Select Page
24 sena mill-mewt tal-kantant Lucio Battisti

24 sena mill-mewt tal-kantant Lucio Battisti

24 sena ilu, fl-1998 il-mużika Taljana kienet tilfet wieħed mill-aktar esponenti sinifikanti tagħha. Dan mhu ħadd ħlief Lucio Battisti. Huwa kellu 55 sena u miet fl-isptar San Paolo ta’ Milan fejn kien ilu rikoverat mill-aħħar ta’ Awwissu.

Battisti huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar kantawturi u kompożituri magħrufa u influwenti fl-istorja tal-mużika pop/rock Taljana. Huwa beda l-karriera tiegħu fl-1966 u mill-1969 sal-1994 ħareġ 18-il album f’pajjiżu.

Fost il-kanzunetti popolari tiegħu nsibu: ‘I Giardini di Marzo’, ‘Il Mio Canto Libero’, ‘Emozioni’, ‘Un’Avventura’ u ‘Acqua Azzurra, Acqua Chiara’.

Huwa kien segwit immens kemm f’art twelidu, kif ukoll fuq din iċ-ċkejkna gzira tagħna. Fil-fatt, il-kanzunetti tiegħu għadhom jindaqqu ta’ sikwit fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali.

Ikkonfermati l-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest 2022

Ikkonfermati l-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest 2022

Laura Pausini, Alessandro Cattelan u Mika se jkunu l-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena.

Din l-aħbar eċitanti ġiet żvelata lbieraħ waqt it-tieni serata tal-festival ta’ Sanremo, meta t-tliet preżentaturi telgħu fuq il-palk flimkien mal-preżentatur Amadeus eżatt qabel xandira diretta mal-Belt ospitanti tal-Eurovision, Turin fejn ġie pproġetta arloġġ tal-countdown fuq l-ikonika Mole Antonelliana.

Laura Pausini hija possibbilment l-aktar artista Taljana popolari u ppremjata fid-dinja. Hija rebħet erba’ Latin Grammys, Grammy Award u Golden Globe. Fl-2021, hija ġiet nominata għall-Academy Award għall-aħjar kanzunetta oriġinali bil-kanzunetta Io Sì (Seen) mill-film The Life Ahead.

Il-karriera mużikali tagħha teħodha madwar id-dinja kollha, u l-aħħar album tagħha huwa wkoll is-soundtrack għall-film li ħiereġ, Pleasure to Know You.

Alessandro Cattelan huwa magħruf ħafna fl-Italja bħala preżentatur televiżiv għal 20 sena. Ħoloq u ppreżenta diversi programmi, serati ta’ divertiment u introduċa wkoll formati ġodda fl-Italja bħal Total Request Live, Le Iene u X Factor Italy.

F’Marzu, Cattelan se jippreżenta programm ġdid fuq Netflix, Alessandro Cattelan: Una Semplice Domanda (Mistoqsija waħda sempliċi). Fil-programm, se jkun qed iwassal intervisti u esperjenzi uniċi ma’ diversi personalitajiet popolari.

Michael Holbrook Penniman Jr. huwa kantawtur, artist, entertainer tat-televiżjoni u r-radju, disinjatur u illustratur.

Ilu magħruf bħala Mika mill-2007, meta kien fil-quċċata tal-klassifika mużikali fir-Renju Unit bil-kanzunetta Grace Kelly, li saret popolari ħafna fid-dinja fi żmien qasir. Ġew mibjugħa aktar minn 3 miljun kopja tal-kanzunetta madwar id-dinja, u l-album ted-debutt tiegħu Life In Cartoon ikklassifika mill-ewwel fin-numru wieħed fir-Renju Unit u 11-il pajjiż ieħor, u ġew mibjugħa aktar minn 7 miljun kopja madwar id-dinja.

Is-66 edizzjoni tal-Malta Eurovision Song Contest se jsir fl-10, it-12 u l-14 ta’ Mejju fil-Pala Olimpico f’Turin, l-Italja.

Tmut l-attriċi Monica Vitti – Meqjusa bħala ikona taċ-Ċinema Taljana

Tmut l-attriċi Monica Vitti – Meqjusa bħala ikona taċ-Ċinema Taljana

L-attriċi Monica Vitti, li ħadet sehem f’sensiela ta’ films Taljani fis-sittinijiet, mietet fl-età ta’ 90 sena kawża ta’ kumplikazzjonijiet mill-marda tal-Alzheimer.

