Select Page
Riċetta: Tadam Mimli

Riċetta: Tadam Mimli

Ingredjenti (għal 8 porzjonijiet):

8 tadamiet imdaqqsa

Ponn tursin

450g ċiċri (imsajjar jew tal-bott)

Żewġ kuċċarini kappar

Basla ħamra żgħira

30ml żejt taż-żebbuġa

Meraq tal-lumija

Nofs kuċċarina melħ

Kuċċarina tahini

Metodu:

  • Għaqqad l-ingredjenti kollha tal-mili fi proċessur tal-ikel. It-taħlita għandu jkollha konsistenza ħoxna.
  • Qatta’ n-naħa ta’ fuq tat-tadam u neħħi ż-żerriegħa.
  • Imla t-tadam bil-mili u itfa’ t-tursin imqatta’.
  • Servi b’insalata jew bil-ħobż frisk.

L-ikla t-tajba!

Qatt smajt b’La Tomatina Festival?

Qatt smajt b’La Tomatina Festival?

La Tomatina Festival isir kull sena matul l-aħħar Erbgħa ta’ Awwissu, ġewwa f’Buñol, raħal żgħir qrib Valencia, Spanja.

Dan il-festival imur lura għall-1945, meta xi subien żgħażagħ iddeċidew li jiksbu post tajjeb għall-parata fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-belt. L-enerġija li kellhom dawn iż-żgħażagħ wassal biex parteċipant waqa’ u r-reazzjoni tiegħu kienet ta’ rabja. Każwalment fil-viċin kien hemm bejjiegħ tal-ħaxix li safa’ vittma tal-folla furjuża; fil-fatt in-nies bdew iferqu lil xulxin bit-tadam.

F’dan il-festival jintuża madwar 120 tunnellata tadam aħmar, fejn eluf ta’ nies, kemm lokali u kemm barranin jattendu għalih. Dan il-festival jilqa’ massimu sa 22,000 parteċipant u wieħed irid ikollu ‘l fuq minn 18-il sena. It-Tomatina Festival jibda f’nofsinhar bum.

Trakkijiet mgħobbija bit-tadam jipproċedu għaż-żona tal-ġlieda filwaqt li xi nies tal-lokal ikunu fuq wara tat-trakkijiet jitfgħu t-tadam lil dawk kollha preżenti. Hekk kif jgħaddi t-trakk, kulħadd jogħdos fl-art ifittex it-tadam biex jarma ruħu għall-battalja… dak huwa meta jibda l-gost (jekk tista’ ssejjaħlu gost!). Kulħadd jibda jissotta t-tadam lil xulxin sakemm kulħadd jiġi tadama!

Riċetta: Tiġieġ bil-Basal u l-Ġobon Gruyère

Riċetta: Tiġieġ bil-Basal u l-Ġobon Gruyère

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Żejt taż-żebbuġa

Basla kbira mqatta’ rqiqa

Żewġ kuċċarini sagħtar frisk

Melħ u bżar, skont il-gosti tiegħek

Żewġ sinniet tewm, imqattgħin fin ħafna

750g sider tat-tiġieġ bla għadam u bla ġilda, maqtugħ f’biċċiet

Nofs kuċċarina riegnu imnixxef

Nofs kuċċarina ħabaq imnixxef

Nofs kuċċarina bżar cayenne

Żewġt imgħaref dqiq plejn

100ml stokk taċ-ċanga

100g ġobon Gruyère mqatta’

8 tadamiet taċ-ċirasa, maqsumin min-nofs

Tursin imqatta’ frisk, biex iżżejjen

Metodu:

