pożittiv għall-Covid għat-tieni darba f’xahar

Bryan Adams jirriżulta pożittiv għall-Covid għat-tieni darba f’xahar

Għal darb’oħra, Bryan Adams kellu jħassar il-pjanijiet tiegħu hekk kif il-mużiċist reġa’ rriżulta pożittiv għall-virus għat-tieni darba f’xahar.

Ir-rocker, li huwa wkoll fotografu, qasam fuq Instagram li kien irriżulta pożittiv wara li wasal fl-ajruport ta’ Milan Malpensa. Indika wkoll li kien se jmur l-isptar filwaqt li rringrazzja lil kulħadd tas-sapport.

F’Ottubru, Adams kellu jikkanċella prestazzjoni fiċ-ċerimonja ta’ induzzjoni tar-Rock and Roll Hall of Fame wara li rriżulta pożittiv. Dak iż-żmien ir-rappreżentant tiegħu qal li Adams kien imlaqqam kompletament u m’għandu l-ebda sintomi.

Tabib li tkellem li ġie mistoqsi dwar il-kundizzjoni ta’ Bryan Adams fil-preżent ma riedx jispekula fuq il-każ, madankollu qal li jista’ jkun li l-virus baqa’ fih u li rriżulta pożittiv għax qatt ma verament ħeles mill-virus fis-sistema tiegħu.

Adams mar l-Italja għall-avvenimenti promozzjonali għall-kalendarju 2022 ta’ Pirelli, li ġibed ir-ritratti għalih hu.

Il-kalendarju jinkludi ritratti ta’ diversi stilel inklużi Cher, Iggy Pop, Jennifer Hudson u Normani.

Huwa vera li l-irġiel bandiera bajda fejn tidħol tqala?

Huwa vera li l-irġiel bandiera bajda fejn tidħol tqala?

Bħala adolexxenti ġieli kienu jgħidulna li l-mara trid toqgħod attenta iktar mir-raġel waqt is-sess. Dan għaliex jekk tinqabad tqila, ir-raġel huwa bandiera bajda. Fiċ-ċensiment tal-Amerika (2020) turi li ¼ ta’ tfal m’għandhomx missierhom f’ħajjithom. Fid-Danimarka (2002), seħħet riċerka li turi li 40% ta’ missirijiet ma jħossuhomx involuti fil-konsultazzjonijiet relatati mat-twelid ta’ wliedhom.

Riċerka fl-Awstralja (2010) turi li 40% tal-irġiel jaħsbu li hija r-responsabiltà tal-mara li taħseb fil-kontraċezzjoni, minħabba li t-tqala sseħħ f’ġisem il-mara. Dan il-ħsieb huwa riżultat ta’ aspettattivi mis-soċjetà.

B’hekk nixtieq inressaq informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni. F’dan l-artiklu se nsemmi tipi differenti ta’ kontraċezzjoni għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

Il-metodu ritmiku:

Dan il-metodu jista’ jiġi użat mill-mara bħala mod kif tippjana l-attivitajiet sesswali tagħha b’mod ibbażat fuq il-fertilità tagħħa. Dan il-metodu isir billi tara skont il-kalendarju u t-temperatura tal-ġisem, biex tidentifika meta tkun l-aktar fertili. Hemm ukoll apps fuq il-mobajl li jistgħu jgħinuk fiha din, u jimmarka meta tkun fertili. Dan il-metodu mhux dejjem affidabbli u fil-fatt mhuwiex meqjus sikur. Dan għaliex iċ-ċiklu tal-mara jaf jinbidel, imma jekk tkun taf tevita ċerti ġranet jaf isserraħ rasek iktar. B’hekk l-aħjar li tista’ tuża kontraċettiv fiżikali wkoll.

Il-metodu tal-irtirar:

Dan il-metodu jsir meta r-raġel ineħħi l-pene mill-vaġina qabel l-eġakulazzjoni. Dan isir biex jipprevjeni l-isperma milli tidħol ġol-vaġina. Problema li tista’ sseħħ minn dan il-metodu huwa li jekk ma jkunx ippjanat tajjeb l-eġakulazzjoni u ‘l bogħod mill-ġenitali tal-mara, xorta tista’ sseħħ it-tqala. Għalhekk, dan il-metodu waħdu mhuwiex ikkunsidrat bħala mod ta’ kontraċezzjoni sikur. L-aħjar huwa li jekk tieqaf, waqt li tkun liebes kondom ukoll.

Il-Kondom:

Dan huwa l-iktar wieħed li nisimgħu bih. Dan huwa kontraċettiv użat mir-raġel, u għandu jintlibes mal-pene tiegħu. Dawn jistgħu jinstabu faċilment minn spiżerija u anke min siti onlajn bħal dawn. Il-kondom jikkawża barriera bejn il-partners. Minħabba din il-barriera, dawn jipprevjenu xi mard li jkun trasmess sesswalment bħall-HIV. Importanti li ma jintużax lubrikant magħmul miż-żejt, jew żejt, għax dan jista’ jagħmel ħsara lill-kondom.

Il-Femidom:

Din hija simili ħafna tal-kondom, però din tiġi mlibbsa mill-mara. Din titpoġġa ġol-vaġina tal-mara ħalli l-isperma ma tasalx ġol-utru. Din tidher qisha borża trasparenti u wkoll tikkawża barriera fiżikali bejn il-partners. Bħall-kondom, importanti li ma jintużax lubrikant magħmul miż-żejt, jew żejt, għax dan jista’ jagħmel ħsara lill-femidom.

Iċ-ċirku vaġinali:

Iċ-ċirku vaġinali huwa magħmul minn materjal flessibbli li huwa żgħir bħala qies. Dan jitpoġġa fil-vaġina, u jirrilaxxa l-ormoni oestrogen u progesterone. Wara 21-il ġurnata liebsa ċ-cirku vaġinali, għandek bżonn tbiddlu. Meta tneħħi ċ-ċirku vaġinali m’għandekx ikollok uġigħ, jekk dan iseħħ żur tabib mall-ewwel. Imbagħad trid tistenna ġimgħa sabiex iddaħħal ieħor ġdid. Jekk użat tajjeb, dan huwa effettiv, però huwa dejjem aħjar li tuża tip ta’ kontraċettiv ieħor miegħu, bħal kondom biex tevita mard trasmess sesswalment.

Pilloli kontraċettivi:

Pilloli kontraċettivi jipprevjenu l-ovulazzjoni. Jekk tieħu dawn il-pilloli, importanti li teħodhom l-istess ħin kuljum. Jekk ma teħodhomx kuljum, se jkollok iktar ċans li tinqabad tqila.

  • Pilloli Orali kkombinati:

Pilloli bħall-Yaz, Yasmin u Vreya jissejħu pilloli orali kkombinati. Dan għaliex fihom zewġ ormoni estroġenu u progesterone li jipprevjenu it-tqala.

  • Pilloli tal-Progesterone

Dawn il-pilloli żgħar ikollhom l-ormon ta’ progesterone biss. Dawn jistghu ikunu utli għal dawk li ma jistglux jieħdu pilloli kkombinati.

Apparat intrauterin (Intrauterine Device – IUD):

Dan l-apparat jitqiegħed fl-utru tal-mara u huwa tip ta’ kontraċettiv iktar fit-tul. Dawn huma effettivi ħafna biex jipprevjenu t-tqala. Hemm żewġ tipi ta’ dan l-apparat, dawk li; (1) jirrilaxxaw l-ormoni u (2) dawk li huma tar-ram.

  • Apparat Intrauterin li jirrilaxxaw l-ormoni

L-apparat intrauterin li jirrilaxxa l-ormoni jnaqqas ċ-ċiklu mestrwali jew anke jwaqqfu għal kollox. Dawn jipprevjenu t-tqala minn 3-6 snin. Hemm żewġ tipi ta’ dawn, il-Mirena u l-Jaydess.

  • Apparat Intrauterin tar-ram

Il-FlexiT u Eurogine Gold T u Monalisa huma apparati intauterini tar-ram. Dawn idumu sa 10 snin. Jistgħu jżidu l-ammont ta’ demm fiċ-ċiklu mestrwali, għalhekk ma jgħoddux għal min diġà ibati biċ-ċiklu ta’ fluss abbondanti.

L-apparat intrauterin huwa l-iktar effettiv, però jista’ jkun iktar għoli bħala prezz.

L-Impjant tal-kontraċezzjoni

L-Impjant tal-kontraċezzjoni huwa virga tal-plastik żgħir li huwa flessibbli. L-impjant jitpoġġa taħt il-ġilda tad-driegħ, b’użu ta’ anaesthesia lokali. Dan jirilaxxa l-ormon ta’ progesterone sabiex iħaxxen il-mukus ċervikali u l-inforra tal-utru tirqaq. Dan jista’ jitneħħa xħin trid, u l-fertilità tiġi lura għal kif kienet qabel. Dan jista’ jdum sa tliet snin qabel ma jerġa’ jinbidel.

L-iktar mod sikur huwa li tuża kontraċettivi kkombinati, sabiex jiġu evitati kemm it-tqala kif ukoll infezzjonijiet trasmessi sesswalment. Tkun xi tkun id-deċiżjoni tiegħek fuq il-kontraċezzjoni, kun żgur li titkellem dwarha mal-partner tiegħek.

L-esperti tagħna jistgħu jigwidawk lejn liema kontraċezzjoni huwa l-aħjar għalik, skont l-età tiegħek, ormoni u r-raġunijiet tiegħek għaliex tixtieq tirrikorri għall-kontraċezzjoni. Għal aktar tagħrif dwar dan is-suġġett, tista’ issibna fuq il-paġna ta’ Facebook tagħna hawnhekk jew anke tista’ ssegwi vidjows fuq Tiktok hawnhekk.

Enable Notifications OK No thanks