L-aħbar ġiet ikkonfermata fi stqarrija mill-Ministru għall-Kultura, Dario Franceschini. Waqt li taha ġieħ, huwa ddeskriviha bħala r-reġina taċ-ċinema Taljana u artista kbira.

Monica Vitti kienet ilha nieqsa mix-xena tal-ispettaklu minn meta ġiet iddijanjostikata bil-marda fl-2001.

Imwielda f’Ruma fit-3 ta’ Novembru tal-1931 bl-isem ta’ Maria Luisa Ceciarelli, hija kisbet suċċess kbir kemm fiċ-ċinema Taljana kif ukoll dik internazzjonali.

Hija għamlet żewġ films bl-Ingliż, Modesty Blaise ma’ Terence Stamp u Dirk Bogarde fl-1966.

Qabel ma qalbet għall-kummiedji fis-snin 70, Vitti ħadet sehem f’sensiela ta’ films magħmula mid-direttur Michelangelo Antonioni, il-maħbub tagħha dak iż-żmien, fosthom L’Avventura, La Notte, L’Eclisse u Red Desert.

Mużika Taljana waqt The Entertainers tal-lejla

Mużika Taljana waqt The Entertainers tal-lejla

Il-kantanti Neville Refalo, Michela Galea, Nathaniel Attard u l-kantanta Taljana Anna Persico, l-atturi Sharon Calleja u Michael Stivala flimkien mal-illużjonista Alfred Mifsud se jkunu fost il-mistiedna ewlenin fil-programm ta’ The Entertainers tal-lejla, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li jixxandar fuq Net TV kull nhar ta’ Sibt fit-20.30.

Bi preżentazzjoni ta’ Victorio Gauci din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistiedna. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.

Minn dan l-istaġun The Entertainers qed jiċċelebra memorji minn deċennji li għaddew u li llum huma biss tifkiriet. F’dan il-programm se nittrattaw il-mużika Taljana b’diversi interpretazzjonijiet ta’ kanzunetti popolari Taljani minn kull epoka.

Minbarra l-mużika, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikompli l-logħob bejn il-mistiedna li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettatri.

Din il-ġimgħa titkompla l-ewwel fażi tas-seba’ edizzjoni ta’ The Entertainers Singing Challenge.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina.

Kurt Cassar jelabora dwar il-kanzunetta li se jniedi dalwaqt, imma mhux biss!

Kurt Cassar jelabora dwar il-kanzunetta li se jniedi dalwaqt, imma mhux biss!

Nitkellmu ma’ Kurt Cassar

Kurt, fi ftit jiem oħra se tkun qed tniedi kanzunetta oriġinali. X’tista’ tgħidilna dwarha?

Ilni minn Ottubru li għadda naħdem ma’ produtturi Maltin u anki barranin biex noħroġ l-aħjar mill-materjal oriġinali tiegħi u rnexxielna noħolqu ‘l fuq minn 12-il kanzunetta oriġinali. L-ewwel kanzunetta konna se nniduha f’April però tinvolvi artista oħra minn barra l-pajjiż b’hekk kellna problema biex niffilmjaw minħabba l-pandemija. Issa wasal iż-żmien.

L-ewwel kanzunetta oriġinali li se nniedi se tkun b’kollaborazzjoni mal-artista Taljana Kel Moncado, li ltqajt magħha daqs 3 snin ilu fl-X Factor. Il-kanzunetta se ġġib l-isem ta’ Not This Time, miktuba minni u minn Kelly. Ġiet prodotta ġewwa l-Italja u hija kanzunetta li titratta d-d-dipendenza emozzjonali. Madanakollu, hija kanzunetta pożittiva ħafna wkoll. Din il-kanzunetta hija sfida personali għalija. Mhix ta’ ġeneru li tarawni fih is-soltu. Stil etniku, pop, kontemporanju. Inħeġġiġkom li ssegwu!

Kif inhi r-relazzjoni personali bejnek u bejn Kelly?

Kelly hija bniedma li jien ma tantx irrikonoxxejt f’X Factor…Forsi tkun moħħok f’dak li qed tagħmel int iktar milli dak li qed jagħmel ħaddieħor però jkolli nammetti li waqt Bootcamp ma kellix xi viżjoni ċara li xtaqt naħdem magħha. Wara l-esperjenza, bdejna nitkellmu, bdejna nifhmu lil xulxin u bdejt insegwi l-affarijiet li tagħmel. Bniedma unika, b’talent uniku. Ġieli f’dawn it-Television shows persuna ma toħroġx l-aħjar tagħha minħabba diversi fatturi. Jien u Kelly nedejna diversi ‘cover versions’, u r-rispons tan-nies kien dejjem sostanzjali. Bla dubju ma stajtx ma niftaħx dan is-separju ġdid fil-karriera tiegħi mingħajr ma tkun involuta hi. Ħabiba kbira u tal-qalb. Magħha nħossni komdu nitkellem dwar kollox u meta ngħidlek kollox..KOLLOX!

Għidilna ftit dwarek, min hu Kurt?

Jien bniedem sensittiv, nar tat-tiben, emozzjonali ħafna u ambizzjuż ħafna. Kurt kumpless imma sempliċi ħafna wkoll.

Għandek lil xi ħadd speċjali f’ħajtek?

Ejja ngħidu… li kkumplikata.

Persuna li ma tgħix mingħajrha..

Ommi. Mill-bqija mingħajr kulħadd nidra.

Minn meta ħassejt li l-kant u l-mużika huma daqstant importanti f’ħajtek?

F’kull qasam domt ma skoprejt x’verament ridt u nazzarda ngħid li domt ma sibt lili nnifsi mhux artistikament biss però l-unika ħaġa li kont dejjem ċert minnha hija l-mużika. Meta tkun għadek tifel ta’ 5 snin u tħoss passjoni u vokazzjoni fl-istess ħin, għid li tkun għalik. Kullimkien, l-iskola, id-dar…kont inkanta. Il-mużika u l-kant huma rigal. Inżid ukoll li mhux biżżejjed li jkollok talent, trid tqum mir-raqda u tisfruttah. Meta kont żgħir u kont nara kantanti fuq it-televixin, kont indur lejn ommi u ngħidilha..”Ma jien hekk ta se nkun…kantant”.

Liem esperjenzi mużikali li kellek s’issa, l-aktar li tgħożż?

Jien inħoss li għamilt ħafna u li m’għamilt xejn fl-istess ħin. Forsi għax jien bniedem ambizzjuż u iebes ħafna fuqi nnifsi. Ma tantx nikkuntenta ruħi malajr. Id-debutt tiegħi fix-xena lokali seħħ fl-2014 waqt il-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn kont irbaħt il-premju Talent Ġdid. Matul l-istess sena kont ġejt imsejjaħ nipparteċipa f’diversi avvenimenti mużikali ewlenin bħal Beerfest, Beland u anki Wine Festivals li ħafna Maltin jattendu bi ħġarhom. Komplejt nitħarreġ vokalment u bqajt nipparteċipa f’festivals lokali ewlenin. Esperjenzi li ma ninsa qatt huma festivals internazzjonali bħal George Grigoriu fir-Rumanija fejn kont wasalt mal-ahhar 5 fil-Finali, il-popolari Festival Show f’Venezja, meta rbaħt il-Festival orkestrali Taljan ta’ Mascalucia fl-Italja fost oħrajn. Hemm ħafna iktar x’ insemmi.

Hemm xi artisti internazzjonali li jispirawk?

Jien insegwi artisti li huma reali..Li ma jibbażawx l-art tagħhom fuq ‘Gimmicks’.. Artisti li għandhom vuċi u timbru li huma distinti. Ma jimpressjonawnix artisti li huma iktar ‘influencers’ milli artisti. Nammira artisti bħal James Arthur, Lewis Capaldi, John Legend, Macy Gray, Jim tal-grupp PH.d fost oħrajn. Jien insegwi artisti li jitrażmettu emozzjoni sempliċiment billi jkantaw. Naf li d-dinja nbidlet illum il-ġurnata però bqajt ‘old school’.

Nerġgħu narawk f’X Factor?

Iva, xi darba, dak huwa l-ħsieb, imma d-darba li jmiss b’mindset differenti totalment. L-ewwel darba li pparteċipajt ma ħadtx l-esperjenza bl-akbar maturità. Issa nħossni ppreparat sew ħafna għal kompetizzjoni bħal dik, artistikament u mentalment ukoll. Jekk hux Malta jew barra minn Malta però ma nafx.

X’inhuma l-affarijiet li jogħġbuk fik bħala kantant u xi ħaġa li kieku tista’ tbiddel?

Nemmen ħafna li għandi timbru maskili distint u min jismagħni u ma jkunx jafni jgħaddi dan il-kummenti dejjem.

Togħġobni l-vulnerabilità tiegħi waqt il-kant. Jekk inkun imdejjaq l-emozzjoni f’leħni turi, jekk kuntent ukoll, jekk għejjien ukoll. Prova li t-talent huwa mehmuż magħna għax jirrifletti dak li nkunu għaddejin minnu. Iktar milli nbiddel, kieku nikkontrolla iktar l-emozzjonijiet għaliex ġieli kif jgħidu l-Ingliżi…”I overdo it”, u nikkontrolla aktar l-użu tal-idejn waqt il-prestazzjonijiet tiegħi. Ġieli jintirtu drawwiet li mhux faċli tegħlibhom.

Xi tgħidilna fuq l-imħabba tiegħek lejn Londra?

Londra għandha post speċjali ħafna f’qalbi. Tlajt l-ewwel darba ma’ missieri ta’ 19-il sena meta kont ġejt mogħti l-opportunità li naħdem xi materjal ġewwa studjow professjonali f’Soho..u minn hemm ġew diversi opportunitajiet. Għadni sal-lum il-ġurnata nitla’ darba f’xahrejn għal sessjonijiet kontinwi ta’ Busking f’parti elementari f’Londra ġewwa Harrods mal-kitarrist tiegħi Robin Ward.

Apparti minn hekk kelli ċans ukoll inkanta mal-band The Americans darbtejn waqt l-ispettaklu tas-Sena l-Ġdida f’Hyde Park, Winterwonderland quddiem eluf kbar ta’ nies. Londra tatni esperjenzi ħelwin ħafna li għenuni nikber bħala artist. Illum il-gurnata li nkun sejjer Londra daqs li kieku sejjer qadja l-Belt. Dik it-tieni dar tiegħi! Wara l-pandemija, nerġa’ nitla minnufih..

Min huma l-artisti lokali li jispirawk?

Ira Losco togħġobni għax baqgħet persuna tan-nies u għax baqgħet innovattiva għalkemm ilha hafna fix-xena. Togħġobni l-kantanta Nicole Frendo, mhux biss artistikament imma anki mill-aspett uman. Jogħġbuni wkoll Mario Vella tal-Brikkuni, Errol Sammut u Matthew James Borg. Dawn ftit fost ħafna, ovvjament.

Ftit xhur ilu nedejt il-verżjoni Maltija ta’ ‘We are the world’. Kif kienet din l-esperjenza?

Kelma waħda. MAĠIKA. Minn idea ċkejkna għal proġett mużikali li sar proġett nazzjonali fi ftit żmien. Proġett li minkejja l-limitazzjonijiet kollha li kellna, daħal fid-djar tal-Maltin kollha. Grazzi lill-artisti lokali kollha li pparteċipaw!

B’liema lingwa tippreferi tkanta?

Jien inkanta bi tliet lingwi u t-tlieta li huma jagħtuni sodisfazzjon. Bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. S’issa għadni ma ftaħtx sew bil-Malti, għalkemm lura lejn l-2018 kont nedejt il-kanzunetta Anġlu Ħaj bil-parteċipazzjoni t’Ekklesia Sisters u kienet intlaqgħet sew. Infakkar ukoll il-kanzunetta Teżor li kienet iklassifikat mal-ahjar 5, fil-KKI 2016.

L-ansjetà u l-mużika, x’konnessjoni hemm bejniethom f’ħajtek?

L-ansjetà hija parti minni. Ikollok mumenti li ma jkunux faċli u oħrajn tajbin. L-ansjetà hija kundizzjoni li ma tgħejjikx biss mentalment imma fiżikament ukoll. Meta kont fl-agħar żmien, iddeċidejt li ndur għall-mużika bis-serjetà wkoll. L-ansjetà għenitni ndur għall-affarijiet li lili jagħtuni identità u kuntentizza u għalhekk il-mużika hija waħda mir-raġunijiet għalfejn ngħix. Hija personali ħafna u mhux kulħadd jista’ jifhimni.

Liema kienet l-aktar fażi diffiċli f’ħajtek?

Meta m’aċċettajtx min tassew jien. Sakemm sibt lili nnifsi batejt ħafna. Għext ħajja ta’ suppressjoni, biża’, inċertezzi, ħsibijiet u konfużjonijiet. Kelli 18-il sena meta bdejt niġi konxju ta’ ċerti sentimenti li qabel ma kontx nagħti każ…tkun żgħir u jgħaddi kollox imma l-bniedem jibqa’ sakemm jiskopri min verament hu.

Huwa proċess naturali li jien ikkontrollajt b’mod ħażin ħafna li anki għamilt ħsara lili nnifsi. Illum kburi ħafna b’dak li jien u ma nbiddilni ma’ ħadd. Parir wieħed nagħti, jekk f’ħajjitkom taslu f’punt fejn tħossukom imbeżżgħin ħafna, fittxu l-għajnuna. Terfgħux kollox fuq spallejkom għax tagħmlu ħafna ħsara. Ħadd mhu indispensabbli.

Semmi episodju negattiv li għaddejt minnu fil-qasam mużikali u għidilna x’tgħallimt minnu.

Inkun onest, kull esperjenza li kelli dejjem kienet pożittiva imma memorja riċenti li kienet ħalliet impatt fuqi kienet il-parteċipazzjoni tiegħi fit-tieni staġun tal-X Factor. Ħassejtni fil-post il-ħażin minn x’ħin qomt dakinhar. Meta l-gut feeling tiegħek jgħidlek biex ma tagħmilx xi ħaġa, tagħmilhiex. Niftakarni naħtaf lil kull min ikellimni. Kont fgat u ħassejtni skomdu. Bl-Ingliż..”I was at the right place in the wrong time”… Fil-fatt ir-riżultat ma kienx wieħed kif xtaqt. Jiddispjaċini wkoll meta ħallejt nies fix-xena lokali jimmanipulawni u jużaw id-dgħufijiet tiegħi biex jieħdu li jridu. Qatt tħalli lil ħadd idaħħallek f’moħħok li l-valur tiegħek mhux għoli. Emmen fik innifsek u jekk verament għandek talent ibqa’ stinka. Xi darba l-bieb jinfetaħ. L-importanti li ma tkunx deluż…irid ikun hemm fiex temmen biex temmen le?

Tixtieq li jkollok l-opportunità li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision?

Għalissa żgur li le. Għandi aspirazzjonijiet oħrajn u m’għadx għandi l-istima li kelli lejh.

X’hemm għaddej iktar f’ħajtek minbarra l-mużika?

Bħalissa qed nippubblika l-ewwel Rumanz bil-Malti mill-pinna tiegħi. Il-kitba hija importanti ħafna għalija però togħġobni l-kitba libera. Mhux se nikteb biex ngħid se nagħmel kanzunetta. Le, ħallini nikteb fil-libertà. Ħajti mimlija ħafna. Għandi x-xogħol tiegħi li hu wkoll għal qalbi. Jien naħdem fil-qasam tal-propjetà. L-ewwel xogħol li rnexxieli nsaddad fih 3 snin sħaħ minn wara li tlaqt mill-Korp tal-Pulizija.

Xi jbeżżgħek l-iktar?

Xejn ma jbeżżagħni ħlief li xi darba nitlef lil ommi, u l-mard u l-mewt. Jien nibża’ ħafna ħafna mill-mewt u naf li xi darba rrid ngħaddi minnha bħal kulħadd sfortunatament.

Hemm xi ħolm li tixtieq twettaq?

Is-sena l-oħra ġejt mogħti ċ-ċans li nagħmel sfida fil-programm Amici ta’ Maria de Filippi. Minħabba l-pandemija sfortunatament tħassru l-isfidi ta’ kontestanti barra mill-pajjiż u tifhimha…imm’ Amici kien wieħed minn dawk l-ewwel programmi li kkonfermali l-passjoni tiegħi lejn il-mużika, u iva, jekk ikolli nagħżel, li nkun parti mill-programm imqar għal jumejn hija ħolma kbira tiegħi bħalissa. Kont viċin u beħsiebni nissielet iktar u nittama!

Hemm xi proġetti oħra li għandna nistennew mingħandek?

Fil-futur qarib se nkun qed naħdem fuq kollaborazzjonijiet interessanti. Għal Diċembru wkoll qed inħejji xi ħaġa speċjali li tinvolvi diversi artisti lokali. Mill-bqija se nibqa’ nniedi l-materjal oriġinali li għandi mħejji u kif jgħidu l-Ingliżi…”I’m gonna go with the flow”.

Enable Notifications OK No thanks