  • F’taġen fond fuq nar medju, saħħan żewġt imgħaref żejt.
  • Żid il-basal, il-melħ, il-bżar u s-sagħtar.
  • Naqqas in-nar għal baxx u ħallih isir, ħawwad kultant sakemm il-basal jiġi karamelizzat, madwar 20 minuta u kważi mdewweb.
  • Żid it-tewm u t-tadam u sajjar għal 4 minuti.
  • Itfi n-nar u warrab it-taħlita tal-basal ġo platt. Imsaħ it-taġen bis-srievet tal-karti sabiex terġa’ tużah.
  • Fi skutella kbira, ħawwad it-tiġieġ bil-melħ, il-bżar, il-ħabaq, il-cayenne u l-oregano.
  • Imbagħad żid id-dqiq. Ħawwad kollox sew flimkien u għaffeġ ftit b’furketta.
  • Saħħan il-kuċċarina taż-żejt li fadal fl-istess taġen fuq nar medju.
  • Żid it-tiġieġ u sajjar sakemm jieħu kulur dehbi minn kull naħa u jkun kważi sar. Madwar 4 minuti fuq kull naħa.
  • Żid l-istokk taċ-ċanga, u żid it-taħlita tal-basal karamelizzat.
  • Ħalli t-taħlita tagħli, imbagħad naqqas in-nar għal baxx u ħalliha ttektek sakemm it-tiġieġ ikun imsajjar sew u l-istokk taċ-ċanga jonqos ftit, madwar 10 minuti.
  • Żid il-Gruyère u għatti t-taġen b’għatu. Sajjar sakemm il-ġobon idub, madwar żewġ minuti.
  • Neħħi minn fuq in-nar u żejjen bit-tursin qabel ma sservi.

Dan tista’ sservih waħdu wkoll.

L-ikla t-tajba!

Din ir-riċetta ġiet imwassla lilkom minni u minn Vince Busuttil.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Tortilla Wrap Breakfast

Riċetta: Tortilla Wrap Breakfast

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

4 Tortilla wraps

4 slajsis perżut tal-koxxa, imqattgħin

4 mgħaref ġobon mozzarella maħkuk

4 mgħaref żebbuġ imqatta’

Żewġ imgħaref tursin frisk imqatta’

4 mgħaref pejst tat-tadam imqadded

8 bajdiet

Bżar

*Nota: il-pejst tat-tadam imqadded tista’ tixtrih lest, jew kif għamilt jien, tagħmlu billi tħallat flimkien tadam imqadded u żejt taż-żebbuġa f’mixer tal-ikel sakemm ikollok pejst.

Metodu:

  • Ipprepara l-perżut, iż-żebbuġ, it-tursin, u l-ġobon biex issibhom lesti kif ikollok bżonnhom.
  • L-ewwel idlek ir-wraps min-naħa waħda bil-pejst tat-tadam imqadded.
  • Issa lesti t-taħlita tal-froġa billi tħabbat il-bajd, il-bżar u t-tursin flimkien fi skutella.
  • Saħħan iż-żejt ġo taġen.
  • Kif jisħon iż-żejt, itfa 4 imgħaref mit-taħlita tal-froġa. U kif taraha qed tibda tagħqad (wara xi żewġ minuti), malajr malajr irranġa mgħarfa żebbuġ, mgħarfa perżut u mgħarfa mozzarella fuq il-froġa.
  • Issa poġġi r-wrap min-naħa li hi midluka bil-pejst tad-tadam imqadded fuq il-froġa.
  • Agħfasha tikka b’idejk biex teħel mal-froġa. U mill-ewwel aqlibha biex ir-wrap tiġi fuq it-taġen.
  • Aqliha għal ftit minuti sakemm tiħmar, u aqlibha mill-ewwel ġo platt, u itwiha biex isserviha.
  • Irrepeti l-istess passi għat-tliet wraps l-oħra.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Froġa bil-Crisps

Riċetta: Froġa bil-Crisps

Ingredjenti:

3 bajdiet

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Żewġ imgħaref tursin frisk imqatta’

Borża Crisps ta’ 200g mingħajr melħ

Kuċċarina żejt taż-żebbuġa

Biex iżżejjen, tista’ tuża suppressat, perżut, tadam, żebbuġ jew kwalunkwe ħaġa oħra skont il-gosti tiegħek.

Metodu:

  • Ġo skutella ħabbat il-bajd mal-bżar, melħ, u t-tursin.
  • Ġo skutella oħra farrak ftit il-crisps.
  • Ipprepara tmien toothpicks bit-tiżjin li se tuża. Biex issibhom lesti kif tkun lesta l-froġa.
  • Issa saħħan iż-żejt f’taġen. Kif jisħon iż-żejt itfa’ t-taħlita tal-bajd fl-iskutella fejn għandek il-crisps. Ħawwadhom malajr malajr u mill-ewwel itfa’ t-taħlita kollha fit-taġen, biex il-crisps ma tkunx laħqet irtabet.
  • Sajjar il-froġa sew miż-żewġ naħat.
  • Aqlibha mill-ewwel fuq platt ċatt u aqtagħha fi tmien porzjonijiet.
  • Poġġi toothpick bit-tiżjin li kont ippreparajt fuq kull porzjon.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks